Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili f’żebgħa, lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi

Emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili f’żebgħa, lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2004/42/KE dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din id-direttiva, magħrufa bħala “d-Direttiva dwar iż-Żebgħa” għandha l-għan li tillimita l-kontenut totali ta’ komposti organiċi volatili (VOCs*) minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Dan jipprevjeni jew inaqqas it-tniġġis tal-arja li jirriżulta mill-kontribuzzjoni tal-VOCs li jiffurmaw l-ożonu fit-troposfera, l-aktar saff baxx tal-atmosfera tad-dinja.

PUNTI EWLENIN

Din id-direttiva tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal ċertu żebgħa u lostri (aerosols esklużi) u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Huma prinċipalment kisjiet applikati fuq bini u vetturi. Dawn il-prodotti huma elenkati fis-subkategoriji f’Anness I tad-direttiva.

Din id-direttiva tikkumplimenta r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar l-ittikkettar ta’ sustanzi u tħejjijiet kimiċi u tpoġġi r-responsabbiltà fuq il-pajjiżi tal-UE biex jiżguraw li l-prodotti kkonċernati jkunu għall-bejgħ biss meta jkollhom kontenut VOC li ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti f’Anness II tad-direttiva (li jvarjaw minn 30 sa 750 gramma/litru (g/l) għal żebgħa u lostri) u li jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-tikkettar. It-tikketta għandha tindika:

  • is-subkategorija tal-prodott u l-valuri tal-limiti tal-VOC fi g/l;
  • il-kontenut massimu tal-VOC fi g/l tal-prodott f’kundizzjoni lest għall-użu.

L-anness II tad-direttiva jelenka wkoll il-valuri tal-limiti tal-kontenut tal-VOC massimi għall-prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Il-Kummissjoni Ewropea se tadatta din il-lista biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress tekniku.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrapportaw ir-riżultati tal-programm ta’ monitoraġġ biex juru li jikkonformaw mad-direttiva u l-kategoriji u l-kwantitajiet ta’ prodotti liċenzjati. Dan għandu jiġi rrapportat lilll-Kummissjoni kull 5 snin. Il-pajjiżi għandhom jippermettu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ dawn il-prodotti li, fil-kundizzjoni lest għall-użu tagħhom, jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-direttiva. Għandhom ukoll jistabbilixxu penali għal ksur tar-regoli nazzjonali adottati f’konformità mad-direttiva u jiżguraw li dawn jiġu infurzati.

Il-Kummissjoni ssottomettiet dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, biex jeżaminaw:

  • il-potenzjal wiesa’ li jnaqqsu l-kontenut tal-VOC ta’ prodotti barra l-iskop tad-direttiva, inklużi l-aerosols għal żebgħa u lostri;
  • il-possibbiltà tal-introduzzjoni, ta’ aktar tnaqqis fil-kontenut tal-VOC tal-prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi, fit-tieni fażi;
  • kwalunkwe aspett ġdid tal-impatt soċjoekonomiku tat-tieni fażi kif previst għaż-żebgħa u l-lostri.

Il-Kummissjoni ssottomettiet ukoll rapport li jqis l-iżviluppi teknoloġiċi fil-manifattura ta’ żebgħa, lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Dan ir-rapport jeżamina l-għan wiesa’ u l-potenzjal għal aktar tnaqqis fil-kontenut tal-VOC ta’ prodotti li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tad-direttiva, inkluża l-possibbiltà ta’ distinzjoni bejn żebgħa li tintuża għal ġewwa u dik li tintuża għal barra.

Id-Direttiva dwar iż-Żebgħa emendat id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet tas-Solventi VOC preċedenti (id-Direttiva 1999/13/KE li minn dak iż-zmien ġiet imħassra bid-Direttiva, dwar l-Emissjonijiet Industrijali 2010/75/UE) li neħħiet is-subattività ta’ “Lostru mill-Ġdid ta’ Vetturi” (iż-żebgħa ta’ vetturi tat-triq li ssir bħala parti mit-tiswija ta’ vetturi, il-konservazzjoni jew it-tiżjin ’il bogħod mill-installazzjonijiet tal-manifattura) mill-għan tagħha. Din l-attività issa tiġi taħt l-iskop tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa.

Bħala eċċezzjoni (“deroga”), konformità bħal dik mhix meħtieġa għal żebgħa, lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi li jintużaw:

  • għal attivitajiet elenkati fl-Anness VII (Parti I) tad-Direttiva 2010/75/UE u regolati skont il-Kapitolu V tagħha, jew
  • għar-restawr u l-manutenzjoni ta’ bini u vetturi qodma ta’ preġju ta’ valur storiku u kulturali.

Il-ħtiġijiet ta’ monitoraġġ u rapportar huma, mis-16 ta’ Lulju 2021, imħassra u sostitwiti mir-Regolament (UE) 2019/1020 dwar strateġija nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-30 ta’ April 2004 u kienet saret liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Ottubru 2005.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kompost organiku volatili (VOC): kwalunkwe kompost organiku bi pressjoni ta’ fwar għolja f’temperatura ordinarja tal-kamra, u punt tat-togħlija taħt 250°C, li jikkawża għadd kbir ta’ molekuli li jevaporaw u jidħlu fl-arja tal-madwar.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi u li temenda d-Direttiva 1999/13/KE (ĠU L143, 30.4.2004, pp. 87-96)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/42/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, pp. 1-44)

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, pp. 1-31)

Id-Direttiva 2010/75/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (kontroll u prevenzjoni tat-tniġġis integrati) (Riformulazzjoni) (ĠU L 334, 17.12.2010, pp. 17-119)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2010/75/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi u taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, pp. 1-1355)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 309, 27.11.2001, pp. 22-30)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 25.10.2019

Top