Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-oriġini ġeografika tax-xorb alkoħoliku

L-oriġini ġeografika tax-xorb alkoħoliku

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/787 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, u l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa għandu l-għan li jipprovdi regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż*, inkluż l-użu tagħhom f’ikel ieħor, u dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi* (GIs) għal xorb spirituż.
  • Huwa jinkludi regoli aktar ċari ta’ tikkettar għal xorb spirituż bħal whisky, brandy, spirtu tal-inbid u vodka, kif ukoll għal kombinazzjonijiet ta’ tali xorb spirituż ma’ ikel ieħor. Dawn ir-regoli huma applikabbli madwar l-Unjoni Ewropea (UE) u huma konformi mar-regoli dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.
  • Huwa għandu wkoll l-għan li jiżgura aktar armonizzazzjoni tal-metodi tal-produzzjoni ta’ xorb spirituż permess fl-UE kollha, pereżempju rigward il-kontenut massimu taz-zokkor ta’ għadd ta’ xarbiet spiritużi.
  • Huwa jimmira li jissimplifika aktar il-proċeduri tal-indikjazzjonijiet ġeografiċi bl-għanijiet li:
    • il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tiffoka biss fuq elementi sinifikanti għall-UE;
    • definizzjonijiet aktar ċari ta’ emendi fil-livell nazzjonali u tal-UE, li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà;
    • it-tnaqqis tal-perjodu ta’ żmien għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet.
  • Huwa għandu l-għan li jtejjeb il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi:
    • meta l-prodotti jintużaw bħala ingredjenti;
    • meta jkunu f’kunflitt ma’ trademarks; u
    • kontra merkanzija fi tranżitu fit-territorju tal-UE.
  • Huwa jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 b’effett mill-25 ta’ Mejju 2021, ħlief għall-Kapitolu III (indikazzjonijiet ġeografiċi) li tħassar b’effett mit-8 ta’ Ġunju 2019).

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Ir-regolament ikopri d-definizzjoni ta’ xorb spirituż u l-kategoriji ta’ xorb spirituż permessi fl-UE.
  • Huwa jispjega regoli dettaljati dwar il-produzzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tagħhom, flimkien mal-użu tal-ismijiet tax-xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti oħrajn tal-ikel.
  • Ix-xorb spirituż huwa wieħed mill-erba’ setturi koperti mir-regoli tal-UE dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Is-setturi l-oħra huma l-ikel, l-inbid u l-inbejjed aromatizzati.

Alkoħol etiliku

L-alkoħol użat fil-produzzjoni ta’ xorb spirituż u xorb alkoħoliku ieħor, u biex jiddilwixxi jew iħoll kuluri, ħwawar jew kwalunkwe ingredjent awtorizzat ieħor, għandu jkun esklussivament alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, distillati ta’ oriġini agrikola jew xorb spirituż tal-kategoriji 1 sa 14 tal-Anness I tar-Regolament.

Att delegat — Regolament Delegat (UE) 2022/1303 — jemenda r-Regolament (UE) 2019/787, u jaġġorna d-definizzjoni ta’ u r-rekwiżiti għall-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola skont il-progress tekniku. L-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola issa huwa definit bħala likwidu li jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

  • li nkiseb permezz tal-fermentazzjoni alkoħolika, segwit minn distillazzjoni esklussivament ta’ prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
  • li m’hemm l-ebda togħma li tista’ tinstab ħlief dik tal-materja prima li ntużat fil-produzzjoni tiegħu;
  • is-saħħa minima alkoħolika tiegħu bil-volum (magħruf ukoll bħala “% vol. alkoħol”) huwa 96.0%;
  • il-livelli massimi ta’ residwi tiegħu ma jaqbżux dan li ġej:
    • aċitat etiliku: 1.3 grammi għal ettolitru ta’ 100% vol. ta’ alkoħol,
    • aċetaldeid (is-somma ta’ ethanal u 1.1-diethoxyethane): 0.5 grammi għal kull ettolitru ta’ 100% volum ta’ alkoħol,
    • alkoħol iktar għoli (is-somma ta’: propan-1-ol, butan-1-ol, butan-2-ol, 2-methylpropan-1-ol, 2-methylbutan-1-ol u 3-methylbutan-1-ol): 0.5 grammi għal kull ettolitru ta’ 100% vol. alkoħol,
    • metanol: 30 gramma għal kull ettolitru ta’ 100% vol. alkoħol,
    • furfural: 0.5 grammi għal kull ettolitru ta’ 100% vol. alkoħol.

Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi

L-indikazzjonijiet ġeografiċi li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott huma mħarsa minn:

  • kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem reġistrat ta’ prodotti (mhux koperti mir-reġistrazzjoni) fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli jew fejn l-użu tal-isem ikun qed jisfrutta r-reputazzjoni tal-isem protett, inklużi prodotti użati bħala ingredjent;
  • kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodotti jew servizzi tkun indikata jew jekk l-isem protett ikun tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”, “togħma”, “bħal” jew simili, inkluż meta l-prodotti jintużaw bħala ingredjent;
  • kull indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra dwar l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott biex tagħti impressjoni falza tal-oriġini tal-prodott;
  • kull prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott.

Speċifikazzjoni tal-prodott

L-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott jinkludu tal-inqas:

  • l-isem li għandu jiġi protett bħala indikazzjoni ġeografika, kif jintuża, fil-kitba oriġinali, flimkien mat-traskrizzjoni ekwivalenti bil-Latin (jekk rilevanti);
  • il-kategorija tax-xorb spirituż;
  • il-karatteristiċi, li jinkludu l-materja prima użata kif ukoll il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott u t-tqabbil ma’ xorb spirituż tal-istess kategorija;
  • id-definizzjoni taż-żona ġeografika;
  • il-metodi tal-produzzjoni, b’mod partikolari kwalunkwe metodu ta’ produzzjoni lokali awtentiku u li ma jinbidilx;
  • rabta bejn il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tax-xorb spirituż u l-oriġini ġeografika tiegħu;
  • kwalunkwe rekwiżit ta’ tikkettar jew ta’ imballaġġ speċifiku.

Reġistrazzjoni

  • L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika jistgħu jiġu sottomessi biss minn gruppi li jaħdmu bix-xarba spirituża kkonċernata.
  • Stat Membru tal-UE jista’ b’mod provviżorju jagħti protezzjoni lill-isem fil-livell nazzjonali, b’effett mid-data li fiha applikazzjoni hija sottomessa lill-Kummissjoni.
  • Fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, pajjiżi fl-UE u barra l-UE, u residenti mhux fl-UE b’interess leġittimu, jistgħu jippreżentaw avviż ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni.
  • Il-Kummissjoni żżomm reġistru elettroniku ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi rikonoxxuti aċċessibbli għall-pubbliku, li għandu jinħoloq permezz ta’ atti delegati.
  • L-Istati Membri jwettqu kontrolli fuq l-użu ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati u x-xorb spirituż b’mod ġenerali, u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa f’każ ta’ ksur tar-regoli.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Dan ilu japplika mit-8 ta’ Ġunju 2019 fir-rigward tar-regoli relatati mal-indikazzjonijiet ġeografiċi.
  • Huwa se japplika mill-25 ta’ Mejju 2021 fir-rigward tar-regoli l-oħra dwar il-produzzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Xorb spirituż. Xarba alkoħoliku maħsuba għall-konsum mill-bniedem li għandha proprjetajiet partikolari ta’ togħma u aroma, u għandha qawwa alkoħolika minima skont il-volum ta’ 15 % (14 % għal advocaat jew likur tal-bajd).
Indikazzjonijiet ġeografiċi. Denominazzjoni li tidentifika prodott li joriġina minn pajjiż, reġjun jew lokalità, fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra tal-prodott tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu. Fatturi naturali, umani u tal-proċess jikkontribwixxu għal dawn il-karatteristiċi distintivi.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, pp. 1-54).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/787 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1235 tat-12 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni u r-reġistru (ĠU L 270, 29.7.2021, pp. 1-9).

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, pp. 1-29).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, pp. 18-63).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, pp. 16-54).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.09.2022

Top