Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-pjan tal-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tal-UE

Il-pjan tal-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tal-UE

Fil-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni biex tissalvagwardja r-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa. Dan jistabbilixxi strateġija bi tliet għanijiet sabiex tkun iggarantita l-kwalità u s-sostennibilità ta’ din ir-riżorsa ewlenija madwar l-Unjoni sal-2015.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa [COM(2012)673 - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali]

SOMMARJU

L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja tal-bniedem, għan-natura u għall-ekonomija u, tul dawn l-aħħar tliet deċennji, l-UE ħadet azzjoni sabiex tiżgura li dan ikun ta’ standard għoli madwar l-Ewropa. Minkejja l-kisbiet li ma hemmx dubju fuqhom, problemi bħall-kwalità , tniġġis u skarsezza jibqgħu preżenti. Hemm bżonn ta’ aktar sforzi jekk l-Unjoni għandha tilħaq l-objettiv, li hemm fil-leġiżlazzjoni wiesgħa, adottata fis-sena 2000, dak li jintlaħaq status tal-ilma tajjeb għal-lagi, xmajjar, nixxigħat u ilma ta’ taħt l-art kollha tagħha sal-2015.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa jistabbilixxi kif dak l-objettiv għandu jintlaħaq billi jidentifika l-ostakoli u l-modi kif dawn jistgħu jingħelbu. Jenfasizza li kura xierqa tar-riżorsi tal-ilma tagħna hija essenzjali mhux biss għal raġunijiet ambjentali u tas-saħħa iżda wkoll għall-benesseri ekonomiku tagħna. Industrija tal-ilma vibranti u innovattiva tista’ tagħmel kontribut sinifikanti għat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ma jippreżentax approċċ wieħed li jkopri kollox. Minflok, jidentifika tliet strateġiji differenti li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jistgħu jimplimentaw biex itejbu l-ġestjoni tal-ilma.

L-ewwel waħda tenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-mod kif il-politika u l-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti dwar l-ilma jiġu applikati. Dan jista’ jintlaħaq billi jiġu restawrati l-artijiet mistgħadra u l-pjanuri ta’ għargħar sabiex tittejjeb iż-żamma tal-ilma jew billi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas jiġi applikat b’mod aktar rigoruż. Użu aktar komuni ta’ miters jiżgura li l-utenti jħallsu għall-ilma li huma jikkunsmaw.

It-tieni rotta tkun teħtieġ li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jagħtu attenzjoni ikbar għall-objettivi tal-politika ġenerali tal-UE dwar l-ilma meta jimplimentaw politiki oħrajn li jvarjaw mill-agrikoltura u s-sajd għall-enerġija u t-trasport jew meta jallokaw fondi għall-proġetti ta’ infrastruttura.

Finalment, il-Pjan ta’ Azzjoni jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, possibbilment billi jiġu stabbiliti miri nazzjonali, billi jitnaqqsu t-tnixxijat li f’xi każijiet jaslu sa 50 % u billi jiġu żviluppati standards tal-UE għall-użu mill-ġdid tal-ilma. Effiċjenza tal-ilma mtejba f’bini residenzjali tista’ tnaqqas il-konsum b’10 %, pereżempju.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi input maġġuri għall-programm dwar l-effiċjenza tar-riżorsi usa’ tal-UE, u għall-istrateġija 2020 ġenerali tiegħu għal tkabbir intelliġenti, sostennibbli u inklussiv. Bħala tali, dan se jixpruna l-politika tal-UE dwar l-ilma fuq perjodu ta’ żmien twil.

ATTI RELATATI

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma. [Il-Ġurnal Uffiċjali L 327 tat-22.12.2000]

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv [KOM(2010)2020 - mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali]

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi. [KOM(2011)571 finali - mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali]

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet. [COM(2012)672 - mhux ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali]

L-aħħar aġġornament: 09.12.2013

Top