Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Infurzar tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Infurzar tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 1173/2011 — dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Jistabbilixxi sistema gradwali ta’ sanzjonijiet għall-pajjiżi taż-żona tal-euro li jew jonqsu li jikkonformaw mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jew jimmanipulaw l-istatistika ekonomika tagħhom.

Ir-regoli huma mfassla primarjament biex jinkoraġġixxu lill-gvernijiet biex iżommu mal-miri baġitarji tagħhom għall-perjodu medju.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro li:

  • jonqsu li jieħdu azzjoni biex jikkoreġu devjazzjoni sinifikanti tad-defiċit baġitarju strutturali tagħhom minn dak rekwiżit biex jilħqu l-objettiv tagħhom għall-perjodu medju jistgħu, wara twissija mill-Kummissjoni Ewropea, jiġu obbligati jiddepożitaw mal-Kummissjoni depożitu b’imgħax, ekwivalenti għal 0.2% tal-prodott domestiku gross (PDG) tagħhom tas-sena preċedenti;
  • jitqiesu mill-Kunsill li għandhom defiċit eċċessiv jistgħu jiġu obbligati jippreżentaw mal-Kummissjoni depożitu bla mgħax, ekwivalenti għal 0.2% tal-PDG tagħhom tas-sena preċedenti;
  • ma jeħdux azzjoni effettiva biex jikkoreġu defiċit eċċessiv jistgħu jiġu obbligati jħallsu multa ekwivalenti għal 0.2% tal-PDG tagħhom tas-sena preċedenti.

Il-proċeduri li bihom jiġu adottati s-sanzjonijiet imsemmija hawn fuq huma identiċi. Wara deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi nuqqas ta’ azzjoni effettiva jew l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni tipproponi s-sanzjoni rilevanti fi żmien 20 jum. Din tiġi adottata ħlief fil-każijiet fejn tiġi rrifjutata b’maġġoranza kkwalifikata tal-pajjiżi taż-żona euro. Il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda li l-Kunsill inaqqas jew jikkanċella s-sanzjoni fid-dawl ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew fuq talba motivata mill-pajjiż ikkonċernat.

Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ wkoll jimponi fuq pajjiż taż-żona tal-euro multa sa 0.2% tal-PDG tiegħu jekk intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja jirrappreżenta ħażin id-data dwar id-defiċit u d-dejn tiegħu.

Id-dħul iġġenerat mill-multi u d-depożiti bla mgħax jiġi ttrasferit għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà biex jgħin lil dawk il-membri taż-żona tal-euro li jeħtieġu għajnuna finanzjarja.

Kull 5 snin mill-14 ta’ Diċembru 2014 ’il quddiem, il-Kummissjoni tippubblika rapport li jevalwa:

  • l-effikaċja ta’ dan ir-regolament fl-indirizzar ta’ riskji potenzjali għall-funzjonament xieraq tal-unjoni monetarja;
  • il-progress li sar fl-iżgurar ta’ koordinament eqreb u konverġenza tal-politiki u r-rendiment ekonomiċi nazzjonali.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-13 ta’ Diċembru 2011.

SFOND

Ir-regolament huwa wieħed minn 6 dokumenti leġiżlattivi (magħrufa bħala s-“six-pack”) imfassla biex isaħħu l-governanza ekonomika fl-UE u, b’mod aktar speċifiku, fiż-żona tal-euro. L-oħrajn huma:

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 1-7)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 8-11)

Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 25-32)

Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 41-47)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, pp. 1-5)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, pp. 6-11)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 06.12.2017

Top