Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Missjoni ta’ taħriġ tal-UE fil-Mali (EUTM Mali)

Missjoni ta’ taħriġ tal-UE fil-Mali (EUTM Mali)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2013/34/PESK — missjoni militari tal-UE biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Mali (EUTM Mali)

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Din tawtorizza missjoni militari tal-UE biex tgħin fit-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (MAF), sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-kapaċità militari tal-Mali u sabiex din tkun tista’ twettaq operazzjonijiet militari biex terġa’ tiġi stabbilita l-integrità territorjali tagħha u titnaqqas it-theddida kkawżata minn gruppi terroristiċi.

PUNTI EWLENIN

Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 2071 (2012)

  • Din ir-Riżoluzzjoni tal-2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Mali stiednet lis-sħab internazzjonali, inkluża l-UE, biex jipprovdu assistenza, għarfien espert, taħriġ u appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet lill-armata u lill-forzi tas-sigurtà tal-Mali.
  • Din id-deċiżjoni twieġeb għal dik l-istedina.

Objettivi

Il-mandat tal-EUTM Mali ġie mġedded 4 darbiet, l-aktar reċenti f’Marzu 2020 bid-Deċiżjoni (PESK) 2020/434 li reġgħet iffokat l-objettivi strateġiċi tal-missjoni bħala li:

  • tikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċitajiet tal-MAF taħt il-kontroll tal-awtoritajiet ċivili leġittimi tal-Mali billi tipprovdi lill-MAF bi:
    • pariri militari,
    • taħriġ, inkluż taħriġ ta’ qabel l-iskjerament,
    • edukazzjoni u konsulenza, permezz ta’ akkumpanjament mhux eżekuttiv sal-livell tattiku.

    Dan għandu jippermetti lill-EUTM Mali ssegwi l-attivitajiet tal-MAF u tissorvelja l-prestazzjoni u l-imġiba tagħhom, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

  • tappoġġa l-G5 tas-Saħel, billi tagħmel il-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel u l-forzi armati nazzjonali fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel operattivi.

Id-deċiżjoni tinkludi wkoll żieda fl-allokazzjoni indikattiva tal-baġit għall-missjoni ta’ EUR 133.7 miljun għal perjodu ta’ 4 snin mid-19 ta’ Mejju 2020 sat-18 ta’ Mejju 2024.

Attivitajiet

L-attivitajiet tal-EUTM Mali huma bbażati fuq 4 oqsma:

  • it-taħriġ ta’ unitajiet militari tal-Mali;
  • l-għoti ta’ pariri lill-MAF fil-livelli kollha;
  • il-kontribut għat-titjib tas-sistema tal-edukazzjoni militari, mill-iskejjel sal-livell ministerjali;
  • l-għoti ta’ pariri u taħriġ lill-kwartieri ġenerali tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel.

Kontroll politiku u strateġiku

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mis-17 ta’ Jannar 2013. Il-validità tad-deċiżjoni ġiet estiża sat-18 ta’ Mejju 2024 bid-Deċiżjoni (PESK) 2020/434.

SFOND

Bħala parti mill-politika barranija tal-UE u speċifikament il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tagħha, l-UE adottat strateġija ta’ sigurtà u żvilupp għas-Saħel (li tkopri l-Mauritania, il-Mali u n-Niġer, u partijiet mill-Burkina Faso u ċ-Chad).

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Mali (EUTM Mali) (ĠU L 14, 18.1.2013, pp. 19-21)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2013/34/PESK ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/434 tat-23 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (ĠU L 89, 24.3.2020, pp. 1-3)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, pp. 39-63)

l-aħħar aġġornament 17.10.2022

Top