Għajnuna mill-istat — is-setturi tas-sajd u l-akkwakultura
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) 2022/2473 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
Ir-Regolament (UE) Nru 717/2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?
- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473, magħruf bħala r-regolament ta’ blokka ta’ eżenzjoni fis-sajd, jikkonferma l-kategoriji speċifiċi tal-għajnuna li hija kompatibbli mar-regoli tal-Għajnuna Statali tal-Unjoni Ewropea (UE). Huwa jeżentahom milli jibgħatu notifika minn qabel lill- jew approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
- It-tibdil jippermetti lill-Istati Membri tal-UE biex jipprovdu għajnuna malajr, jissimplifikaw l-proċeduri u jżidu t-trasparenza, evalwazzjoni u kontroll tal-assistenza finanzjarja mogħtija.
- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru. 717/2014 jistabbilixxi r-regoli għal de minimis* għajnuna fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura. Huwa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet fejn l-għajnuna mill-istat tkun eżenta mill-projbizzjoni f’Artiklu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u ma jkunx hemm bżonn ta’ notifika lill-Kummissjoni taħt Artiklu 108(3) tat-Trattat.
- Huwa jistabbilixxi t-termini għall-għajnuna u jpoġġi limiti fuq l-ammonti permessi.
PUNTI EWLENIN
Ir-Regolament (UE) 2022/2473 japplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ għajnuna lil:
- intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs kif definiti fl-Anness I) involuti fil-produzzjoni, fl-ipproċessar jew fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;
- muniċipalitajiet fi proġetti ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità;
- portijiet tas-sajd, siti tal-ħatt, swali tal-irkant u xelters;
- kumpaniji involuti fil-produzzjoni fl-ipproċessar jew fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura biex:
- jagħmlu tajjeb għall-ħsara minn diżastri naturali u klima ħażin, bħal għarghar jew nixfa severa,
- isewwu l-ħsara li tkun ġiet kawżata mill-annimali protetti*,
- jinnovaw fis-sajd u fl-akkwakultura.
Huwa jistipula:
- il-limiti varji li jekk jinqabżu jkunu jeħtieġu li jiġu notifikati;
- regoli fuq l-intensità massima (Anness IV) u l-ispejjeż eliġibbli;
- kundizzjonijiet speċifiċi għal kull kategorija ta’ għajnuna.
L-għajnuna għandha:
- tkun trasparenti biex tagħmel il-kalkolazzjoni preċiża possibbli tat-total ekwivalenti tal-għotja (għotjiet, self, sussidji fuq ir-rata tal-interessi u servizzi sussidjati, pereżempju);
- Tipprovdi inċentiv, jiġifieri benefiċjarju potenzjali jkun issottometta talba għall-għajnuna bil-miktub qabel ma jibda l-proġett jew l-attività;
- tkun ippubblikata fuq siti tal-internet nazzjonali u tal-Kummissjoni (Annessi II u III jistipulaw ir-rekwiżiti).
Ir-regolament jitlob:
- il-Kummissjoni li tagħti struzzjonijiet lill-IStati Membri biex jinnotifikaw l-għajnuna futura, jekk issib li l-għajnuna li diġà ingħatat ma tilħaqx il-kundizzjonijiet fir-regolament.
- L-Istati Membri:
- jibgħatu lill-Kummissjoni sommarju ta’ kull miżura ta’ għajnuna li jagħtu u jipprovdu rapport annwali,
- jżommu rekords dettaljati, b’dokumentazzjoni t’appoġġ għal tal-inqas 10 snin;
- esperti independenti li jevalwaw l-iskemi ta’ għajnuna wara l-implimentazzjoni tagħhom, jekk l-ispiża tmur ’il fuq minn €150 miljun f’sena jew €750 miljun għall-ħajja tal-iskema.
Ir-regolament japplika għall-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin:
- Il-konformità tal-benefiċjarju mal-politika komuni tas-sajd;
- sajd sostenibbli:
- bastiment li rċieva l-għajnuna ma jistax jiġi trasferit jew jingħata bandiera oħra għal mill-inqas 5 snin mill-aħħar pagament,
- l-ispejjeż operattivi mhumiex eliġibbli sakemm ma jkunux espressament ipprovduti;
- akkwakultura sostenibbli:
- l-għajnuna hija limitata għall-
- għajnuna li ma tingħatax lill-agrikultura ta’ organiżmi midifikati ġenetikament.
Ir-regolament japplika għall-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin:
- It-tiswir ta’ sajd sostenibbli u r-restorazzjoni u l-konservazzjoni ta’ riżorsi akkwatiċi bijoloġiċi:
- innovazzjoni fis-sajd;
- servizzi ta’ konsulenza;
- partenarjati bejn xjentisti u sajjieda;
- promozzjoni tal-kapital uman u tad-djalogu soċjali;
- diversifikazzjoni u forom ġodda ta’ introjtu;
- ix-xiri tal-ewwel bastiment tas-sajd;
- titjib fis-saħħa, fis-sigurtà u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda;
- ħlas ta’ primjums ta’ assigurazzjoni u kontribuzzjonijiet finanzjarji għal fondi reċiproċi;
- sistemi li jallokaw opportunitajiet għas-sajd;
- il-limitazzjoni tal-impatt ambjentali tas-sajd u l-adattament tas-sajd għall-protezzjoni tal-ispeċi;
- innovazzjoni marbuta mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;
- il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar;
- titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-mitigazzjoni ta’ effetti tat-tibdil fil-klima;
- valur miżjud, kwalità tal-prodott u użu ta’ qabdiet mhux mixtieqa;
- portijiet tas-sajd, siti tal-ħatt, swali tal-irkant u xelters;
- sajd intern u fawna u flora akkwatiċi interni.
- It-trawwim ta’ akkwakultura sostenibbli:
- innovazzjoni fl-akkwakultura;
- titjib fil-produttività jew fl-impatti pożittivi fuq l-amabjent tal-akkwakultura;
- servizzi ta’ ġestjoni, għajnuna u konsulenza;
- il-promozzjoni tal-kapital uman u tan-networking;
- żieda fil-potenzjal tas-siti tal-akkwakultura;
- l-inkoraġġiment għal produtturi ġodda li jipprattikaw biedja sostenibbli tas-sajd;
- il-konverżjoni għal ġestjoni ekoloġika, skemi ta’ verifika u akkwakultura organika;
- servizzi ambjentali;
- is-saħħa pubblika;
- is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali;
- Il-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard;
- il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ ħsara minn marda tal-annimali;
- assigurazzjoni tal-istokk tal-akkwakultura.
- il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;
- Għajnuna oħra:
- Il-ġbir, l-immaniġġjar, l-użu u l-ipproċessar tad-data;
- Il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni għal, u li jagħmel tajjeb għal ħsara minn diżastri naturali, avvenimenti avversi tal-klima u annimali protetti;
- proġetti ta’ żvilupp immexxija minn komunitajiet lokali.
Ir-regolament jissostitwixxi Regolament (UE) Nru. 1388/2014.
Ir-Regolament (UE) Nru 717/2014
- Dan ir-regolament japplika għal għajnuna għall-kumpaniji tas-sajd u tal-akkwakultura ħlief għal għajnuna għal:
- prodotti bbażati fuq il-prezz jew il-kwantità offruti għall-bejgħ, għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE jew dipendenti fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi;
- ix-xiri ta’ bastimenti tas-sajd;
- il-modernizzazzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ magni ta’ bastimenti tas-sajd;
- miżuri li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta’ bastiment;
- il-bini ta’ bastimenti tas-sajd ġodda, jew l-importazzjoni tagħhom;
- waqfien temporanju jew permanenti tal-attività tas-sajd;
- sajd esploratorju;
- it-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju;
- ir-ripopolazzjoni.
- Ir-regolament jistabbilixxi limiti bażiċi fuq 3 snin fiskali ta’ għajnuna nazzjonali għal:
- riċevitur wieħed (ta’ EUR 30,000);
- ir-riċevituri kollha (l-Anness jelenka l-ammont massimu ppubblikat għal kull Stat Membru).
- Dan jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri:
- jissorveljaw il-limiti individwali u nazzjonali u jirrakkomandaw li joperaw reġistru ċentrali nazzjonali;
- jiżguraw li l-għajnuna hija trasparenti billi jesprimuha bħala għotja ta’ flus kontanti grossa, fil-każ ta’ għotjiet jew sussidji b’rata ta’ interess, jew l-ekwivalenti tagħha għal self, injezzjonijiet kapitali, finanzjament ta’ riskju u garanziji;
- jagħtu għajnuna ġdida de minimis biss skont it-termini tar-regolament;
- jżommu rekords għal 10 snin;
- jagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni li din titlob bil-miktub.
Il-Kummissjoni se tadotta emendi finali għar-Regolament matul l-2023.
MINN META JIBDEW JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?
- Regolament (UE) 2022/2473 japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2029.
- Ir-Regolament (UE) Nru 717/2014 japplika mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2023 (kif imtawwal mir-Regolamenti (UE) 2020/2008 u 2022/2514).
SFOND
Ir-Regolament 2022/2473 huwa parti minn pakkett ta’ miżuri li l-Kummissjoni adottat ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat dwar is-sajd, l-akkwakultura, l-agrikoltura u l-forestrija.
Ir-regoli riveduti jallinjaw l-għajnuna mill-Istat mal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, notevolment il-politika komuni tas-sajd u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
De minimis. Ammonti żgħar ta’ għajnuna nazzjonali mill-Istat u li ma tridx tkun notifikata lill-Kummissjoni.
Annimal protetti. Kwalunkwe annimal, ħlief ħut protett mill-UE jew minn leġiżlazzjoni nazzjonali.
DOKUMENTI PRINĊIPALI
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 21.12.2022, pp. 82–139).
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, pp. 45–54).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 717/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji Gwida għall-għajnuna mill-istat fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura 2023/C 107/01 (ĠU C 107, 23.3.2023, pp. 1–48).
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 2 — Għajnuniet mogħtija mill-Istati — Artikolu 107 (ex Artikolu 87 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 91–92).
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 2 — Għajnuniet mogħtija mill-Istati — Artikolu 108 (ex Artikolu 88 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 92–93).
l-aħħar aġġornament 16.03.2023