EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni: il-Europol

Il-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni: il-Europol

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 2005/511/ĠAI li tinnomina lill-Europol bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni ta’ l-euro

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Hija tinnomina lill-Europol bħala l-uffiċċju ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro biex tiġi applikata b’mod effettiv il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Falsifikazzjoni tal-Flus ta’ Ġinevra tal-1929 (il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra) u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) infushom, u bejn il-pajjiżi tal-UE, il-Europol u pajjiżi mhux tal-UE.

PUNTI EWLENIN

L-UE qed issaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE u bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Europol bl-għan li tipproteġi l-euro kontra l-falsifikazzjoni fil-livell internazzjonali. Il-pajjiżi mhux tal-UE jeħtieġu kuntatt ċentrali għall-informazzjoni dwar il-flus tal-euro ffalsifikati. Din l-informazzjoni kollha għandha tinġabar flimkien għal skopijiet ta’ analiżi fil-Europol, li jaġixxi bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

Ir-rwol tal-Europol

  • Il-Europol jaġixxi bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li jiddikjara li “f’kull pajjiż, fi ħdan il-qafas tal-liġi domestika, l-investigazzjonijiet dwar is-suġġett tal-falsifikazzjoni għandhom jiġu organizzati minn uffiċċju ċentrali”.
  • Fil-kuntest ta’ dan il-mandat, il-Europol:
    • jiċċentralizza u jipproċessa l-informazzjoni kollha ta’ natura li tiffaċilita l-investigazzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro u jgħaddi din l-informazzjoni lill-uffiċċji ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE;
    • jikkorrispondi direttament mal-uffiċċji ċentrali tal-pajjiżi mhux tal-UE skont ir-regoli dwar it-trażmissjoni tad-data personali;
    • jgħaddi, sa fejn iqis li huwa utli, sett ta’ kampjuni ta’ euro attwali lill-uffiċċji ċentrali tal-pajjiżi mhux tal-UE;
    • jinnotifika regolarment lill-uffiċċji ċentrali tal-pajjiżi mhux tal-UE dwar il-ħruġ ta’ munita ġdida, l-irtirar tal-munita miċ-ċirkolazzjoni, kwalunkwe skoperta ta’ munita tal-euro falsifikata, dettalji dwar skoperti tal-falsifikazzjoni, eċċ.
  • Meta tkun ikkonċernata l-falsifikazzjoni tal-muniti l-oħra kollha, l-uffiċċji ċentrali nazzjonali iżommu l-kompetenza.

L-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’Ġinevra tal-1929

  • Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għandha tiġi applikata b’mod aktar effettiv. Hija tistabbilixxi regoli effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati ta’ falsifikazzjoni. Il-kelma “munita” tirreferi għal karti tal-flus u muniti li jkollhom valuta legali.
  • Il-Kunsill iqis li huwa utli li l-pajjiżi tal-UE kollha jsiru partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mis-16 ta’ Lulju 2005.

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/511/ĠAI tat-12 ta’ Lulju 2005 dwar il-protezzjoni ta’ l-euro kontra l-falsifikazzjoni, permezz tan-nomina ta’ l-Europol bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni ta’ l-euro (ĠU L 185, 16.7.2005, p. 35–36)

l-aħħar aġġornament 23.03.2017

Top