Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Att dwar is-Servizzi Diġitali

Att dwar is-Servizzi Diġitali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2022/2065 dwar suq uniku għas-servizzi diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (L-Att dwar is-Servizzi tad-Data)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu l-għan li joħloq ambjent online aktar sikur għall-konsumaturi u l-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea (UE), b’sett ta’ regoli mfassla sabiex:

  • jipproteġu l-konsumaturi u d-drittijiet fundamentali tagħhom b’mod aktar effettiv;
  • jiddefinixxu responsabbiltajiet ċari għall-pjattaformi online u l-media soċjali;
  • jittrattaw il-kontenut u l-prodotti illegali, id-diskors ta’ mibgħeda u d-diżinformazzjoni;
  • jiksbu aktar trasparenza b’rappurtar u sorveljanza aħjar; u
  • jinkoraġġixxu l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-kompetittività fis-suq intern tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jintroduċi responsabilitajiet u sistema ta’ kontabilità u trasparenza għall-fornituri ta’ servizzi intermedjarji, bħal:

  • fornituri ta’ aċċess għall-internet,
  • servizzi ta’ hosing bħal servizzi tal-cloud computing u tal-web hosting,
  • reġistraturi tal-ismijiet tad-dominji,
  • swieq online,
  • ħwienet tal-apps,
  • pjattaformi ta’ ekonomija kollaborattiva,
  • networks soċjali,
  • pjattaformi ta’ kondiviżjoni tal-kontenut,
  • pjattaformi online tal-ivvjaġġar u ta’ akkomodazzjoni.

Ir-regolament jinkludi wkoll regoli speċjali għal:

  • pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs) użati minn aktar minn 10 % tal-450 miljun konsumatur fl-UE; u
  • magni tat-tiftix online kbar ħafna (VLOSEs) użati minn aktar minn 10 % tal-450 miljun konsumatur fl-UE.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali jissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tal-partijiet kollha involuti, b’mod partikolari ċ-ċittadini tal-UE, billi:

  • jiġġieled kontra l-kontenut illegali online, inklużi l-prodotti u s-servizzi, b’mod partikolari billi:
    • ikollu aktar kontroll fuq x’jaraw l-utenti online, u li jkunu aktar infurmati dwar ir-reklami li jaraw,
    • ikun jista’ jimmarka faċilment kontenut jew prodotti illegali, diskors ta’ mibgħeda u diżinformazzjoni,
    • jipprovdi mezz għall-pjattaformi biex jikkooperaw ma’ “markaturi fdati”, u
    • jimponi obbligi fuq it-traċċabbiltà tan-negozjanti fi swieq online;
  • jagħti s-setgħa lill-utenti u lis-soċjetà ċivili, inkluż:
    • li jkunu kapaċi jisfidaw deċiżjonijiet ta’ moderazzjoni tal-kontenut u jfittxu rimedju, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ tilwim jew rimedju ġudizzjarju,
    • aċċess għall-awtoritajiet u għar-riċerkaturi għad-data ewlenija ġġenerata mill-pjattaformi l-kbar ħafna sabiex jitkejlu r-riskji online, u
    • trasparenza fuq firxa ta’ kwistjonijiet, inkluż fuq allgoritmi użati fir-rakkomandazzjoni tal-kontenut jew tal-prodotti;
  • il-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji, inklużi:
    • obbligi għall-VLOPs u l-VLOSEs sabiex jipprevjenu lis-sistemi tagħhom jintużaw ħażin u sabiex is-sistemi tal-ġestjoni tar-riskji tagħhom jgħaddu minn verifiki indipendenti,
    • sistemi biex jirreaġixxu b’mod unilaterali u effiċjenti għal kriżijiet li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika,
    • salvagwardji għal tfal u limiti dwar l-użu ta’ data personali sensittiva għal reklamar immirat;
  • it-tisħiħ tas-superviżjoni u l-infurzar tal-fornituri tas-servizz intermedjarju kollha, b’rwol importanti għall-koordinaturi indipendenti tas-servizzi diġitali f’kull Stat Membru tal-UE u l-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali — barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha setgħat superviżorji addizzjonali b’rabta mal-VLOPs u mal-VLOSEs.

Mekkaniżmu ta’ Rispons għall-Kriżijiet

F’każ li sseħħ kriżi, fejn ċirkostanzi straordinarji jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika fl-UE jew f’partijiet sinifikanti minnha, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-VLOPs u lill-VLOSEs biex:

  • jivvalutaw jekk u kif is-servizzi tagħhom jikkontribwixxux b’mod sinifikanti għal din it-theddida serja, jew jekk x’aktarx jagħmlu dan;
  • jidentifikaw u japplikaw miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju effettivi u proporzjonati (deskritti fir-regolament) biex jipprevjenu, jeliminaw jew jillimitaw dawn il-kontribuzzjonijiet;
  • jirrappurtaw lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni u r-rispons tagħhom.

Direttiva emendata

Ir-regolament jemenda d-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolamenta japplika mis-17 ta’ Frar 2024.
  • Xi regoli relatati mal-VLOPs u l-VLOSEs ilhom japplikaw mis-16 ta’ Novembr 2022, inklużi l-obbligi ta’ rapportar, awditjar indipendenti, kondiviżjoni tad-data u superviżjoni (inklużi t-tariffi), investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ.

SFOND

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali huwa parti minn pakkett li jinkludi wkoll ir-Regolament (UE) 2022/1925, l-Att dwar is-Swieq Diġitali (ara s-sommarju).

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar is-Servizzi Diġitali tas-Suq Uniku u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (L-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, pp. 1–102).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, pp. 1–66).

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, pp. 1–16).

l-aħħar aġġornament 15.02.2023

Top