Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema temporanji

Is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema temporanji

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri għat-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għal ħaddiema temporanji

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jadottaw leġiżlazzjoni biex jittejbu s-sigurtà u s-saħħa għal ħaddiema li għandhom kuntratti temporanji* jew b’terminu fiss*, biex iġibuha konformi mal-protezzjoni li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema l-oħra.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema tapplika ugwalment għall-ħaddiema temporanji*. Id-direttiva attwali tissupplimentaha b’li ġej:

Informazzjoni u taħriġ

  • Qabel jibda x-xogħol, il-ħaddiema temporanji għandhom jiġu infurmati bir-riskji tax-xogħol u, b’mod partikolari, dwar kull kwalifika, ħiliet jew kontroll mediku speċjali meħtieġ.
  • Kull ħaddiem għandu jirċievi biżżejjed taħriġ skont ix-xogħol adattat għal-livell ta’ kwalifiki u esperjenza tiegħu.

Kontroll mediku speċjali

Fejn ix-xogħol huwa partikolarment perikoluż għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema temporanji, jew jeħtieġ kontroll mediku speċjali, il-pajjiżi tal-UE għandhom l-għażla li jipprojbixxu l-użu tagħhom. Jekk il-ħaddiema temporanji jintużaw għal tali xogħol, għandu jiġi pprovdut kontroll mediku speċjali xieraq minn min iħaddem, li jista’ jmur lil hinn mill-perijodu tal-impjieg, jekk ikun meħtieġ.

Servizzi tas-saħħa u s-sigurtà

Is-servizzi tas-saħħa u s-sigurtà fi ħdan organizzazzjoni għandhom jiġu infurmati dwar kwalunkwe assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji.

Negozji u aġenziji tal-impjieg

  • Jekk il-ħaddiema temporanji jiġu fornuti minn aġenzija, jew negozju tal-impjieg ieħor, l-aġenzija għandha tkun infurmata dwar il-kwalifiki meħtieġa u l-karatteristiċi speċifiċi tax-xogħol, u din l-informazzjoni għandha tingħata lill-ħaddiema kkonċernati. L-informazzjoni tista’ tifforma parti mill-kuntratt tal-assenjazzjoni.
  • Madanakollu, l-organizzazzjoni li timpjega l-ħaddiem temporanju hija responsabbli għas-sigurtà, l-iġjene u l-aspetti tas-saħħa tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Ir-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-UE

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni Ewropea kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni tagħha, u jinkludu l-opinjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

META TAPPLIKA ID-DIRETTIVA?

Din tapplika mil-15 ta’ Lulju 1991 Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 1992.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Kuntratt temporanju: kuntratt tal-impjieg bejn negozju ta’ impjieg temporanju (bħal aġenzija) u ħaddiem, biex iwettaq kompitu f’organizzazzjoni taħt is-superviżjoni tagħha.

Kuntratt b’terminu fiss (jew tul ta’ żmien fiss): kuntratt tal-impjieg direttament bejn min iħaddem u ħaddiem għal tul ta’ żmien speċifiku jew biex itemm kompitu speċifiku.

Ħaddiem temporanju: terminu użat għal finijiet ta’ ċarezza f’dan is-sommarju biex ikopri persuna li qed taħdem taħt wieħed miż-2 relazzjonijiet tal-impjieg definiti hawn fuq.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ mpjieg b’dewmien fiss jew ta’ mpjieg temporanju (ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19-21)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva91/383/KEE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1-8)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 01.12.2016

Top