EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) li jgħin lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE fl-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tagħhom u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess.

PUNTI EWLENIN

L-għanijiet tal-EIGE

L-Istitut jipprovdi l-għarfien espert tekniku tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) u lill-Istati Membri sabiex jgħinhom:

  • jippromowovu u jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi;
  • jinkludu l-integrazzjoni tas-sessi fil-politiki kollha tal-UE u fil-politiki nazzjonali li jirriżultaw;
  • jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess;
  • irawmu l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ħtieġa li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa.

il-ħidma ta’ EIGE

  • l-istitut jibbaża l-ħidma tiegħu fuq data oġġettiva, komparabbli u affidabbli fil-livell Ewropew.
  • Huwa responsabbli mill-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni.
  • Huwa jiżviluppa:
    • metodi biex itejjeb l-oġġettività, it-tqabbil u l-affidabbiltà tad-data fil-livell Ewropew billi jistabbilixxi kriterji biex itejbu l-konsistenza tal-informazzjoni u jqis kwistjonijiet tal-ġeneru meta jiġbor id-data;
    • djalogu u kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u ta’ opportunitajiet indaqs, universitajiet u esperti, ċentri tar-riċerka, imsieħba soċjali u korpi relatati li attivament qed ifittxu li jiksbu l-ugwaljanza fuq livell nazzjonali u Ewropew.
  • Huwa jiżviluppa, janalizza, jevalwa u jxerred għodod metodoloġiċi biex jappoġġaw l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki nazzjonali u tal-UE kollha.
  • Huwa jwettaq stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-ugwaljanza fl-Ewropa.
  • Huwa jorganizza laqgħat tal-esperti biex jappoġġa l-ħidma tar-riċerka tal-istitut, jinkoraġġixxi l-qsim tal-informazzjoni fost ir-riċerkaturi u jippromwovi l-inklużjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fir-riċerka tagħhom.
  • Huwa jxerred informazzjoni dwar eżempji pożittivi ta’ rwoli mhux sterjotipiċi għan-nisa u l-irġiel f’kull qasam tal-ħajja, u jippreżenta s-sejbiet u l-inizjattivi tiegħu maħsuba biex jippubbliċizza u jibni fuq dawn l-istejjer ta’ suċċess.
  • Biex irawwem l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, huwa jorganizza konferenzi, kampanji u laqgħat fil-livell Ewropew, u jistabbilixxi riżorsi ta’ dokumentazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.

Operazzjoni

  • L-Istitut iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod indipendenti u trasparenti.
  • Huwa mmexxi minn Bord ta’ Tmexxija, immexxi minn direttur megħjun minn Forum ta’ Esperti.
  • Is-sede tiegħu jinsab f’Vilnius (il-Litwanja).
  • B’mod partikolari, l-EIGE jaħdem mill-qrib mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (ara s-sommarju), l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (ara s-sommarju), iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (ara s-sommarju) u l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sommarju).

Baġit

  • Kull sena l-istitut ifassal stima ta’ dħul u infiq, li għandu jkun ibbilanċjat. Din l-istima, li għandha tinkludi pjan abbozz ta’ stabbiliment, tintbagħat mill-Bord tat-Tmexxija lill-Kummissjoni Ewropea sal-aktar tard il-31 ta’ Marzu. L-istima mbagħad tintbagħat lill-awtorità baġitarja (magħmula mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea), flimkien mal-abbozz preliminari tal-baġit tal-UE. Fuq il-bażi ta’ din l-istima, il-Kummissjoni ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-UE l-istimi li tqis meħtieġa għall-pjan tal-istabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jiġi attribwit lill-baġit ġenerali tal-UE, li mbagħad jiġi sottomess lill-awtorità baġitarja.
  • Skont il-qafas finanzjarju plurijennali għall-perjodu in kwestjoni, l-awtorità baġitarja tawtorizza l-approssimazzjonijiet għas-sussidju annwali mill-baġit ġenerali tal-UE u tadotta l-pjan ta’ stabbiliment.
  • Il-baġit tal-EIGE huwa adottat mill-Bord ta’ Tmexxija u jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-UE. Huwa aġġustat skont kif meħtieġ.
  • Sorsi ta’ dħul tal-EIGE jistgħu jinkludu pagamenti rċevuti għas-servizzi fornuti, kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew pajjiżi mhux tal-UE, u kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mid-19 ta’ Jannar 2007.

SFOND

  • L-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali skont it-Trattat ta’ Lisbona u waħda mill-oqsma ta’ politika ta’ prijorità tal-UE. Madankollu, għandu jsir aktar progress sabiex tkun tista’ tinkiseb ugwaljanza reali bejn is-sessi fl-isferi kemm tal-ħajja privata kif ukoll tal-ħajja professjonali. F’dan ir-rigward, l-EIGE għandu rwol sinifikanti sabiex jipprovdi l-għarfien espert meħtieġ għall-iżvilupp ta’ politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi madwar l-UE.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 December 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU L 403, 30.12.2006, pp. 9–17)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1922/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (ĠU L 30, 31.1.2013, pp. 58–73)

Ir-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, pp. 74–89)

Ir-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, pp. 90–105)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, pp. 1–14)

l-aħħar aġġornament 14.12.2021

Top