Emittenti ta’ titoli — informazzjoni aktar trasparenti
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- Magħrufa bħala d-direttiva dwar trasparenza, din għandha l-għan li ttejjeb l-informazzjoni ipproduta lil investituri dwar emittenti ta’ titoli ammessi għal negozjar f’suq regolat, lokalizzat jew li jopera fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE).
- Din tirrikjedi li Stati Membri jippubblikaw informazzjoni perjodika finanzjarja dwar l-attivitajiet ta’ emittenti matul is-sena finanzjarja kollha, flimkien ma’ informazzjoni kontinwa li tikkonċerna l-persentaġġi sinifikanti ta’ drittijiet tal-vot.
- Din kienet emendata bosta drabi, l-aktar riċenti bid-Direttiva (UE) 2022/2464 fir-rigward ta’ regoli dwar rapportar korporattiv dwar is-sostenibbilità
PUNTI EWLENIN
Informazzjoni perjodika relatata ma’
- L-informazzjoni perjodika tirrelata mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent tat-titoli u dik tal-impriżi li tikkontrolla, flimkien mal-impatt tal-kumpanija fuq materji ta’ sostenibbiltà u l-informazzjoni li hemm bżonn biex tifhem kif aspetti ta’ sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-kumpanija.
- Emittenti ta’ titoli jridu jikxfu rapporti finanzjarji ta’ kull sena (magħmula mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji, rapport tal-management u dikjarazzjonijiet ta’ responsabbiltà) u rapporti finanzjarji interim (dikjarazzjonijiet interim tal-management). Waqt li d-direttiva ma tappoġġjax rapportar perjodiku aktar frekwenti (pereżempju rapporti finanzjarji trimestrali), dawn huma xorta permessi jekk ir-rapportar addizzjonali jkun proporzjonat.
- Ir-rapport finanzjarju jrid jibqa’ disponibbli għall-pubbliku għal tal-inqas 10 snin.
- Għas-snin finanzjarji li jibdew nhar jew wara l-1 ta’ Jannar 2020, ir-rapporti finanzjarji annwali kollha jridu jkunu ppreparati f’format ta’ rapportar uniku elettroniku ibbażat fuq speċifikazzjonijiet tekniċi maħruġa mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u Swieq (ESMA) u adottata minn Regolament Delegat (UE) 2018/815.
- Regoli li daħlu b’Direttiva emendatorja (UE) 2022/2464 dwar rapportar korporattiv dwar is-sostenibbilità tirrikjedi li l-kumpaniji kollha elenkati fis-swieq regolati tal-UE jinkludu fir-rapport tal-management tagħhom informazzjoni relatata mal-impatt tal-kumpanija fuq materji ta’ sostenibbilità (bħal drittijiet ambjentali, drittijiet soċjali, drittijiet tal-bniedem u fattturi ta’ governanza) u informazzjoni bżonnjuża biex tifhem kif aspetti ta’ sostenibbilità jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tiegħu. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ser jidħlu gradwalment (ara hawn taħt).
Notifika ta’ sjieda ta’ drittijiet sinifikanti ta’ vot
- Fejn azzjonisti jakkwistaw jew jbigħu l-isħma ta’ emittent li l-isħma tiegħu huma ammessi għal negozjar f’suq regolat u li jkollhom drittijiet għal vot, dawn iridu jgħarrfu l-emittent dwar il-persentaġġ ta’ drittijiet ta’ vot li għandhom bħala riżultat tal-operazzjoni. Din ir-regola tapplika jekk il-persentaġġ li għandu jilħaq ċerti livelli limiti (5%, 10%, 15%, 20%, 25%, 30%, 50% u 75%) jew ikun ogħla jew taħt dawk il-livelli limiti. Dan huwa minnu wkoll f’każijiet oħrajn fejn persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt li takkwista, iċċedi jew teżerċita drittijiet tal-vot.
- Notifika għall-emittent, li trid tingħata mill-azzjonist fi żmien 4 ijiem ta’ negozjar trid tipprovdi informazzjoni dwar id-distribuzzjoni l-ġdida ta’ drittijiet ta’ vot, l-identità tal-azzjonist, id-data tal-bidla u l-livell limitu ta’ voti li ntlaħaq.
- L-emittenti jridu jagħmlu l-informazzjoni li jkun hemm fin-notifika ta’ parteċipazzjonijiet li jirċievu pubblika mhux aktar tard minn 3 ijiem ta’ negozjar wara dan.
- Il-“Gwida prattika — Regoli nazzjonali dwar notifiki ta’ parteċipazzjonijiet maġġuri taħt id-direttiva dwar trasparenza” kienet maħruġa minn ESMA.
Rapport dwar pagamenti lil gvernijiet
Id-direttiva tirrikjedi li kumpaniji elenkati li huma attivi fl-estrattiva (żejt, gass u minerali) u industriji primarji tal-foresti jiddikjaraw pagamenti magħmula lil gvernijiet fl-Istati Membri fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom, f’rapport separat magħmul kull sena.
Żvelar ta’ informazzjoni addizzjonali
- Kemm jista jkun possibbli, u mhux aktar tard minn 4 ijiem ta’ negozjar wara l-akkwist jew bejgħ tal-isħma fejn il-proporzjon jliħaq, jeċċedi jew jaqa’ taħt il-5%, jew 10%, tad-drittijiet tal-vot, l-emittent irid jagħmel pubblika l-proporzjon tal-isħma tiegħu.
- Fit-tmiem ta’ kull xahar kalendarju, l-emittenti jridu jagħmlu pubbliku n-numru totali tad-drittijiet tal-vot u l-kapital.
- Mingħajr dewmien, emittent irid jagħmel pubbliku kull tibdil fid-drittijiet għall-klassijiet varji ta’ isħma.
Disseminazzjoni, ħażna u aċċess għal informazzjoni regolata
- L-Istati Membri jridu jassikuraw li l-emittent, jew il-persuna li tkun applikat biex tidħol għan-negozjar fis-suq regolat mingħajr il-kunsens tal-emittent, jikxef informazzjoni regolata b’mod li tassikura aċċess mgħaġġel għal tali informazzjoni fuq bażi nondiskriminatorja u tagħmlu disponibbli għall-mekkaniżmu maħtur uffiċjalment
- Barra minn dan, kull Stat Membru jrid jassikura li jkun hemm tal-inqas mekkaniżmu maħtur uffiċjalment biex jaħżen l-informazzjoni li tkun inkixfet minn kumpaniji u jagħmilha aċċessibbli għall-pubbliku għal 10 snin.
- Fl-aħħarnett, ESMA ngħatat il-kompitu li tibni punt t’aċċess uniku Ewropew li ser jinkludi u jagħmel aċċessibbli l-informazzjoni t’hawn fuq sa nofs l-2027.
Pajjiżi mhux tal-UE
Fejn l-uffiċċju reġistrat ta’ emittent ikun ġo pajjiż mhux tal-UE, dan jista’ jagħżel minn fost l-Istati Membri fejn it-titoli tiegħu jkunu ammessi għal negozjar f’suq regolat. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jagħżel tista’ tħalli lil dak l-emittent isegwi r-regoli nazzjonali tiegħu (bħal regoli rigward informazzjoni perjodika u informazzjoni oħra li trid tinkixef) diment li l-liġi tal-pajjiż mhux tal-UE in kwistjoni jistipula rekwiżiti simili għal dawk fl-UE. L-awtorità kompetenti mbagħad trid tinforma lil ESMA dwar kull eżenzjoni mgħotija.
Superviżjoni ta’ rapportar dwar sostenibbilità
ESMA trid toħroġ linji gwida dwar is-superviżjoni ta’ rapportar dwar sostenibbilità minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara li tkun ikkonsultat l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali
Atti ta’ implimentazzjoni u delegati
Il-Kummissjoni Ewropea adottat bosta atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati fir-rigward ta’ Direttiva 2004/109/KE.
- Direttiva 2007/14/KE u d-direttivi emendatorji tagħha stipulaw regoli dettaljati bħal:
- arranġamenti proċedurali għall-għażla tal-Istat Membru domiċiljari.
- kontenut minimu għal dikjarazzjonijiet finanzjarji mhux konsolidati ta’ kull sitt xhur.
- mekkaniżmi ta’ kontroll minn awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ ġeneraturi tas-suq.
- Regolament (KE) Nru. 1569/2007 u l-emendi tiegħu jistabbilixxu mekkaniżmu li jiddetermina l-ekwivalenza ta’ standards kontabilistiċi applikati minn emittenti ta’ titoli ta’ pajjiżi mhux tal-UE.
- Regolament (UE) 2015/761 jirregwarda ċerti standards tekniċi regolatorji dwar parteċipazzjonijiet maġġuri.
- Regolament (UE) 2016/1437 hu dwar standards tekniċi regolatorji dwar aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-UE.
- Regolament (UE) 2019/815 hu dwar standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw format ta’ rapportar elettroniku uniku, inklużi aġġornamenti jew emendi sussegwenti.
MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?
Din id-direttiva kellha tkun inkorporata f’liġi nazzjonali sal-20 ta’ Jannar 2007.
Direttiva 2004/109/KE kienet emendata l-aħħar minn Direttiva (UE) 2022/2464, li kellha tkun inkorporata sas-6 6a’ Lulju 2024.
L-applikazzjoni tagħha ser tkun fi tliet fażijiet:
- Sena finanzjarja 2024 għal kumpaniji kbar b’aktar minn 500 impjegat u kumpaniji omm ta’ gruppi kbar b’aktar minn 500 impjegat fil-livell konsolidat;
- Sena finanzjarja 2025 għall-kumpaniji kbar l-oħra kollha;
- Sena finanzjarja 2026 għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux komplessi u impriżi ristretti tal-assikurazzjoni.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/EC (ĠU L 390, 31.12.2004, pp. 38–57).
Fit-test ewlieni ġew inkorporati emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/109/KE. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-format elettroniku uniku għar-rapportar (ĠU L 143, 29.5.2019, pp. 1–792).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1437 tad-19 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-aċċess għall-informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni (ĠU L 234, 31.8.2016, pp. 1–7).
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/761 tas-17 ta’ Diċembru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar parteċipazzjoni importanti (ĠU L 120, 13.5.2015, pp. 2–5).
Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li temenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, pp. 84–119).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabilità applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta’ titoli skont id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 340, 22.12.2007, pp. 66–68).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/657/KE tal-11 ta’ Ottubru 2007 dwar in-network elettroniku ta’ mekkaniżmi maħtura uffiċjalment għall-ħażna ċentrali ta’ informazzjoni regolata msemmija fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 267, 12.10.2007, pp. 16–22).
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE tat-8 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat. (ĠU L 69, 9.3.2007, pp. 27–36).
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 20.11.2023