EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-istabbiliment tas-sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) — Stadju 1

L-istabbiliment tas-sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) — Stadju 1

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2004/512/KE li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Id-Deċiżjoni 2004/512/KE stabbiliet is-sistema ta’ informazzjoni dwar il-viża (VIS) għall-kondiviżjoni ta’ data dwar il-viża bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE). Dan jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali awtorizzati jdaħħlu u jaġġornaw id-data dwar il-viża u li jikkonsultaw din id-data elettronikament.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/817 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża (ara s-sommarju) emenda d-deċiżjoni, u aġġorna l-artikolu rigward l-arkitettura tal-IT tas-sistema.
  • Id-Deċiżjoni 2004/512/KE tħassret mir-Regolament (UE) 2021/1134. Ir-regoli rilevanti tad-deċiżjoni ġew integrati fir-regolament VIS.

PUNTI EWLENIN

Arkitettura

Il-VIS hija bbażata fuq arkitettura ċentralizzata tal-IT. Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/817, din tikkonsisti fi:

  • l-infrastruttura ċentrali tar-repożitorju komuni dwar l-identità, li jkun fiha data bijografika u bijometrika ta’ ċittadini mhux tal-UE (stabbilita skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2019/817);
  • sistema ta’ informazzjoni ċentrali, imsejħa s-sistema ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-viża (CS-VIS);
  • interfaċċa nazzjonali f’kull Stat Membru, biex tipprovdi l-konnessjoni mal-awtorità nazzjonali ċentrali rilevanti tal-Istat Membru rispettiv;
  • infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-CS-VIS u l-interfaċċi nazzjonali;
  • mezz sigur ta’ komunikazzjoni bejn is-sistema ta’ dħul/ħruġ tas-sistema ċentrali u s-CS-VIS;
  • infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura bejn is-sistema ċentrali tal-VIS u s-sistema ċentrali ta’:

L-iżvilupp u l-adattament tas-sistemi

  • L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) hija responsabbli għall-iżvilupp ta’:
    • is-CS-VIS;
    • l-interfaċċa nazzjonali f’kull Stat Membru;
    • l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-CS-VIS u l-interfaċċi nazzjonali.
  • L-Istati Membri huma responsabbli biex jadattaw l-infrastrutturi nazzjonali tagħhom.

Is-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni għanda s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward kwistjonijiet bħal:

  • id-disinn tal-arkitettura fiżika tal-IT tas-sistema;
  • l-aspetti tekniċi li għandhom effett fuq il-protezzjoni tad-data personali;
  • l-aspetti tekniċi li għandhom implikazzjonijiet finanzjarji serji għall-baġits tal-Istati Membri jew implikazzjonijiet tekniċi serji għas-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri;
  • l-iżvilupp tar-rekwiżiti tas-sigurtà, inklużi l-aspetti bijometriċi.

Rapporti

Il-Kummissjoni tissottometti rapport annwali dwar il-progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Revoka

Id-Deċiżjoni 2004/512/KE hija mħassra mir-Regolament (UE) 2021/1134, sakemm issir l-implimentazzjoni tal-VIS.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-5 ta’ Lulju 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, pp. 5–7).

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2004/512/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, pp. 11–87).

Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, pp. 27–84).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99–137).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/602/KE tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi l-arkitettura fiżika u r-rekwiżiti ta’ l-Interfaces Nazzjonali u ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn il-VIS Ċentrali u l-Interfaces Nazzjonali għall-fażi ta’ l-iżvilupp (ĠU L 194, 23.7.2008, pp. 3–8).

l-aħħar aġġornament 20.04.2022

Top