EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa — Regoli dwar trasparenza fil-pagi

Paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa — Regoli dwar trasparenza fil-pagi

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2023/970 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi tal-infurzar

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Dan jistabbilixxi r-regoli minimi biex isaħħu:

  • rispett għall-prinċipju ta’ paga* ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa;
  • Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni* diretta jew indiretta fil-paga abbażi ta’ sess,
  • trasparenza fil-pagi u infurzar aktar qawwi tad-dritt għal paga ndaqs.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tapplika għal:

  • impjegaturi fis-settur pubbliku u privat;
  • il-ħaddiema kollha fuq kuntratt tax-xogħol jew f’relazzjoni tal-impjieg definita bil-liġi, ftehim u/jew prattika kollettiva.

Paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs

  • Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jiżguraw li impjegaturi jkollhom strutturi ta’ paga li jeskludu kull diskriminazzjoni ta’ paga abbażi ta’ sess.
  • Il-valutazzjoni ta’ xogħol komparabbli trid tkun ibbażata fuq kriterja inkluż ħiliet, sforz, responsabbiltà u kundizzjonijiet tax-xogħol, u kriterja oħra li hi rilevanti mal-kompitu jew pożizzjoni speċifika. Il-kriterja trid tkun applikata b’manjera objettiva u newtrali għall-ġeneru, u teskludi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi ta’ sess.

Miżuri dwar trasparenza fil-pagi jistipulaw li:

  • applikanti għal impjieg:
    • għandhom id-dritt għall-informazzjoni minn impjegatur prospettiv qabel l-intervista dwar paga inizjali tal-pożizzjoni tal-impjieg jew il-firxa tagħha u, fejn rilevanti, dettalj tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv applikat mill-impjegatur fir-rigward tal-pożizzjoni.
  • ħaddiema:
    • għandhom id-dritt li jitolbu (direttament jew permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom jew entità nazzjonali tal-ugwaljanza) informazzjoni dwar il-livell individwali ta’ paga tagħhom u l-livelli medji tal-paga, diżaggregata skont sess, għal kategoriji ta’ ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol bħalhom jew xogħol ta’ valur indaqs għal tagħhom;
    • mhux ser ikunu miżmuma milli jikxfu l-paga tagħhom għall-iskop ta’ infurzar tal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
  • impjegaturi:
    • ma jistgħux jistaqsu lil applikanti għal impjieg dwar il-paga kurrenti jew preċedenti tagħhom;
    • jiżguraw li avviżi ta’ postijiet battala u titoli tal-impjiegi jkunu newtrali għall-ġeneru u li proċessi ta’ reklutaġġ ma jkunux diskriminatorji.
    • jagħmlu faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema tagħhom il-kriterja li tintuża biex tidditermina l-paga tal-ħaddiema, il-livelli ta’ paga u progressjoni ta’ paga u dik il-kriterja trid tkun objettiva u newtrali għall-ġeneru,
    • jinfurmaw lill-impjegati kollha tagħhom kull sena dwar id-dritt tagħhom li jitolbu u jirċievu informazzjoni bil-miktub dwar il-paga individwali tagħhom u l-livelli medji ta’ paga diżaggregata skont sess għal kollegi li jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur indaqs.
    • jipprovdu informazzjoni bħal lakuna fil-paga tal-ġeneru u l-proporzjon ta’ persunal nisa u rġiel li jirċievu komponenti komplementarji jew varjabbli (dan ir-rekwiżit ser ikun imdaħħal gradwalment mis-7 ta’ Ġunju 2027 għal impjegaturi b’aktar minn 100 ħaddiem, skont id-daqs tal-kumpanija),
    • jikkooperaw ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema biex jidentifikaw, jirrimedjaw u jevitaw differenzi diskriminatorji ta’ paga meta r-rapportar tal-paga tagħhom tikxef lakuna ta’ paga abbażi ta’ ġeneru ta’ aktar minn 5% li ma tistax tkun ġġustifikata minn kriterja objettiva, newtrali għall-ġeneru u ma tkunx indirizzata fi żmien 6 xhur.

L-Istati Membri:

  • jiżguaw id-disponibbiltà ta’ għodda jew metodoloġiji analitiċi biex jivvalutaw u jqabblu l-valur ta’ impjiegi differenti fil-livell tal-impjegatur,
  • jipprovdu assistenza u taħriġ tekniku biex jgħinu lil impjegaturi b’inqas minn 250 persunal biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-direttiva;
  • jieħdu miżuri biex jiżguraw li msieħba soċjali jkunu involuti attivament, minghajr preġudizzju għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali u konformi ma’ liġi u prattika nazzjonali.

Rimedji u infurzar

L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li:

  • ħaddiema jkollhom id-dritt li jmorru l-qorti biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom għal paga ndaqs jekk tfalli r-rikonċiljazzjoni;
  • assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, entitajiet ta’ ugwaljanza, rappreżentanti tal-ħaddiema u oħrajn b’interess leġittimu fl-iżgurar ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jkunu jistgħu jkunu involuti f’proċedimenti amminstrattivi jew ġudizzjarji.
  • ħaddiema li d-drittijiet tagħhom jkunu miksura jkunu jistgħu jitolbu kumpens sħiħ, inkluż paga b’lura, bonuses relatati jew pagamenti in natura, kumpens għal opportunitajiet mitlufa u dannu mhux materjali.
  • awtoritajiet kompetenti jew qrati nazzjonali jistgħu jordnaw:
    • li ksur jitwaqqaf u l-prinċipju ta’ paga ndaqs jkun applikat,
    • li Impjegaturi jikxfu kull evidenza rilevanti;
  • impjegaturi jridu jippruvaw li ebda diskriminazzjoni ma saret jekk il-każ jinġab kontrihom;
  • il-perjodu ta’ limitazzjoni biex jinġabu talbiet għal paga ndaqs ma jkunx iqsar minn 3 snin;
  • penali, li jridu jinkludu pieni, huma effettivi, proporzjonati u dissważivi;
  • fil-prestazzjoni ta’ kuntratti jew konċessjonijiet pubbliċi, operaturi ekonomiċi (inkluża l-katina ta’ subappalt) jikkonformaw mal-obbligi relatati mal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
  • ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom ma jkunux vittimizzati abbażi tal-eżerċizju tad-drittijiet tagħhom relatati ma’ paga ndaqs.

Dispożizzjonijiet orizzontali

  • Entitajiet tal-ugwaljanza għandhom ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-iskop tad-direttiva ta’ trasparenza fil-pagi.

L-Istati Membri:

  • jridu jipprovdu l-entitajiet tal-ugwaljanza tagħhom bir-riżorsi adegwati biex iwettqu b’mod effettiv il-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-rispett għad-dritt għal paga ndaqs.
  • jridu jiżguraw monitoraġġ konsistenti u kkoordinat ta’ u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
  • jistgħu japplikaw aktar termini favorabbli għal ħaddiema milli dawk li hemm fid-direttiva;
  • jridu jipprovdu lil Eurostat kull sena, mill-31 ta’ Jannar 2028, b’data nazzjonali għall-kalkolu tal-lakuna tal-paga tal-ġeneru;
  • jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea sas-7 ta’ Ġunju 2031 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni — dan jipprovdi l-input għar-rapport tal-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sas-7 ta’ Ġunju 2033.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva trid tkun transposta f’liġi nazzjonali sas-7 ta’ Ġunju 2026. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw minn dik id-data.

SFOND

  • In-nisa fl-UE jaqilgħu medja ta’ 13% inqas mill-kontroparti rġiel tagħhom Dik il-lakuna tal-paga tal-ġeneru in ġenerali staġnat tul l-aħħar deċennju.
  • L-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi 2020-2025 tal-UE (ara s-sommarju) tipprovdi l-bażi għax-xogħol tal-Kummissjoni fuq ugwaljanza bejn is-sessi u tissettja l-objettivi tal-politika, inklużi t-trasparenza fil-pagi u inizjattivi ewlenin matul dan il-perjodu.
  • Il-prinċipju ta’ paga ndaqs hu minqux f’Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan jirrikjedi li Stati Membri jiżguraw il-“prinċipju ta’ paga ndaqs għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs”
  • Il-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess fir-rigward ta’ kull aspett u kundizzjoni ta’ paga hu mniżżel f’Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE (ara sommarju).

TERMINI EWLENIN

Il-paga. Paga jew salarju bażiku jew minimu, flimkien ma’ benefiċċji fi flus jew in natura li ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament.
Diskriminazzjoni. Din tinkludi fastidju u fastidju sesswali, trattament u struzzjoni nqas favorevoli biex tiddiskrimina kontra persuni abbażi ta’ sess, diskriminazzjoni intersezzjonali, u tirreferi għal diskriminazzjoni diretta u indiretta.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (ĠU L 132, 17.5.2023, pp. 21–44).

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu X — Il-Politika Soċjali — l’Artikolu 157 (ex Artikolu 141 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 117–118).

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, 26.7.2006, pp. 23–36).

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parliament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ ugwaljanza: Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020–2025 (COM(2020) 152 final, 5.3.2020).

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: — Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ mpjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (COM(2013) 0861).

Persunal tal-Kummissjoni li jaħdmu fuq evalwazzjoni ta’ dokument tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva 2006/54/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattat dwar “paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs” (SWD(2020) 0050 final).

l-aħħar aġġornament 12.07.2023

Top