Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Liġi tal-Unjoni Ewropea kontra reati ambjentali

Il-Liġi tal-Unjoni Ewropea kontra reati ambjentali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2008/99/KE - il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hi tiddefinixxi numru ta’ reati serji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.
  • Hi teħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jintroduċu pieni effettivi u proporzjonati li jikkostitiwixxu deterrent għal tali reati, irrispettivament minn jekk jitwettqux b’mod intenzjonali jew permezz ta’ negliġenza serja.

PUNTI EWLENIN

Tipi ta’ illegalitajiet* imġiba li tagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent li hi soġġetta għal pieni tinkludi:

  • ir-rimi, l-emissjoni jew inkella r-rilaxx ta’ materjali perikolużi fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma;
  • il-ġbir, it-trasport, l-irkupru jew ir-rimi tal-iskart perikoluż;
  • iit-trasport bil-baħar ta’ kwantitajiet notevoli ta’ skart;
  • it-tħaddim ta’ impjant industrijali li jwettaq attivitajiet perikolużi jew li jaħżen sustanzi perikolużi (eż. fabbriki li jipproduċu żebgħa jew sustanzi kimiċi);
  • il-manifattura, it-trattament, il-ħżin, l-użu, it-trasport, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew ir-rimi ta’ materjal nukleari u materjali radjuattivi perikolużi;
  • il-qtil, il-pussess jew it-traffikar ta’ ammonti notevoli ta’ speċijiet protetti ta’ annimali u ta’ pjanti;
  • il-ħsara lil ħabitats protetti;
  • il-produzzjoni, il-kummerċ jew l-użu ta’ sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (eż. sustanzi kimiċi f’apparati tat-tifi tan-nar jew f’solventi sgrassanti).

Penali

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati jew it-tipi ta’ mġiba illegali mniżżla fl-Artikolu 3 tad-Direttiva jkunu punibbli minn penali kriminali effettivi u proporzjonati li jikkostitwixxu deterrent u li japplikaw għall-individwi.
  • L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-persuni ġuridiċi* tista’ tinżamm responsabbli għal reati li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħha minn persuni li jaġixxu f’pożizzjoni ta’ tmexxija abbażi ta’ poter ta’ rappreżentazzjoni, fuq awtorità biex tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika jew biex teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika. Persuni ġuridiċi jinżammu responsabbli wkoll jekk in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn tali persuna f’pożizzjoni ta’ tmexxija jkun għamilha possibbli li jitwettaq ir-reat.
  • Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi ma teskludix proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu awturi, xewwiexa jew aċċessorji fir-reat imsemmi fid-Direttiva.
  • Skont is-sistema legali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi tista’ tkun kriminali jew mhux kriminali.
  • Din id-direttiva tibni fuq id-Direttiva 2004/35/KE (ara s-sommarju), li tistabbilixxi regoli dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali.
  • L-Istati Membri huma responsabbli għall-prosekuzzjoni ta’ reati ambjentali. Peress li s-sistemi ġudizzjarji jvarjaw fost l-Istati Membri, il-kriminali jistgħu jisfruttaw kwalunkwe nuqqas ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali. In-networks ta’ professjonisti ambjentali, bħan-Network tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali, il-Forum tal-UE tal-Imħallfin għall-Ambjent u n-Network Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent, għandhom rwol importanti fil-qsim tal-aqwa prattika u fl-iżvilupp ta’ metodoloġiji għal infurzar effettiv.

Rieżami

Id-direttiva tinsab taħt reviżjoni. bħalissa.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mis-26 ta’ Diċembru 2008 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sas-26 ta’ Diċembru 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Illegalitajiet. F’dan il-kuntest, tirreferi għal ksur tal-liġijiet tal-UE jew nazzjonali li jdaħħlu fis-seħħ il-leġiżlazzjoni tal-UE msemmija fl-Annessi tad-Direttiva 2008/99/KE.
Persun ġuridika. Entità mhux umana, bħal kumpanija, li tiġi ttrattata bħala persuna għal skopijiet legali limitati. Persuna ġuridika tista’ tħarrek, titħarrek, tkun sid ta’ proprjetà u tidħol f’kuntratti.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, pp. 28–37).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, pp. 56–75).

L-Emendi sussegwenti għad-Direttiva 2004/35/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 14.02.2022

Top