Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Klassifikazzjoni statistika ta’ prodotti skont l-attività

Klassifikazzjoni statistika ta’ prodotti skont l-attività

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 451/2008 — klassifikazzjoni statistiska ġdida tal-prodotti skond l-attività

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jintroduċi klassifikazzjoni statistika ġdida tal-prodotti (kemm oġġetti kif ukoll servizzi) skont l-attività (KPA) fl-UE, li tissostitwixxi u tħassar klassifikazzjoni preċedenti mill-1993.
  • Il-KPA tfittex li tikkontribwixxi għal governanza ekonomika aħjar kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali billi tipprovdi data aktar komparabbli u rilevanti.

PUNTI EWLENIN

  • Il-klassifikazzjonijiet tal-prodotti jikkategorizzaw il-prodotti li jkollhom karatteristiċi komuni. Dawn huma l-bażi għall-ġbir u għall-kalkolazzjoni ta’ statistika dwar il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-konsum, il-kummerċ internazzjonali u t-trasport ta’ dawn il-prodotti.
  • Il-kategoriji tal-prodotti tal-KPA huma marbuta mal-attivitajiet kif definit mill-klassifikazzjoni statistika tal-UE tal-attivitajiet ekonomiċi (NACE*). Kull prodott tal-KPA jiġi assenjat għal attività partikolari tan-NACE, li jfisser li l-istruttura tal-KPA hija konsistenti ma’ dik tan-NACE fil-livell kollha.
  • Il-KPA tinsab f’korrispondenza mal-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Klassifikazzjoni tal-Prodotti Ċentrali (CPC). Dan jagħmilha possibbli li titqabbel l-istatistika madwar il-pajjiżi u f’oqsma differenti.
  • Il-KPA għandha struttura ġerarkika ta’ sitt livelli. Kull livell jista’ jiġi identifikat permezz ta’ kodiċi speċifiku.
    • L-ewwel livell: 21 sezzjoni (kodiċi alfabetiku), eż. A: Prodotti tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd.
    • It-tieni livell: 88 diviżjoni (kodiċi numeriku b’żewġ ċifri), eż. 01: Prodotti tal-agrikoltura, il-kaċċa u servizzi relatati.
    • It-tielet livell: 262 grupp (kodiċi numeriku bi tliet ċifri), eż. 01.1: Għelejjel li ma jgħixux is-sena kollha.
    • Ir-raba’ livell: 576 klassi (kodiċi numeriku b’erba’ ċifri), eż. 01.11: Ċereali (barra mir-ross), uċuh leguminużi u żrieragħ taż-żejt.
    • Il-ħames livell: 1 357 kategorija (kodiċi numeriku b’ħames ċifri), eż. 01.11.1: Qamħ.
    • Is-sitt livell: 3 218 subkategorija (kodiċi numeriku b’sitt ċifri), eż. 01.11.11: Qamħ tal-Awstralja u 01.11.12: Qamħ, barra mill-qamħ tal-Awstralja.

Il-KPA tinsab fl-Anness.

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament, inklużi dawk imfassla biex jadattawh għall-iżviluppi ekonomiċi u teknoloġiċi jew biex jallinjawh ma’ klassifikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali oħrajn.

Fl-2009, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ħa post il-Kumitat għall-Programmi Statistiċi. Dan huwa responsabbli biex jappoġġja lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament. Dan jinvolvi lir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE u hi ppreseduta mill-Kummissjoni.

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 451/2008 ġie sostitwit mit-test fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1209/2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2008, li b’mod komuni jissejjaħ “KPA Verżjoni 2.1”.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

NACE: abbrevjazzjoni tal-isem tal-klassifikazzjoni tal-UE tal-attivitajiet ekonomiċi, li hija derivata mill-Franċiż Nomenclature statistique des activités économiques.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi klassifikazzjoni statistika ġdida ta’ prodotti skond l-attività (CPA) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3696/93 (ĠU L 145, 4.6.2008, pp. 65-226).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 451/2008 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 09.11.2017

Top