EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja fl-UE

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

L-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja fl-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KUMM(2011) 567 finali) — aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-UE

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Hija tistipula l-prijoritajiet ewlenin għall-edukazzjoni għolja fl-UE. L-aġenda hija maħsuba biex tippermetti lis-sistemi edukattivi għolja jikkontribwixxu aħjar għall-għanijiet tal-istrateġija għat-tkabbir Ewropa 2020.

Il-komunikazzjoni kienet segwita minn żewġ rapporti lill-Kummissjoni Ewropea fl-2013 u fl-2014 dwar it-titjib tal-kwalità tat-tagħlim f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa, u dwar modi ġodda ta’ tagħlim fl-edukazzjoni għolja.

PUNTI EWLENIN

Il-komunikazzjoni tistabbilixxi ħames oqsma ewlenin ta’ prijorità għall-azzjoni mill-pajjiżi tal-UE u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, kif ukoll il-miżuri li l-UE se tieħu biex tappoġġa l-isforzi tagħhom.

  • 1.

    Inżidu l-livelli ta' kisba — waħda mill-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 hija li, sal-2020, 40 % taż-żgħażagħ għandhom ikunu temmew studji fl-edukazzjoni għolja. Huwa stmat ukoll li miljun impjieg ġdid se jkun jeħtieġ ħiliet ta’ riċerka ta’ livell għoli.

  • Biex dan jinkiseb, il-komunikazzjoni tirrakkomanda:
    • it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u l-attrazzjoni ta’ aktar nies lejn l-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari permezz tal-ilħiq u l-appoġġ finanzjarju għall-istudenti tal-iskola minn gruppi żvantaġġjati u l-adulti;
    • it-titjib tal-kundizzjonijiet biex l-industrija tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni, u tgħammar il-forza tax-xogħol eżistenti b’ħiliet ta’ riċerka aħjar;
    • l-iżvilupp ta’ modi ċari ta’ progress minn edukazzjoni vokazzjonali u tipi oħra ta’ edukazzjoni lejn l-edukazzjoni għolja, u karriera barra l-università għar-riċerkaturi.

Studju tal-2015 stabbilixxa r-rati ta’ studenti li jtemmu jew jitilqu mill-edukazzjoni għolja qabel iż-żmien madwar l-Ewropa.

  • 2.

    It-titjib tal-kwalità u r-relevanza tal-edukazzjoni għolja

  • Il-komunikazzjoni tirrakkomanda:
    • kurrikuli, li jinkludu t-taħriġ għar-riċerkaturi, bħala rispons għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol permezz tal-previżjonijiet tal-ħiliet u tat-tkabbir kif ukoll permezz tal-involviment tal-impjegaturi u tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol fit-tfassil u t-twassil tagħhom;
    • teknoloġiji ġodda biex jiġu sfruttati metodi ta’ riċerka aktar effettivi u tagħlim aktar flessibbli u personalizzat (eż. it-tagħlim elettroniku);
    • it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-iżvilupp professjonali kontinwu u l-introduzzjoni ta’ inċentivi biex tiġi ppremjata l-eċċellenza għall-istituzzjonijiet biex jattiraw u jżommu persunal ta’ tagħlim u riċerka ta’ kwalità għolja.
  • 3.

    Il-promozzjoni tal-mobilità u l-kooperazzjoni transkonfinali — il-ministeri tal-edukazzjoni għolja Ewropej stabbilixxew mira biex jiżdiedu l-għadd ta’ studenti li jtemmu perijodu ta’ studji jew taħriġ barra mill-pajjiż b’sa 20 % sal-2020.

  • Biex dan jinkiseb, il-komunikazzjoni tirrakkomanda:
    • il-bini sistematiku tal-mobilità fil-kurrikuli;
    • it-titjib tar-rikonoxximent tad-diplomi u l-krediti jew il-portabbilità tal-għotjiet permezz tal-użu komparabbli u konsistenti tal-ECTS u tas-Suppliment tad-Diploma, u l-ħolqien ta’ rabta bejn il-kwalifiki u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;
    • it-tisħiħ għall-aċċess, tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-opportunitajiet ta’ progress għall-istudenti, riċerkaturi u għalliema minn pajjiżi oħra.
  • 4.

    It-tisħiħ tat-“trijangolu tal-għarfien” li jorbot l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni

  • Il-komunikazzjoni tirrakkomanda:
    • politiki pubbliċi li jinkoraġġixxu sħubijiet bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u negozji permezz ta’:
      • strutturi ta' kumpens u inċentivi għall-iżvilupp reġjonali,
      • multidixxiplinarjetà,
      • kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u
      • tnaqqis tal-ostakli regolatorji u amministrattivi għal sħubijiet intersettorjali;
    • l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja għandhom jużaw ir-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-offerta edukattiva tagħhom biex jistimulaw l-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali, kreattivi u innovattivi.
  • 5.

    It-titjib fit-tmexxija u l-finanzjament:

  • Il-komunikazzjoni tirrakkomanda:
    • iż-żieda fil-kosteffettività tal-investimenti pubbliċi fl-edukazzjoni għolja permezz tar-rabta tal-finanzjament mal-prestazzjoni b’element ta’ kompetizzjoni;
    • iż-żieda fl-investiment fl-edukazzjoni għolja permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament, u l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal riżorsi alternattivi, inkluż il-finanzjament privat;
    • l-investiment fil-maniġment professjonali;
    • Li -sistemi ta’ finanzjament u governanza jsiru aktar flessibbli biex tiżdied l-awtonomija tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u jkunu jistgħu jiżviluppaw id-direzzjoni strateġika proprja tagħhom.

Il-kontribut tal-UE

L-UE beħsiebha tappoġġa l-isforzi li saru mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali f’dawn il-ħames oqsma billi:

  • twettaq monitoraġġ tal-istrateġija Ewropa 2020 u
  • tiżgura li l-qafas finanzjarju tagħha għall-2014-2020 jippermetti l-politiki differenti kkonċernati jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja.

L-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni jinkludu:

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa (KUMM(2011) 567 finali tal-20.9.2011)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Nindirizzaw il-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien: Kontribut ewlieni għall-Aġenda tal-Ewropa 2020 (COM(2011) 18 final tal-31.1.2011)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (ĠU C 191, 1.7.2011, pp. 1–6)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola (ĠU C 417, 15.12.2015, pp. 36–40)

l-aħħar aġġornament 14.06.2016

Top