Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-ixprunar tal-innovazzjonijiet orjentati lejn il-pazjenti fis-sistemi tas-saħħa tal-UE

L-ixprunar tal-innovazzjonijiet orjentati lejn il-pazjenti fis-sistemi tas-saħħa tal-UE

L-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa tista’ tikkontribwixxi għas-saħħa u l-benesseri tal-pazjenti u tal-pubbliku billi tipprovdi prodotti, servizzi u trattamenti ġodda li jaħdmu aħjar, jew li forsi huma irħas, minn dawk eżistenti. Dawn jistgħu jwasslu wkoll għal modi aktar effettivi għall-organizzazzjoni, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-attivitajiet fis-settur tas-saħħa u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta konklużjonijiet dwar dan is-suġġett importanti.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-innovazzjoni għall-benefiċċju tal-pazjenti (2014/C 438/06) (ĠU C 438 tas-6.12.2014, p. 12-15).

SOMMARJU

L-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa tista’ tikkontribwixxi għas-saħħa u l-benesseri tal-pazjenti u tal-pubbliku billi tipprovdi prodotti, servizzi u trattamenti ġodda li jaħdmu aħjar, jew li forsi huma irħas, minn dawk eżistenti. Dawn jistgħu jwasslu wkoll għal modi aktar effettivi għall-organizzazzjoni, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-attivitajiet fis-settur tas-saħħa u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta konklużjonijiet dwar dan is-suġġett importanti.

X’JAGĦMLU L-KONKLUŻJONIJIET?

Huma jistiednu lill-gvernijiet nazzjonali u lill-Kummissjoni Ewropea, flimkien jew separatament, sabiex jikkunsidraw li jiżviluppaw diversi modi kif jinkoraġġixxu l-innovazzjoni medika għall-benefiċċju tal-pazjenti.

PUNTI EWLENIN

Il-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) huma mħeġġa sabiex:

  • Jiżviluppaw “approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja” għall-mediċini innovattivi. Dan ikopri pariri xjentifiċi bikrija, l-ipprezzar u r-rimborż u valutazzjoni tal-effikaċja tal-prodotti ġodda.
  • Jimplimentaw l-istrateġija ta’ valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa bl-enfasi tagħha fuq il-kooperazzjoni madwar l-UE kollha.
  • Jaqsmu informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-mediċini ġodda.
  • Jeżaminaw jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-mediċini għandhiex tiġi emendata sabiex il-pazjenti jkollhom aċċess f’waqtu għal mediċini ġodda.

Bejniethom, il-gvernijiet tal-UE u l-Kummissjoni huma mistiedna sabiex:

  • Jeżaminaw il-possibbiltajiet ta’ awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni rapida għal mediċini ġodda, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza tal-pazjenti.
  • Jaqsmu informazzjoni dwar aċċess bikri tal-pazjenti għal mediċini ġodda, inkluż għal użu ħanin* ta’ mediċini mhux awtorizzati.
  • Jikkunsidraw jekk il-politiki nazzjonali dwar l-ipprezzar għandhomx jieħdu f’kunsiderazzjoni l-valur terapewtiku miżjud tal-mediċini ġodda.

L-Unjoni tal-Innovazzjoni hija waħda mis-7 inizjattivi ewlenin fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-istrateġija ta’ tkabbir ekonomiku tal-UE mifruxa fuq 10 snin. Din għandha l-għan li tuża modi innovattivi għall-promozzjoni ta’ saħħa tajba. Fl-2011, hija nediet sħubija Ewropea pilota għal innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu.

Din għandha l-għan li żżid it-tul medju taż-żmien li individwi jistgħu jgħixu fi stat tajjeb ta’ saħħa fl-UE b’sentejn sal-2020.

SFOND

L-iżvilupp ta’ mediċini innovattivi jista’ jinvolvi ħafna flus u jieħu ż-żmien. Huwa jinvolvi wkoll riskji finanzjarji kbar. Dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u jagħmilha partikolarment diffiċli għall-kumpaniji żgħar li jintroduċu prodotti ġodda fis-suq.

TERMINI EWLENIN

* Użu ħanin: għażla ta’ trattament li tippermetti l-użu ta’ mediċina mhux awtorizzata. Il-programmi ta’ użu ħanin huma intiżi għall-pazjenti li għandhom marda mingħajr ebda terapija awtorizzata sodisfaċenti jew li ma jistgħux jidħlu għal prova klinika. Huma intiżi biex jiffaċilitaw id-disponibbiltà għall-pazjenti ta’ għażliet ta’ trattamenti ġodda li qegħdin jiġu żviluppati.

l-aħħar aġġornament 08.05.2015

Top