Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Eżenzjoni għall-akkordji ta’ riċerka u żvilupp

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Eżenzjoni għall-akkordji ta’ riċerka u żvilupp

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1217/2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi regoli dwar prattiki u accordji bejn kumpaniji. Bħala regola ġenerali, tali prattiki u akkordji miftiehma huma pprojbiti sakemm ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) meta jkunu eċċezzjonijiet għar-regola.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 1217/2010 jiddikjara li l-Artikolu 101 ma japplikax għall-akkordji ta’ riċerka u żvilupp (R&Ż)* meta l-partijiet iwettqu R&Ż konġunti ta’ prodotti jew proċessi u esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati ta’ dik ir-R&Ż, jew iwettqu waħda minn dawk l-attivitajiet f’iżolament.

PUNTI EWLENIN

  • L-Artikolu 101(1) tat-TFUE mhuwiex applikabbli għal ftehimiet ta’ R&Ż. Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71, madankollu, jipprovdi eżenzjoni għal ftehimiet ta’ R&Ż li fihom regoli relatati mal-assenjament jew mal-liċenzjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jitwettqu r-R&Ż konġunti, ir-R&Ż imħallsa jew esplojtazzjoni konġunta, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunux l-għan primarju ta’ tali akkordji, iżda minflok ikunu direttament relatati ma’ u meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.
  • Ir-regolament jipprojbixxi wkoll esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tar-R&Ż li tkun twettqet mill-partijiet skont ir-regolament. Dan ir-regolament jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2659/2000 li skada fil-31 ta’ Diċembru 2010.

Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni

  • Sabiex jiġi eżentat, l-akkordju jrid jiddikjara li l-partijiet kollha għandhom aċċess sħiħ għar-riżultati finali tar-R&Ż, inkluż kwalunkwe dritt ta’ proprjetà intellettwali u know-how li jirriżultaw, għall-finijiet ta’ aktar R&Ż u esplojtazzjoni. Jekk il-partijiet jillimitaw id-drittijiet ta’ esplojtazzjoni tagħhom, l-aċċess għar-riżultati għall-finijiet ta’ esplojtazzjoni jista’ jkun limitat kif xieraq.
  • Meta l-ftehim jipprevedi biss R&Ż konġunti jew ħlas għar-R&Ż, kull parti jeħtiġilha jkollha aċċess għal kwalunkwe know-how preeżistenti tal-partijiet l-oħra kkonċernati, jekk dan in-know-how ikun indispensabbli għall-esplojtazzjoni tar-riżultati. Dan l-iskambju ta’ know-how preeżistenti jista’ jiġi kkumpensat, iżda l-kumpens ma għandux ikun tant għoli li effettivament jipprevjeni tali aċċess.
  • Kwalunkwe esplojtazzjoni konġunta tista’ tikkonċerna biss riżultati li huma protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi know-how, u li huma indispensabbli għall-manifattura tal-prodotti tal-kuntratt jew għall-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt.

Il-limitu tas-sehem mis-suq u t-tul tal-eżenzjoni

  • Meta l-partijiet għall-ftehim ta’ R&Ż ma jkunux impriżi konkorrenti, l-eżenzjoni prevista minn dan ir-regolament tkun applikabbli għal kemm idumu għaddejjin ir-R&Ż. Meta r-riżultati jkunu esplojtati b’mod konġunt, l-eżenzjoni tkompli tapplika għal 7 snin wara li l-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt jitqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Meta l-partijiet ikunu impriżi kompetitriċi, fiż-żmien meta jidħol fis-seħħ il-ftehim ta’ R&Ż, l-eżenzjoni tkun applikabbli biss jekk:
    • fil-każ ta’ akkordji konġunti ta’ R&Ż, is-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jaqbiżx il-25 % fis-swieq rilevanti tal-prodotti u tat-teknoloġija;
    • fil-każ ta’ akkordji ta’ R&Ż imħallsa, is-sehem mis-suq ikkombinat tal-parti li tiffinanzja u l-partijiet kollha li magħhom il-parti li tiffinanzja daħlet f’akkordji ta’ R&Ż, relatati mal-istess prodotti kuntrattwali jew teknoloġiji kuntrattwali, ma jaqbiżx il-25 % fis-swieq rilevanti tal-prodotti u tat-teknoloġija.
  • Fi tmiem il-perjodu ta’ seba’  snin, l-eżenzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jaqbiżx il-25 % fis-swieq rilevanti.

Restrizzjonijiet fundamentali

  • L-eżenzjoni ma tapplikax għal akkordji ta’ R&Ż li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala l-objettiv tagħhom:
    • ir-restrizzjoni tal-libertà tal-partijiet li jwettqu r-R&Ż f’qasam mhux relatat;
    • ir-restrizzjoni tal-libertà tal-partijiet li jsegwu r-R&Ż f’qasam relatat wara t-tlestija tal-ftehim ta’ R&Ż ikkonċernat;
    • il-limitazzjoni tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, b’ċerti eċċezzjonijiet.

Restrizzjonijiet esklużi

  • L-eżenzjoni ma tapplikax għall-obbligi li ġejjin li jinsabu f’akkordji ta’ R&Ż:
    • l-obbligu li ma tiġix sfidata l-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati wara t-tlestija tar-R&Ż;
    • l-obbligu li ma jingħatawx liċenzji lil partijiet terzi għall-manifattura tal-prodotti tal-kuntratt jew li japplikaw għal teknoloġiji tal-kuntratt, sakemm l-akkordju ma jipprevedix l-esplojtazzjoni tar-riżultati minn tal-anqas waħda mill-partijiet u din l-esplojtazzjoni sseħħ fis-suq intern fil-konfront ta’ partijiet terzi.

Linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea

Fl- 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat linji gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE għal akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali*, li jinkludu ftehimiet ta’ R&Ż.(ara sommarju).

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011 u se jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023.

SFOND

Fl-2019, il-Kummissjoni bdiet evalwazzjoni biex teżamina jekk ir-regolamenti tal-UE li jittrattaw il-ftehimiet orizzontali jitħallewx jiskadu meta jiskadu f’Diċembru 2022, jew jekk jiġux estiżi jew emendati (u l-linji gwida dwar kif għandhom jiġu interpretati). Ir-riżultati tal-evalwazzjoni tagħha ġew ippubblikati f’Lulju 2021 (ara l-istqarrija għall-istampa). L-evalwazzjoni kkonkludiet li ċerti kwistjonijiet ikollhom jiġu indirizzati sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali. Il-Kummissjoni se tniedi l-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt tar-rieżami biex teżamina l-kwistjonijiet identifikati matul l-evalwazzjoni, bil-ħsieb li jkun hemm regoli riveduti fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2022, meta jiskadu r-regoli kurrenti.

TERMINI EWLENIN

Akkordju ta’ riċerka u żvilupp (R&Ż). Akkordju konkluż bejn żewġ partijiet jew aktar, relatat mal-kundizzjonijiet li taħthom il-partijiet isegwu:
  • ir-R&Ż konġunti ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt u esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati ta’ dik ir-R&Ż;
  • esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tar-R&Ż ta’ prodotti tal-kuntratt jew ta’ teknoloġiji tal-kuntratt li tkun twettqet b’mod konġunt skont akkordju konkluż minn qabel bejn l-istess partijiet;
  • ir-R&Ż konġunti ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt eskluża l-esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati;
  • R&Ż imħallsa ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt u esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati ta’ dik ir-R&Ż;
  • esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tar-R&Ż imħallsa ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt skont akkordju konkluż minn qabel bejn l-istess partijiet;
  • ir-R&Ż imħallsa ta’ prodotti tal-kuntratt jew ta’ teknoloġiji tal-kuntratt eskluża l-esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati.
Ftehimiet orizzontali. Ftehimiet konklużi bejn żewġ impriżi jew aktar li joperaw fl-istess livell fis-suq. Il-kooperazzjoni orizzontali tirrigwarda, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-kooperazzjoni bejn kompetituri attwali jew potenzjali f’oqsma bħar-R&Ż, il-produzzjoni, ix-xiri, il-kummerċjalizzazzjoni jew l-istandardizzazzjoni. Din tista’ tinvolvi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni, bħala ftehim awtonomu jew fil-kuntest ta’ tip ieħor ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 335, 18.12.2010, pp. 36-42).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — l-Artikolu 101 (ex Artikolu 81 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali (ĠU C 11, 14.1.2011, pp. 1-72).

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma (ĠU L 285, 29.12.1971, p. 46-48).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.01.2023

Top