Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-effett dirett tal-liġi tal-Unjoni Ewropea

L-effett dirett tal-liġi tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Van Gend en Loos vs Netherlands Inland Revenue Administration — il-prinċipju fundamentali tal-effett dirett

X’TISTABBILIXXI S-SENTENZA?

  • Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti) tonqox l-effett dirett tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Is-sentenza tiddikjara li liġi tal-EU mhux biss toħloq obbligi għall-Istati Membri tal-UE, iżda wkoll drittijiet għall-individwi. L-individwi jistgħu għaldaqstant jieħdu vantaġġ minn dawn id-drittijiet u direttament jinvokaw il-liġi tal-UE quddiem qrati nazzjonali u Ewropej, indipendentement minn jekk it-test tal-liġi nazzjonali teżisti (jiġifieri, fejn ma hemmx rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali).

PUNTI EWLENIN

Effett dirett orizzontali u vertikali

Hemm żewġ aspetti għall-effett dirett: aspett vertikali u aspett orizzontali.

  • Effett dirett vertikali għandu konsegwenza f’relazzjonijiet bejn l-individwi u l-pajjiż. Dan ifisser li l-individwi jistgħu jinvokaw dispożizzjoni tal-liġi tal-UE fir-rigward tal-istat.
  • Effett dirett orizzontali għandu konsegwenza f’relazzjonijiet bejn l-individwi. Dan ifisser li l-individwu jista’ jinvoka dispożizzjoni tal-liġi tal-UE fir-rigward ta’ individwu ieħor.
  • Skont it-tip ta’ atti ikkonċernat, il-Qorti aċċettat effett dirett sħiħ (jiġifieri effett dirett orizzontali u effett dirett vertikali) jew effett dirett parzjali (limitat għal effett dirett vertikali).

Effett dirett u l-liġi primarja

  • Safejn hija kkonċernata l-liġi primarja, il-Qorti stabbiliet il-prinċipju tal-effett dirett fis-sentenza ta’ Van Gend en Loos.. Madanakollu, hija stabbiliet il-kundizzjoni li l-obbligi għandhom ikunu preċiżi, ċari u mingħajr kundizzjoni u li ma għandhomx isejħu għal miżuri addizzjonali, nazzjonali jew Ewropej.
  • Fis-sentenza Becker, il-Qorti rrifjutat l-effett dirett fejn il-pajjiżi għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, żgħir kemm hu żgħir, rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni. F’Kaefer u Procacci v l-Istat Franċiż, il-Qorti affermat li d-dispożizzjoni inkwistjoni kienet mingħajr kundizzjoni għax ma ħalliet ebda diskrezzjoni għall-Istati Membri u għaldaqstant kellha effett dirett.

Effett dirett u l-liġi sekondarja

Il-prinċipju ta’ effett dirett jirrelata wkoll għall-atti mill-liġi sekondarja, jiġifieri atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE, bħal regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, li jirriżultaw mill-prinċipji u l-oġġettivi stabbiliti fit-trattati. Madanakollu, l-applikazzjoni tal-effett dirett tiddependi fuq it-tip tal-att.

  • Ir-regolamenti huma applikabbli direttament fl-Istati Membri, kif speċifikat fl-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk għandhom effett dirett. Madankollu, f’konformità mal-prinċipji ġenerali, dan japplika biss skont il-kundizzjoni li r-regoli jkunu ċari, preċiżi u rilevanti biżżejjed għas-sitwazzjoni tal-litigant individwali (effett dirett kif iċċarat mis-sentenza tal-Qorti Politi v Ministero delle finanze).
  • Direttivi huma atti indirizzati lill-Istati Membri li għandhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali. Madanakollu, f’ċerti każi, il-Qorti tirrikonoxxi l-effett dirett tad-direttivi biex tipproteġi d-drittijiet tal-individwi. Għaldaqstant, il-Qorti stabbiliet fis-sentenza tagħha ta’ Van Duyn v Home Office li direttiva għandha effett dirett meta d-dispożizzjonijet tagħha jkunu mingħajr kundizzjoni u ċari u preċiżi biżżejjed u meta l-Istat Membru ma jkunx ittraspona d-direttiva sal-iskadenza. Madanakollu, jista’ biss ikollha effett vertikali dirett — l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw direttivi imma d-direttivi ma jistgħux jiġu ċitati minn Stat Membru kontra individwu (ara s-sentenza Ratti).
  • Id-deċiżjonijiet jista’ jkollhom effett dirett meta jirreferu għal Stat Membru bħala d-destinatarju. Il-Qorti għalhekk tirrikonoxxi effett vertikali dirett biss (is-sentenza Hansa Fleisch v Landrat des Kreises Schleswig-Flensburg).
  • Ftehimiet internazzjonali. Fis-sentenza tagħha ta’ Demirel v Stadt Schwäbisch Gmünd, il-Qorti rrikonoxxiet l-effett dirett ta’ ċertu ftehimiet skont l-istess kriterji identifikati fil-każ Van Gend en Loos.
  • Opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet ma għandhomx forza legalment vinkolanti. Konsegwentement, ma għandhomx effett dirett.

SFOND

Flimkien mas-supremazija tal-liġi tal-UE (magħrufa wkoll bħala preċedenza), effett dirett huwa prinċipju fundamentali tal-liġi tal-UE.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, NV Algemene Transport- en Expeditie Onderneming van Gend en Loos v Netherlands Inland Revenue Administration, C-26/62, ECLI:EU:C:1963:1.

DOKUMENTI RELATATI

Sentenza tal-10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt GmbH & Co. KG v Landrat des Kreises Schleswig-Flensburg, C-156/91, ECLI:EU:C:1992:423.

Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1990, Peter Kaefer and Andréa Procacci v French State, kawżo konġinti C-100/89 u C-101/89, ECLI:EU:C:1990:456.

Sentenza tat- 30 ta’ Settembru 1987, Meryem Demirel v Stadt Schwäbisch Gmünd, C-12/86, ECLI:EU:C:1987:400.

Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Ursula Becker v Finanzamt Münster-Innenstadt, C-8/81, ECLI:EU:C:1982:7.

Sentenza tal-5 ta’ April 1979, Criminal proceedings against Tullio Ratti, C-148/78, ECLI:EU:C:1979:110.

Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, Yvonne van Duyn v Home Office, C-41-74, ECLI:EU:C:1974:133.

Sentenza tal-14 ta’ Dicembru 1971, Politi s.a.s. v Ministry for Finance of the Italian Republic, C-43/71, ECLI:EU:C:1971:122.

l-aħħar aġġornament 25.11.2022

Top