Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ikel iffriżat malajr

Ikel iffriżat malajr

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 89/108/KEE dwar oġġetti tal-ikel iffriżati malajr għal konsum mill-bniedem

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi regoli madwar l-UE kollha li jirregolaw l-iffriżar malajr, l-imballaġġ, it-tikkettar u l-ispezzjoni ta’ oġġetti tal-ikel iffriżati malajr.

PUNTI EWLENIN

Proċess tal-iffriżar

  • L-oġġetti tal-ikel iffriżati malajr huma dawk soġġetti għall-proċess tal-“iffriżar malajr”, fejn iż-żona tat-temperatura ta’ kristallizzazzjoni massima tinfirex malajr kemm jista’ jkun u wara l-prodott jinżamm (wara stabbilizzazzjoni termali) f’temperatura ta’ – 18 °C jew anqas.
  • L-iffriżar malajr għandu jitwettaq fil-pront, bl-użu ta’ tagħmir tekniku xieraq, fuq materja prima ta’ kwalità tajba, ġenwina u kummerċjabbli. L-arja, in-nitroġenu u d-diossidu tal-karbonju li jissodisfaw il-kriterji speċifiċi ta’ purità biss jistgħu jintużaw bħala mezzi krijoġeniċi (jiġifieri f’temperaturi baxxi ħafna). Il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-kriterji ta’ purità.
  • Devjazzjonijiet mit-temperatura ta’ – 18 °C għall-ikel iffriżat malajr huma permessi matul it-trasport u d-distribuzzjoni lokali u fl-armarji tal-wiri ta’ ħwienet bl-imnut. Dawn it-tolleranzi ma għandhomx jaqbżu it-3 °C.

Imballaġġ tal-prodotti

  • L-ikel iffriżat malajr għandu jkun ippakkjat f’imballaġġi minn qabel li jħarsu kontra l-kontaminazzjoni esterna u l-ixxuttar.
  • It-tikkettar tal-ikel iffriżat malajr għandu jinkludi l-isem tal-bejgħ, l-indikazzjoni ta’ “ffriżat malajr” u l-identifikazzjoni tal-lott. L-informazzjoni obbligatorja l-oħra tvarja skont il-konsumatur li għalih huwa maħsub dak il-prodott.
    • Konsumaturi, ristoranti, sptarijiet u canteens aħħarin: id-data tad-durabbiltà minima, il-perjodu li matulu l-prodott għandu jiġi maħżun mix-xerrej, it-temperatura tal-ħażna u t-tagħmir meħtieġ għall-ħażna.
    • Oħrajn: il-kwantità netta u l-identità tal-manifattur, ta’ min jippakkja jew il-bejjiegħ.

Verifiki uffiċjali

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li t-tagħmir użat għall-ikel iffriżat malajr ikun konformi mad-direttiva u għandhom iwettqu verifiki uffiċjali għal għarrieda tat-temperatura tal-prodott.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħat li tadotta regoli dettaljati għat-teħid ta’ kampjuni u l-monitoraġġ tat-temperatura fil-mezzi ta’ trasport, magazzinaġġ u ħżin.

MINN META TAPPLIKA ID-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-10 ta’ Jannar 1989 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-10 ta’ Lulju 1990 għall-kummerċ ta’ prodotti li kkonformaw ma’ din id-direttiva. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jipprojbixxu l-kummerċ ta’ prodotti li ma kkonformawx ma’ din id-direttiva sal-10 ta’ Jannar 1991.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/108/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ oġġetti tal-ikel iffriżati malajr għal konsum mill-bniedem (ĠU L 40, 11.2.1989, pp. 34-37)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 89/108/KEE ġew inkorporati fl-att oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 37/2005 tat- 12 ta’ Jannar 2005 dwar il-monitoraġġ tat-temperatura f’mezzi ta’ trasport, ħżin u magazzinaġġ ta’ ikel quick-frozen maħsub għall-konsum uman (ĠU L 10, 13.1.2005, pp. 18-19)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/2/KEE tat-13 ta’ Jannar 1992 li tistabbilixxi l-proċedura għat-teħid tal-kampjuni u għall-metodu Komunitarju tal-analiżi għall-kontroll uffiċjali tat-temperaturi tal-ikel iffriżat ta’ malajr u maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 34, 11.2.1992, pp. 30-33)

l-aħħar aġġornament 28.08.2019

Top