EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Aġenzija tal-UE għas-Sigurtà u Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'L-Aġenzija tal-UE għas-Sigurtà u Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)' for an updated information about the subject.

L-Aġenzija tal-UE għas-Sigurtà u Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 2062/94 — L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol biex tipprovdi informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika lill-korpi tal-UE, lill-pajjiżi tal-UE u lill-partijiet interessati f’dan il-qasam.

PUNTI EWLENIN

Rwol

L-irwol tal-Aġenzija jinkludi:

  • l-ġbir u l-analiżi teknika, xjentifika u ekonomika ta’ informazzjoni dwar:
    • is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol fil-pajjiżi tal-UE u jgħaddiha lill-korpi tal-UE, lill-pajjiżi oħrajn tal-UE u lill-partijiet interessati
    • informazzjoni dwar riċerka fis-sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol u t-tixrid tar-riżultati ta’ din ir-riċerka
  • tipprovdi informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika dwar metodi u għodod għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u tidentifika prattiki tajbin.
  • tippromwovi u tappoġġja l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-esperjenza fost il-pajjiżi tal-UE, inkluż informazzjoni dwar programmi ta’ taħriġ
  • tikkoordina netwerk ta’ informazzjoni b’kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-UE, li jinkludu korpi nazzjonali, tal-UE (bħall-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol) u internazzjonali u organizzazzjonijiet li jipprovdu dawn it-tipi ta’ informazzjoni u servizzi;
  • tiġbor u tagħmel disponibbli informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u saħħa minn u lejn pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali inkluż l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa (PAHO), l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI).

Struttura

  • Struttura tat-tmexxija u tal-ġestjoni magħmula minn Bord ta’ Tmexxija, Bureau u minn Direttur.
  • Il-Bord ta’ Tmexxija hu magħmul minn:
    • membru 1 li jirrappreżenta l-gvern ta’ kull pajjiż tal-UE,
    • membru 1 li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi minn kull pajjiż tal-UE,
    • membru 1 li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegati minn kull pajjiż tal-UE,
    • 3 membri li jirrappreżentaw il-Kummissjoni Ewropea.
  • Il-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija huma f’Bilbao, Spanja.

Strateġija

L-Aġenzija tipproduċi dokumenti ta’ programmi annwali abbażi ta’ strateġija korporattiva ta’ 6 snin. L-istrateġija 2014-20 għandha 6 oqsma ta’ prijorità b’enfasi fuq in-netwerking u hija koerenti mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali (OSH) 2014-2020.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-9 ta’ Settembru 1994.

SFOND

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta’ Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1–7)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2062/94 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsil, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 (COM(2014) 332 finali tas-6.6.2014)

l-aħħar aġġornament 05.12.2016

Top