Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-rapportar dwar l-iżbilanċi attwali u ppjanati tal-pajjiżi tal-UE

Ir-rapportar dwar l-iżbilanċi attwali u ppjanati tal-pajjiżi tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi proċeduri li taħthom il-gvernijiet tal-UE* jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea b’informazzjoni dwar l-iżbilanċ nazzjonali* u d-dejn* tagħhom.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE jirrapportaw lill-Eurostat, id-dipartiment tal-istatistika tal-Kummissjoni, dwar l-iżbilanċ tal-gvern attwali* u ppjanat* u d-dejn tagħhom darbtejn fis-sena.
  • Sal-1 ta’ April tas-sena kurrenti (magħrufa bħala s-“sena n”), id-data tinkludi:
    • stima aġġornata għas-sena preċedenti (n-1), l-iżbilanċi attwali għat-tliet snin preċedenti (n-2, n-3, n-4), u l-iżbilanċ ippjanat tal-gvern għas-sena kurrenti.
    • id-dejn attwali għall-erba’ snin preċedenti (n-1, n-2, n-3, n-4) u d-dejn ippjanat tal-gvern fl-aħħar tas-sena kurrenti.
  • Sal-1 ta’ Ottubru, id-data tinkludi:
    • l-iżbilanċi attwali għall-erba’ snin preċedenti (n-1, n-2, -3, n-4) u l-iżbilanċ u d-dejn ippjanati tal-gvern aġġornati għas-sena kurrenti.
  • Il-pajjiżi tal-UE jipprovdu wkoll lill-Eurostat:
    • data mill-kontijiet nazzjonali;
    • data dwar in-nefqa fuq l-imgħax*;
    • il-PDG attwali għall-erba’ snin preċedenti u l-PDG mistenni għas-sena kurrenti;
    • kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali relatati man-notifiki tal-iżbilanċ u tad-dejn li jkunu rrapportaw;
    • inventarju ddettaljat tal-metodi, il-proċeduri u s-sorsi użati sabiex tinġabar id-data dwar l-iżbilanċ u d-dejn attwali u l-kontijiet tal-gvern li jiffurmaw il-bażi għaliha;
    • l-għajnuna ta’ esperti nazzjonali, jekk tiġi mitluba.
  • Meta s-sena tal-estimi ma tkunx taqbel mas-sena kalendarja, il-pajjiżi tal-UE jipprovdu data għas-sentejn tal-estimi li jippreċedu s-sena kurrenti.
  • L-Eurostat:
    • jevalwa b’mod regolari l-kwalità tad-data nazzjonali u l-kontijiet tas-settur tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata;
    • jirrapporta b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-data nazzjonali;
    • għandu kuntatti permanenti mal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali;
    • iwettaq djalogu regolari u żjarat metodoloġiċi fil-pajjiżi tal-UE sabiex jirrevedi d-data, iwettaq monitoraġġ tal-proċeduri u jivverifika l-kontijiet;
    • jipprovdi data attwali dwar l-iżbilanċ u d-dejn nazzjonali fi żmien tliet ġimgħat mid-dati tal-iskadenza ta’ April u Ottubru fil-forma ta’ stqarrija għall-istampa.

Fl-2014, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014 emenda r-Regolament (KE) Nru 479/2009 li jissostitwixxi s-sistema Ewropea preċedenti ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA 95) bl-ESA 2010.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa japplika mit-30 ta’ Ġunju 2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

* Gvern: f’dan il-kuntest, jirreferi għall-gvern ġenerali, ċentrali, statali u lokali u l-fondi tas-sigurtà soċjali.

* Żbilanċ tal-gvern (bilanċ favorevoli): is-self missellef nett tal-gvern ċentrali (self misluf nett).

* Dejn tal-gvern: id-dejn totali gross tal-gvern ġenerali fl-aħħar tas-sena.

* Żbilanċ u dejn attwali tal-gvern: ir-riżultati stmati, provviżorji, semifinalizzati u finali għas-sena li tkun għaddiet.

* Żbilanċ u dejn ippjanat tal-gvern: il-previżjonijiet uffiċjali l-iktar reċenti, b’kont meħud tad-deċiżjonijiet l-iktar reċenti dwar il-budget u tal-iżviluppi u l-prospetti ekonomiċi.

* Imgħax tal-gvern: il-formazzjoni ta’ kapital gross fiss tal-gvern ġenerali.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 145, 10.6.2009, pp. 1-9)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 04.07.2016

Top