Dokumenti tal-kontabbiltà tal-fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji barranin
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 89/117/KEE dwar l-obbligi ta’ fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom f’pajjiżi oħrajn tal-UE fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ kontijiet annwali
X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?
Din għandha l-għan li tneħħi l-ħtieġa li l-fergħat ta’ banek barranin u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li għandhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom f’pajjiż ieħor (tal-UE jew mhux tal-UE) jippubblikaw kontijiet annwali separati.
PUNTI EWLENIN
- Id-Direttiva tapplika għall-fergħat kollha tal-UE ta’ banek u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li għandhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom barra l-pajjiż tal-UE fejn tkun stabbilita l-fergħa.
- Id-Direttiva tneħħi l-ħtieġa li jiġu ppubblikati kontijiet tal-fergħat separati. Dokumenti li għandhom jiġu ppubblikati mill-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE jinkludu l-kontijiet annwali, il-kontijiet konsolidati, ir-rapport annwali tagħhom, eċċ. Dawn iridu jiġu ppubblikati u vverifikati kif meħtieġ mid-dritt tal-pajjiż tal-Unjoni li fih ikun jinsab l-uffiċċju ewlieni. Sakemm ikun hemm aktar koordinazzjoni, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jitolbu lill-fergħat jippubblikaw informazzjoni addizzjonali bħad-dħul, u l-kostijiet, u l-pretensjonijiet u l-obbligazzjonijiet totali tal-fergħa.
- Id-dokumenti li għandhom jiġu ppubblikati mill-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom f’pajjiż mhux tal-UE huma l-istess għall-fergħat li għandhom l-uffiċċji ewlenin tagħhom f’pajjiż tal-UE. Dawn iridu jiġu ppubblikati u vverifikati kif meħtieġ mid-dritt tal-pajjiż mhux tal-UE. Madankollu, jekk ir-regoli inkwistjoni ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-kontabbiltà tal-UE, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jitolbu lill-fergħat jippubblikaw kontijiet annwali li jirrelataw mal-attivitajiet tagħom stess.
- Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jitolbu li jiġu ppubblikati traduzzjonijiet iċċertifikati tad-dokumenti fil-lingwa/lingwi uffiċjali tagħhom.
META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mill-14 ta’ Jannar 1989. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom mill- 1 ta’ Jannar 1991.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/117/KEE tat-13 ta’ Frar 1989 dwar l-obbligi ta’ fergħat stabbiliti fi Stat Membru ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom l-uffiċċji ewlenin tagħhom barra dak l-Istat Membru rigward il-pubblikazzjoni tad-dokumenti tal-kontijiet annwali (ĠU L 44, 16.2.1989, pp. 40–42)
l-aħħar aġġornament 23.10.2017
Top