Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Navigazzjoni bl-ajru sikura: Kontribut għal Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)

Navigazzjoni bl-ajru sikura: Kontribut għal Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim Bejn il-Komunità Ewropea, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru dwar Kontribuzzjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ Sistema Globali għan-Navigazzjoni bis-Satellita

Id-Deċiżjoni 98/434/KE Li tikkonċerna l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, l-Aġenzija Ewropea dwar l-Ispazju u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà fin-Navigazzjoni Aerea dwar kontribuzzjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ sistema globali ta’ navigazzjoni globali b’satelliti (GNSS)

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

PUNTI EWLENIN

L-istudji dwar in-navigazzjoni bis-satellita qed jevolvu u laħqu livell ta’ maturità suffiċjenti biex jinħoloq kontribut Ewropew għal sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita indipendenti minn mezzi oħra ta’ radjunavigazzjoni u pożizzjonament bir-radju, u b’hekk jippermettu involviment akbar tal-industrija Ewropea f’dan il-qasam, inkluż permezz ta’ proġetti bħaż-2 sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita tal-Ewropa, Galileo u EGNOS*, kif ukoll tas-Suq tal-GNSS.

Il-Ftehim ikopri:

  • l-iżvilupp ta’ kapaċità operattiva għal kontribut Ewropew għall-GNSS 1*, bl-użu ta’ sistemi eżistenti bis-satellita u kwalunkwe awmentazzjoni xierqa ta’ dawn is-sistemi;
  • koordinazzjoni biex tinkiseb kapaċità operattiva sħiħa għall-GNSS 1;
  • ħidma preparatorja parallela fuq il-GNSS 2*.

Il-partijiet jaqblu fuq dan li ġej:

Kumitat Tripartitiku Konġunt jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena biex jissorvelja l-implimentazzjoni, jifformula linji gwida u jikkoordina approċċi komuni għall-kisba tat-termini tal-Ftehim. L-UE hija rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

Kull parti għandha:

  • taqsam l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha;
  • ma tiżvela l-ebda informazzjoni skambjata lil kwalunkwe persuna minbarra dawk impjegati minnha jew li jkunu uffiċjalment intitolati li jittrattaw tali informazzjoni;
  • ma tużax din l-informazzjoni għal skopijiet kummerċjali.

Barra minn hekk, il-Ftehim:

  • jiddeskrivi d-drittijiet tal-proprjetà tat-tliet organizzazzjonijiet, li jimpenjaw ruħhom li jagħmlu l-arranġamenti finanzjarji meħtieġa biex jimplimentaw il-Ftehim;
  • jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà għall-attivitajiet imwettqa skont il-Ftehim;
  • jobbliga li l-attivitajiet tar-relazzjonijiet pubbliċi jiġu kkoordinati bejn il-partijiet, bi rwoli identifikati b’mod ċar;
  • jista’ jiġi emendat biss bi ftehim bil-miktub unanimu;
  • ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi rilevanti.

It-tilwim bejn il-partijiet jista’ jkun:

  • ippreżentat lill-Kumitat Tripartitiku Konġunt għal negozjati diretti; jew
  • jiġi riżolt minn 5 arbitri, 3 maħtura mill-partijiet u 2 mill-kumitat.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Ġunju 1998.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS): sistema dinjija bbażata fuq is-satelliti biex tiddetermina l-pożizzjoni, il-veloċità u l-ħin, maħsuba biex tissodisfa b’mod permanenti r-rekwiżiti potenzjali tal-utenti għall-applikazzjonijiet ċivili.
Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS): It-tisħiħ Ewropew ta’ sistemi eżistenti ta’ navigazzjoni u pożizzjonament bis-satellita, bl-użu ta’ satelliti ġeostazzjonarji (jiġifieri satelliti li jidhru weqfin ’il fuq minn ċertu punt fuq id-dinja) bil-għan li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom fl-ajru fuq l-Ewropa u jipprovdu kapaċità fuq iż-żoni kollha tax-xandir ġeostazzjonarju. EGNOS hija komponent Ewropew tal-GNSS 1.
GNSS 1: implimentazzjoni inizjali tal-GNSS, ibbażata fuq is-sistemi militari eżistenti tan-navigazzjoni bis-satellita tal-Istati Uniti u tar-Russja, awmentati b’sistemi ċivili, imfassla biex jipprovdu lill-utent monitoraġġ indipendenti biżżejjed tas-sistema kollha.
GNSS 2: sistema dinjija ta’ navigazzjoni ċivili bis-satellita li għandha tkun ikkontrollata u ġestita b’mod internazzjonali, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kategoriji kollha ta’ utenti biex tiddetermina l-pożizzjoni, il-veloċità u l-ħin.

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Ftehim Bejn il-Komunità Ewropea, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru dwar Kontribuzzjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ Sistema Globali għan-Navigazzjoni bis-Satellita (SGNS) (ĠU L 194, 10.7.1998, pp. 16-24)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/434/KE tat-18 ta’ Ġunju 1998 Li tikkonċerna l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, l-Aġenzija Ewropea dwar l-Ispazju u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà fin-Navigazzjoni Aerea dwar kontribuzzjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ sistema globali ta’ navigazzjoni globali b’satelliti (GNSS) (ĠU L 194,10.7.1998, p. 15)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 1-24)

Ir-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 276, 20.10.2010, pp. 11-21)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 912/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 10.09.2020

Top