Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Faċilitajiet fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Faċilitajiet tal-port għal skart minn bastimenti, inklużi fdalijiet mill-merkanzija' for an updated information about the subject.

Faċilitajiet fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din ittejjeb id-disponibbiltà u l-użu tal-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-port għal skart iġġenerat mill-bastimenti u fdalijiet mill-merkanzija.

Tistabbilixxi wkoll ir-reġim ta’ infurzar, inkluża sistema għall-ispezzjonijiet u għall-iskambju ta’ informazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tkopri:

  • il-bastimenti kollha, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, li jaslu fil-port ta’ pajjiż tal-UE, esklużi l-bastimenti tal-gwerra u bastimenti li jappartjenu għal jew imħaddma minn stat għal skopijiet governattivi mhux kummerċjali;
  • il-portijiet kollha fi ħdan il-pajjiżi tal-UE li normalment jintużaw minn dawn il-bastimenti.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet:

  • jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-bastimenti li jagħmlu użu mill-portijiet mingħajr ma jikkawżaw dewmien eċċessiv;
  • ikunu mfassla skont id-daqs tal-port u l-kategoriji ta’ bastimenti li jidħlu hemm, peress li portijiet akbar għandhom tendenza jkollhom iktar traffiku u bastimenti akbar.

L-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart

Irid jitfassal pjan ta’ akkoljenza u tqandil tal-iskart f’kull port. Dawn il-pjanijiet iridu jiġu approvati u evalwati mill-pajjiż tal-UE kkonċernat. Il-pjanijiet iridu jerġgħu jiġu approvati mill-inqas kull tliet snin.

Notifika

Il-kaptani tal-bastimenti (ħlief dgħajjes tas-sajd u opri tar-rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier) li jkunu sejrin lejn port fl-UE huma meħtieġa jinnotifikaw ċerta informazzjoni, b’mod partikolari:

  • id-data u l-aħħar port li fih ġie kkunsinjat skart iġġenerat mill-bastiment;
  • it-tipi u l-ammonti ta’ skart u fdalijiet li għandhom jiġu kkunsinjati u/jew li jkun fadal abbord, u l-perċentwali tal-kapaċità tal-ħażna massima.

Kunsinna

L-iskart iġġenerat mill-bastimenti jrid jiġi kkunsinnat lil awtorità tal-akkoljenza tal-port qabel it-tluq minn port fl-UE, sakemm il-kaptan ma jkunx jista’ jipprova li l-bastiment għandu biżżejjed kapaċità tal-ħażna ddedikata sabiex jintlaħaq il-port maħsub għall-kunsinna. Madankollu, f’dan il-każ, pajjiż tal-UE xorta jista’ jirrikjedi li l-bastimenti jikkonsenjaw l-iskart tagħhom qabel jitilqu mill-port, jekk ikollu raġunijiet raġonevoli sabiex ikun jemmen li:

  • il-port maħsub ma għandux faċilitajiet xierqa;
  • jew, il-port maħsub ma jkunx magħruf;
  • u, għalhekk, hemm riskju li l-iskart jintrema fil-baħar.

Spezzjonijiet

Tapplika ħtieġa minima tal-ispezzjoni ta' 25 % għall-bastimenti li joperaw f’port tal-UE. Il-pajjiżi tal-UE jridu jagħtu attenzjoni partikolari lill-bastimenti li:

  • ma kkonformawx mal-ħtieġa ta’ notifika;
  • ikunu ssuspettati li ma kkonsenjawx l-iskart tagħhom b’konformità mad-direttiva.

Imposti tal-iskart

Il-portijiet iridu jistabbilixxu sistemi għall-irkupru tal-ispejjeż sabiex jinkoraġġixxu l-kunsinna ta’ skart fuq l-art u jiskoraġġixxu r-rimi fil-baħar. Il-bastimenti kollha li jaslu f’port tal-UE se jġarrbu parti sinifikanti mill-ispiża (stabbilita għal 30 % mill-Kummissjoni Ewropea) irrispettivament mill-użu attwali tal-faċilitajiet. L-imposti jistgħu jiddiferixxu skont il-kategorija, it-tip u d-daqs tal-bastiment. L-imposti jistgħu wkoll jitnaqqsu jekk il-kaptan tal-bastiment ikun jista’ juri li l-ġestjoni ambjentali, id-disinn, it-tagħmir u t-tħaddim tal-bastiment jipproduċu kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart iġġenerat mill-bastimenti.

Implimentazzjoni

Studju ta’ evalwazzjoni finali ppubblikat fl-2015 mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva sab li kienet parzjalment effettiva, effiċjenti u koerenti. Dan identifika wkoll għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jiġu indirizzati f’reviżjoni tad-direttiva.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-28 ta' Diċembru 2000. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha f'liġi nazzjonali sat-28 ta' Diċembru 2002.

SFOND

Il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar tista' titjieb billi jitnaqqas ir-rimi fil-baħar ta' skart iġġenerat mill-vapuri u l-fdalijiet tal-materjal mill-merkanzija.

ATT

Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet ta’ l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81–90)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2000/59/UE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 24.02.2016

Top