This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Access to electronic communications networks
Aċċess għal netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi
Aċċess għal netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi
This summary has been archived and will not be updated. See 'Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi' for an updated information about the subject.
Aċċess għal netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi
Din id-direttiva tarmonizza l-mod kif il-pajjiżi tal-UE jirregolaw l-aċċess għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u l-interkonnessjoni tagħhom. Id-direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri tan-netwerks u s-servizzi li se jirriżulta f’kompetizzjoni sostenibbli u l-interoperatbilità tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.
ATT
Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess).
SOMMARJU
Flimkien ma’ erba’ direttivi oħrajn (id-direttivi ta' qafas, ta' awtorizzazzjoni, tas-servizz universali, u tal-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), id-Direttiva dwar l-aċċess tifforma parti mill-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet li jiddefinixxi l-qafas regolatorju li għandu l-għan li jagħmel is-settur tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi aktar kompetittiv.
Fl-2009, il-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet ġie emendat mid-direttivi dwar leġiżlazzjoni aħjar u dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, kif ukoll mill-ħolqien tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej fit-Telekomunikazzjoni (BEREC).
Applikazzjoni
Id-direttiva tapplika għall-forom kollha ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni li jwettqu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli. Dawn jinkludu netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet fissi u mobbli, netwerks li jintużaw għax-xandir terrestri, netwerks tat-televiżjoni bil-kejbil, u netwerks satellitari u tal-Internet li jintużaw għat-trażmissjoni ta’ vuċi, faks, dejta u stampi.
Prinċipju ġenerali
Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li ma hemm l-ebda restrizzjoni li timpedixxi lill-impriżi fl-istess pajjiż tal-UE jew f'pajjiżi tal-UE differenti milli jinnegozjaw bejniethom ftehimiet dwar l-aċċess u/jew l-interkonnessjoni soġġetti għar-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat.
Il-prinċipju ġenerali jipprovdi li, fi swieq fejn jibqa’ jkun hemm differenzi kbar fis-setgħa ta’ negozjar bejn l-impriżi, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas ibbażat fuq prinċipji tas-suq intern u regoli dwar il-kompetizzjoni biex jaġixxi bħala strument għar-regolazzjoni tas-suq.
Permezz tal-adozzjoni ta' approċċ teknoloġikament newtrali, l-objettivi huma li:
— |
jiġi stabbilit qafas li jħeġġeġ il-kompetizzjoni u jrawwem l-investiment effiċjenti fl-infrastruttura tan-netwerks billi jippermetti aċċess xieraq għan-netwerks u interkonnessjoni bejniethom, u l-interoperabilità tas-servizzi fl-interess tal-utenti finali;
|
— |
jiġi żgurat li kwalunkwe sitwazzjoni ta’ konġestjoni fis-suq ma tillimitax l-emerġenza ta’ servizzi innovattivi li l-utenti jistgħu jibbenefikaw minnhom.
|
Id-drittijiet u l-obbligi tal-operaturi
Id-direttiva tistabbilixxi regola fundamentali li permezz tagħha l-operaturi ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi għandhom id-dritt, u meta jintalbu minn impriżi oħra hekk awtorizzati, huma obbligati li jinnegozjaw l-interkonnessjoni ma' xulxin sabiex jiżguraw l-interoperabilità tas-servizz fl-Unjoni Ewropea.
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) huma responsabbli biex iwettqu analiżi regolari tas-suq sabiex jiddeterminaw jekk operatur wieħed jew iktar għandux/għandhomx setgħa sinifikanti fis-suq inkwistjoni. Meta, wara analiżi tas-suq, operatur jiġi identifikat bħala wieħed li għandu setgħa sinifikanti f’suq partikolari, l-NRAs ser jimponu obbligu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin fuq dak l-operatur, skont iċ-ċirkostanzi:
1. |
Obbligi ta’ trasparenza b’rabta mal-interkonnessjoni u/jew l-aċċess li jirrikjedu li l-operaturi jippubblikaw informazzjoni speċifikata bħal informazzjoni dwar il-kontabilità, speċifikazzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi tan-netwerk, jekk xieraq permezz ta’ offerta ta’ referenza. |
2. |
Obbligi ta’ nondiskriminazzjoni biex jiġi żgurat li l-operaturi japplikaw kundizzjonijiet ekwivalenti f’ċirkostanzi ekwivalenti fir-rigward ta’ impriżi li jipprovdu servizzi ekwivalenti, inkluża projbizzjoni għal preferenza għas-servizzi tagħhom stess. |
3. |
Obbligi ta’ separazzjoni tal-kontabilità b’rabta mal-attivitajiet speċifikati fir-rigward tal-interkonnessjoni u/jew l-aċċess. |
4. |
Obbligi ta’ aċċess għal faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi u l-użu tagħhom. L-operaturi jistgħu jintalbu.
|
5. |
Obbligi relatati mal-irkupru tal-ispejjeż u l-kontroll tal-prezzijiet, inklużi obbligi dwar l-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw is-sistemi ta’ kontabilità tal-ispejjeż. |
Meta l-fallimenti fis-suq jippersistu minkejja l-applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi, l-NRAs jistgħu, bħala l-aħħar tentattiv, jirrikjedu lil impriża vertikalment integrata tqiegħed l-attivitajiet tagħha relatati mal-provvista bl-ingrossa ta’ prodotti u servizzi tal-aċċess f’entità ta’ negozju li topera b’mod indipendenti.
Din l-entità li topera b’mod indipendenti trid tipprovdi prodotti u servizzi ta’ aċċess lill-impriżi kollha, inklużi entitajiet ta’ negozju oħrajn fi ħdan il-kumpanija prinċipali, fl-istess perijodi ta’ żmien, bl-istess termini u kundizzjonijiet, inklużi dawk relatati mal-prezz u l-livelli ta’ servizz, u permezz tal-istess sistemi u proċessi.
REFERENZI
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Id-Direttiva 2002/19/KE |
24.4.2002 |
24.7.2003 |
Att(i) li jemenda(w) |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Direttiva 2009/140/KE |
19.12.2009 |
25.5.2011 |
EMENDI GĦALL-ANNESSI
Anness II - Lista minima ta’ oġġetti li għandhom jiġu inklużi f’offerta ta’ referenza għal aċċess għal infrastrutturi ta’ netwerk ta’ kummerċ bl-ingrossa, inkluż aċċess disassoċjat komuni jew sħiħ għal-linja lokali f’post fiss, li għandha tiġi ppubblikata mill-operaturi notifikati b’saħħa fis-suq sinifikanti (SMP)
Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 337, 18 ta' Diċembru 2009, p. 37-69).
Rettifika għad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 241, 10 ta' Settembru 2013, p. 8-9).
ATTI RELATATI
Linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni tas-saħħa sinifikanti tas-suq taħt il-qafas regolatorju Komunitarju għan-netwerks u s-servizzi (ĠU C 165, 11 ta' Lulju 2002, p. 6-31)
Taħt il-qafas regolatorju dwar is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-prinċipji li fuqhom l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) jridu jibbażaw l-analiżi tas-suq tagħhom sabiex jiggarantixxu kompetizzjoni effettiva.
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb kontinent konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)627 finali tal-11 ta' Settembru 2013 - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
l-aħħar aġġornament 10.09.2015