EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment

Rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) 575/2013 - l-iżgurar li l-banek u d-ditti tal-investiment jikkontrollaw ir-riskji u li għandhom kapital adegwat

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rekwiżiti prudenzjali tal-banek, billi jirrikjedi li dawn iżommu biżżejjed riżervi ta’ kapital u likwidità. L-għan globali huwa li l-banek isiru aktar robusti u jifilħu aktar f’perjodi ta’ stress ekonomiku.

PUNTI EWLENIN

B'mod ġenerali, ir-regolament jistabbilixxi sett uniku ta’ regoli prudenzjali armonizzati li l-banek madwar l-UE jridu josservaw. Din l-hekk imsejħa “Ġabra Unika ta’ Regoli” għandha l-għan li tiżgura applikazzjoni uniformi tal-istandards globali dwar il-kapital tal-banek (Basel III) fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Punti speċifiċi jinkludu:

Rekwiżiti kapitali aktar għoljin u aħjar. Il-banek iridu jżommu ammont totali ta’ kapital li jikkorrispondi għal mill-inqas 8% tal-assi tagħhom imkejla skont ir-riskji tagħhom. L-assi sikuri (eż. flus kontanti) mhumiex meqjusin; assi oħrajn (bħal self lil istituzzjonijiet oħrajn) huma kkunsidrati bħala aktar riskjużi u għandhom piż ogħla. Iktar kemm istituzzjoni jkollha assi riskjużi, iktar irid ikollha kapital.

Miżuri ta’ likwidità . Sabiex ikun żgurat li l-banek għandhom biżżejjed mezzi ta’ likwidità (eż. flus kontanti jew assi oħrajn li malajr jistgħu jinbidlu fi flus kontanti bl-ebda jew ftit telf ta’ valur), ir-regolament jintroduċi żewġ riżervi ta’ likwidità:

il-proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità li għandu l-għan li jiżgura li l-banek għandhom biżżejjed mezzi ta’ likwidità fuq terminu qasir.

ir-rekwiżit ta’ finanzjament stabbli nett li għandu l-għan li jiżgura li l-banek għandhom ammont aċċettabbli ta’ finanzjament stabbli biex jappoġġaw l-assi u l-attivitajiet tagħhom fuq terminu medju.

L-effett ta’ lieva limitat. Ir-regolament jintroduċi strument regolatorju ġdid imsejjaħ il-proporzjon ta’ lieva. L-għan tiegħu huwa li jillimita l-banek milli jġarrbu dejn eċċessiv fis-swieq finanzjarji. Mill-2015, il-banek għandhom jiżvelaw il-propozjon ta’ lieva tagħhom lill-pubbliku. Jekk xieraq, il-Kummissjoni ser tipproponi leġiżlazzjoni sabiex tagħmel dan il-proporzjon ġdid vinkolanti għall-banek mill-2018.

Ir-regolament huwa parti minn pakkett ta’ leġiżlazzjoni, inkluża direttiva, biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE. Id-Direttiva 2013/36/UE tirregola l-aċċess għal attivitajiet ta’ teħid ta’ depożiti, filwaqt li dan ir-regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali li jeħtieġ li jiġu osservati mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mit-28 ta’ Ġunju 2013.

SFOND

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti kapitali

ATT

Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Regolament (UE) Nru 575/2013

28.6.2013

-

ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1-337

L-emendi suċċessivi u l-bidliet għar-Regolament (KE) Nru 575/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338-436)

Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1-59)

l-aħħar aġġornament 07.10.2015

Top