EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pedaġġ elettroniku — l-interoperabilità tas-sistemi nazzjonali

Pedaġġ elettroniku — l-interoperabilità tas-sistemi nazzjonali

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva (UE) 2019/520 — dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Għandha l-għan li tagħmel ir-regoli ta’ pedaġġ elettroniku tal-UE aktar effettiv billi:

  • itejjeb l-interoperabilità tas-sistema li taħtha joperaw;
  • tistabbilixxi bażi legali għall-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar il-vetturi, u s-sidien jew id-detenturi tagħhom, li naqsu milli jħallsu tariffi tat-triq fl-UE.

Id-direttiva tirriformula u tħassar id-Direttiva 2004/52/KE mill-20 ta’ Ottubru 2021.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ Applikazzjoni

Id-direttiva ma tapplikax għal:

  • sistemi ta’ pedaġġ li mhumiex elettroniċi ;
  • sistemi ta’ pedaġġ żgħar, strettament lokali li għalihom l-ispejjeż jistgħu jisbqu l-benefiċċji.

Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS)

  • L-EETS huwa l-mod kif tikseb sistema ta’ pedaġġ interoperabbli.
  • Huwa jippermetti lill-utenti tat-triq jabbonaw għal kuntratt uniku u jużaw tagħmir ta’ abbord* biex tħallas pedaġġ elettroniku madwar l-UE.
  • Huwa kumplimentari għall-iskemi ta’ pedaġġ nazzjonali.

Id-direttiva tistabbilixxi r-regoli għall-EETS inkluż:

  • Il-prinċipji ġenerali, inkluż il-proċedura għar-reġistrar tal-fornituri tal-EETS, u d-drittijiet u l-obbligi għall-fornituri tal-EETS u l-kolletturi tal-pedaġġ;
  • ir-rwol tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, stabbilit biex jimmedja bejn il-kolletturi tal-pedaġġ u l-fornituri tal-EETSs;
  • id-dispożizzjoni biex jiġi żgurat servizz kontinwu uniku, jiġifieri ladarba d-dettalji tal-vettura jiddaħħlu fis-sistema, ma tkun meħtieġa l-ebda input ieħor irrispettivament minn liema dominju tal-fornituri tal-EETS tgħaddi minnu l-vettura;
  • it-twaqqif ta’ uffiċċju ta’ kuntatt uniku jekk pajjiż tal-UE jkollu aktar minn dominju EETS wieħed.

Skambju transkonfinali ta’ informazzjoni

Id-direttiva tistipula regoli għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar nuqqas li titħallas tariffa tat-triq inkluż:

  • il-proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE;
  • l-ittra ta’ informazzjoni dwar nuqqas li titħallas pedaġġ;
  • il-provvista ta’ informazzjoni minn pajjiż tal-UE lill-korp tal-ħlas tal-pedaġġ.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija tapplika mid-19 ta’ Ottubru 2019 u għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sad-19 ta’ Ottubru 2021.

Madankollu, id-direttiva tistipula wkoll numru ta’ skadenzi speċifiċi:

  • 19 ta’ Ottubru 2019 — rigward il-Korp ta’ Konċiljazzjoni, atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar speċifikazzjonijiet għal interfaces elettroniċi, kostitwenti tal-interoperabilità, u atti delegati tal-Kummissjoni dwar il-korpi notifikati;
  • 19 ta’ Ottubru 2021 — dwar id-disponibbiltà tar-reġistri elettroniċi nazzjonali;
  • 19 ta’ April 2023 — dwar ir-rappurtar mill-pajjiżi tal-UE lill-Kummissjoni, u mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill;
  • 17 ta’ April 2024 — dwar is-setgħa tal-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati.

SFOND

L-UE stabbilixxiet ukoll regoli għall-qsim ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fil-każ ta’ reati tat-traffiku fit-toroq.

TERMINI EWLENIN

Tagħmir ta’ abbord: is-sett sħiħ ta’ komponenti tal-hardware u tas-software li għandhom jintużaw bħala parti mis-servizz ta’ pedaġġ li huwa installat, jew jinġarr, abbord vettura sabiex jiġbor, jaħżen, jipproċessa u jirċievi/jittrażmetti mill-bogħod id-data, jew bħala apparat separat jew inkorporat fil-vettura.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (ĠU L 91, 29.3.2019, pp. 45-76)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva (UE) Nru 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (ĠU L 68, 13.3.2015, pp. 9-25)

Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, pp. 62-106)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/53/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, pp. 79-106)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.06.2019

Top