Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli tat-tikkettar tal-UE għall-għasel

Regoli tat-tikkettar tal-UE għall-għasel

L-Unjoni Ewropea (UE) tiddefinixxi regoli speċifiċi għall-għasel li jissupplimentaw il-liġijiet tagħha dwar l-oġġetti tal-ikel.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel.

SOMMARJU

L-Unjoni Ewropea (UE) tiddefinixxi regoli speċifiċi għall-għasel li jissupplimentaw il-liġijiet tagħha dwar l-oġġetti tal-ikel.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Minbarra r-regoli dwar il-kompożizzjoni u d-definizzjoni tal-għasel, hija tispeċifika t-tipi ta’ prodotti tal-għasel li jistgħu jinbiegħu taħt ismijiet partikolari u r-regoli dwar it-tikkettar, il-preżentazzjoni u l-informazzjoni dwar l-oriġini.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tissupplimenta r-regoli ġenerali tal-UE dwar it-tikkettar tal-ikel stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Għandha tiġi inkluża informazzjoni essenzjali għall-konsumaturi fuq it-tikketti u, b’mod partikolari, it-tikketti għandhom jinkludu l-pajjiż tal-oriġini tal-għasel u l-ismijiet tal-prodotti, kif stabbilit fl-Anness I.

Definizzjoni

L-għasel huwa sustanza ħelwa naturali prodotta min-naħal Apis mellifera min-nektar tal-pjanti jew minn tnixxijiet ta’ partijiet ħajja ta’ pjanti jew eskrezzjonijiet ta’ insetti li jerdgħu mill-pjanti. In-naħal jiġbruh, jittrasformawh billi jikkombinawh ma’ sustanzi speċifiċi li jipproduċu huma stess, jiddepożitawh, inixxfuh mill-ilma, jaħżnuh u jħalluh fix-xehdi tal-għasel sabiex ikompli jsir u jimmatura.

Kompożizzjoni

Meta jiġi kkummerċjalizzat bħala għasel jew jintuża fi prodott intiż għal konsum mill-bniedem, l-għasel għandu jissodisfa l-kriterji tal-kompożizzjoni stabbiliti fl-Anness II tad-direttiva.

Id-Direttiva 2014/63/UE tikkjarifika li l-polline huwa kostitwent naturali aktar milli ingredjent tal-għasel.

Tikketti

Id-Direttiva 2014/63/UE tikkjarifika wkoll ir-rekwiżiti tat-tikkettar meta l-għasel joriġina minn aktar minn pajjiż wieħed tal-UE jew minn pajjiż terz. F’dawn il-każijiet, l-indikatur tal-pajjiż tal-oriġini jista’ jkun sostitwit minn waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin, kif xieraq:

  • “taħlita ta’ għasel tal-UE”;
  • “taħlita ta’ għasel mhux tal-UE”;
  • “taħlita ta’ għasel tal-UE u mhux tal-UE”.

F’ċerti każijiet, dawn l-ismijiet jistgħu jiġu sostitwiti sempliċiment mill-isem tal-prodott “għasel” (għajr fil-każ ta’ “għasel iffiltrat”*, “għasel tax-xehda”*, “għasel fi blokki jew qatgħat mix-xehda fl-għasel”* jew “għasel biex jinħadem”*).

Dan it-tikkettar jista’ jiġi ssupplimentat b’informazzjoni dwar l-oriġini reġjonali, territorjali jew topografika, jew dwar l-oriġini minn fjuri jew ħxejjex, jew inkella dwar kriterji tal-kwalità speċifiċi (għajr għall-“għasel iffiltrat” u l-“għasel biex jinħadem”).

Id-Direttiva 2014/63/UE tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tadotta liġijiet ulterjuri (atti ddelegati) li jistabbilixxu żewġ parametri għall-kriterju ta’ “primarjament” fir-rigward tal-oriġini mill-fjuri jew ħxejjex tal-għasel u l-kontenut minimu tal-polline fl-għasel iffiltrat wara t-tneħħija tal-materjal organiku jew inorganiku barrani.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2001/110/KE ilha tapplika mill-1 ta’ Frar 2002. Id-Direttiva 2014/63/UE ilha tapplika mit-23 ta’ Ġunju 2014. L-għasel għall-bejgħ jew ittikkettat qabel l-24 ta’ Ġunju 2015 jista’ jkompli jiġi kkummerċjalizzat sakemm jiġu eżawriti l-ħażniet.

TERMINI EWLENIN

* għasel iffiltrat: għasel miksub bit-tneħħija tal-materjal organiku jew inorganiku barrani b’tali mod li jirriżulta fit-tneħħija sinifikanti tal-polline.

* għasel tax-xehda: għasel maħżun min-naħal fiċ-ċelel ta’ xehdiet jew f’folji rqaq ta’ qiegħ ix-xehda magħmula biss minn xama’ tan-naħal u mibjugħa f’xehdiet sħaħ issiġillati jew partijiet ta’ dawn ix-xehdiet.

* għasel fi blokki jew qatgħat mix-xehda fl-għasel: għasel li fih biċċa jew iktar minn biċċa ta’ għasel tax-xehda.

* għasel biex jinħadem: il-kliem “maħsub għat-tisjir biss” għandu jidher fuq it-tikketta qrib l-isem tal-prodott.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2001/110/KE

1.2.2002

31.7.2003

ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47-52

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Id-Direttiva 2014/63/UE

23.6.2014

24.6.2015

ĠU L 164, 3.6.2014, p. 1-5

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304 tat-22.12.2011, p. 18-63).

l-aħħar aġġornament 20.02.2015

Top