This document is an excerpt from the EUR-Lex website
International cooperation
Kooperazzjoni internazzjonali
Kooperazzjoni internazzjonali
Il-bidu tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea (UE) kkoinċida mal-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma fl-1957 u l-pajjiżi u t-territorji barranin tal-Istati Membri tal-UE kienu l-ewwel benefiċjarji. Matul is-snin, il-limitu tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE żdied gradwalment. L-UE issa hija l-akbar donatur tad-dinja, u taħdem ma’ 160 pajjiż.
Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha titwettaq skont il-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE. L-għan ewlieni tagħha huwa li tnaqqas u, fuq perjodu ta’ żmien twil, teradika l-faqar fid-dinja billi tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw skont l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-prinċipji ta’ gwida tal-azzjoni esterna u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE jinstabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rispettivament.
L-istrumenti tal-UE għall-finanzjament tal-azzjoni esterna għaddew minn razzjonalizzazzjoni fis-snin riċenti. Sa mill-adozzjoni tal-qafas finanzjarju għall-perjodu 2021–2027, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali huwa l-istrument ta’ finanzjament ewlieni għall-azzjoni esterna tal-UE. Huwa jkopri l-kooperazzjoni mal-pajjiżi kollha mhux tal-UE, minbarra l-pajjiżi u t-territorji barranin u l-pajjiżi li jirċievu finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni.
Qabel l-2021, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (li ma kienx parti mill-baġit tal-UE) kien l-istrument ewlieni tal-UE għall-għajnuna għall-iżvilupp lil 79 pajjiż Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji barranin. Fl-aħħar qafas finanzjarju plurjennali tal-UE (2021–2027), il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-AKP ġiet ippreżentata taħt il-baġit tal-UE u hija koperta mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali.
Għalkemm il-ftehim 2000 bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP (il-Ftehim ta’ Cotonou) kellu jiskadi fl-2020, l-applikazzjoni tiegħu ġiet estiża sat-, sakemm il-ftehim il-ġdid ta’ sħubija bejn il-AKP u l-UE ma jidħolx fis-seħħ jew jiġi applikat b’mod provviżorju qabel dik id-data.