EUR-Lex Достъп до правото на Европейския съюз

Обратно към началната страница на EUR-Lex

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF). Dan il-fond għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi tal-migrazzjoni u jtejjeb l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-immigrazzjoni u l-ażil.

L-AMIF tal-UE għandu erba’ objettivi ewlenin:

  • it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-aspetti kollha tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, inkluż l-aspett estern tagħha;
  • l-appoġġ tal-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri tal-UE skont il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, bħall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effettiva ta’ ċittadini minn pajjiżi mhux tal-UE;
  • it-titjib tal-istrateġiji dwar ir-ritorn fl-Istati Membri b’enfasi fuq is-sostenibbiltà tar-ritorn u r-riammissjoni effettiva fil-pajjiżi ta’ oriġini;
  • it-titjib tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari għal dawk li huma l-aktar affettwati bil-flussi tal-migrazzjoni u tal-ażil.

PUNTI EWLENIN

L-Istati Membri kollha (minbarra d-Danimarka, li ma hijiex qiegħda tipparteċipa f’dan il-fond) jippreparaw programmi nazzjonali li jiddeskrivu l-inizjattivi li permezz tagħhom huma għandhom l-intenzjoni li jiksbu l-għanijiet stabbiliti fir-regolament dwar l-AMIF.

L-eżempji tal-inizjattivi jinkludu miżuri għall-appoġġ ta’:

  • sistemi ta’ akkoljenza u ażil (bħal strutturi amministrattivi mtejbin, taħriġ tal-persunal li jittratta l-proċeduri ta’ ażil u li jiżviluppa alternattivi għad-detenzjoni);
  • miżuri ta’ integrazzjoni, b’enfasi fuq il-livell lokali (bħall-għoti ta’ taħriġ u servizzi lil ċittadini mhux tal-UE u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki fost l-Istati Membri);
  • programmi ta’ ritorn volontarju, miżuri ta’ riintegrazzjoni, eċċ.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-baġit tal-fond huwa allokat għall-programmi nazzjonali, parti minnu tintuża għal inizjattivi fuq livell tal-UE, assistenza ta’ emerġenza, in-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni u assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea.

Inizjattivi speċifiċi

Minbarra l-allokazzjoni għall-programm nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jirċievu ammont addizzjonali għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi speċifiċi. Dawn l-inizjattivi (elenkati fl-Anness II), jeħtieġu li l-Istati Membri jikkooperaw flimkien u jiġġeneraw valur miżjud sinifikanti għall-UE.

Programm ta’ risistemazzjoni tal-UE

Kull Stat Membru jista’ jirċievi wkoll, kull sentejn, ammont addizzjonali bbażat fuq somma f’daqqa ta’ EUR 6 000 għal kull persuna risistemata. Din is-somma tiżdied għal EUR 10 000 għal prijoritajiet komuni (bħal programmi ta’ protezzjoni reġjonali) u gruppi ta’ persuni vulnerabbli.

Baġit

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-fond għall-2014–2020 inizjalment kien stabbilit għal EUR 3 137 biljun, li mbagħad żdied aktar mid-doppju, prinċipalment minħabba l-kriżi tal-migrazzjoni fl-2015/2016. Dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-fond jistgħu jinstabu fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 (ara s-sommarju).

L-invażjoni mhux ipprovokata tar-Russja fl-Ukrajna fi Frar 2022 wasslet għal influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn diversi Stati Membri, u poġġiet pressjoni mġedda fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri biex jittrattaw il-migrazzjoni urġenti, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ħtiġijiet tas-sigurtà. Ir-Regolament emendatorju (UE) 2022/585 joffri flessibbiltà billi jippermetti l-użu eċċezzjonali ta’ ammonti mhux minfuqa allokati lill-Istati Membri mill-AMIF tal-2014–2020 biex jgħinuhom jindirizzaw ċirkostanzi ġodda jew mhux previsti fir-rigward tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni. Barra minn hekk, dan jestendi wkoll il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014–2020 b’sena.

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1928 tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2022/585.

Ir-Regolament (UE) 2021/1147 stabbilixxa AMIF ġdid għall-perjodu 2021–2027 (ara s-sommarju).

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/507 tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2021/1147.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 168-1194).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 516/2014 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur biss dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1928 tal-11 ta’ Ottubru 2022 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2022/585 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 514/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u (UE) 2021/1147 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 265, 12.10.2022, pp. 81-882).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/507 tad-29 ta’ Marzu 2022 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 102, 30.3.2022, p. 33).

Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.7.2021, pp. 1-47).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/445 tal-15 ta’ Ottubru 2019 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 94, 27.3.2020, pp. 1-2).

Ir-Regolament (UE) 2018/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-impenn mill-ġdid tal-ammonti li jkun għad fadal li ġew impenjati għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 jew l-allokazzjoni ta’ dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programmi nazzjonali (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 78-81).

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 112-142).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.12.2022

Нагоре