Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli ta’ governanza ekonomika introdotti wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika — rieżami

Regoli ta’ governanza ekonomika introdotti wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika — rieżami

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM(2014) 905 final) — Rieżami tal-governanza ekonomika

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Din twettaq rieżami tad-diversi testi leġiżlattivi magħrufa bħala s-“6-Pack” u t-“2-Pack”. Dawn għandhom l-għan li jsaħħu l-governanza ekonomika fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Tanalizza kif ir-regoli l-ġodda laħqu l-għan li tiġi żgurata koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi.

PUNTI EWLENIN

Mill-kriżi ekonomika u finanzjarja ’l hawn, is-sistema ta’ governanza ekonomika fl-UE nbidlet b’mod sinifikanti. Il-bidliet kellhom rwol importanti fl-iżgurar tal-konverġenza sostnuta, fit-tkabbir ekonomiku u fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi.

L-objettivi tal-Pakketti

Is-seba’ regolamenti li qed jiġu rieżaminati għandhom l-għan li:

Is-sorveljanza baġitarja

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja rriżultat f’aktar defiċits u djun tal-gvern fl-UE u żvelat lakuni fis-sorveljanza tal-politiki fiskali. Il-leġiżlazzjoni rriformat żewġ partijiet tal-PST, il-parti preventiva u dik korrettiva:

  • Il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (imfassla sabiex tevita l-okkorrenza ta’ defiċits pubbliċi eċċessivi) issaħħet u saret iktar stretta) permezz tal-introduzzjoni tal-parametru referenzjarju tan-nefqa u l-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti.
  • Il-parti korrettiva ttejbet permezz tad-dħul fis-seħħ tal-kriterju tad-dejn stabbilit fit-Trattat (limitu ta’ 60 % tal-PDG għad-dejn pubbliku) u biż-żieda tal-penalitajiet imposti fuq pajjiżi fiż-żona tal-euro li ma jissodisfawx ir-rakkomandazzjonijiet taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv
  • Il-PST jista’ japplika b’mod flessibbli fil-każ ta’ kriżi kemm taħt il-parti korrettiva kif ukoll taħt dik preventiva. F’Jannar 2015, sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-investiment, ir-riformi strutturali u r-responsabbiltà baġitarja, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet linji gwida ġodda għall-pajjiżi tal-UE dwar kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-flessibbiltà fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
  • L-ewwel regolament tat-2-pack (Regolament (UE) Nru 473/2013) jintroduċi aspetti addizzjonali li jsaħħu s-sorveljanza baġitarja u l-oqfsa baġitarji nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Dan jipprovdi għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozzi ta’ pjanijiet tagħhom u jkompli jsaħħaħ il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Pereżempju, dan jagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tipprovdi rakkomandazzjonijiet awtonomi lil pajjiżi b’defiċits eċċessivi.

Proċedura għal żbilanċi makroekonomiċi

Is-6-pack introduċa sorveljanza usa’ tal-politiki ekonomiċi billi ħoloq proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi għad-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Din il-proċedura tinvolvi diversi stadji:

  • Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (AMR): dan janalizza s-sitwazzjoni fil-pajjiżi tal-UE bl-użu ta’ diversi indikaturi ekonomiċi biex jidentifika żbilanċi potenzjali. Dan jenfasizza liema huma dawk il-pajjiżi tal-UE li jeħtieġu analiżi ddettaljata ulterjuri (rieżami fil-fond).
  • Rieżamijiet fil-fond: il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li ġew identifikati bħala li jinsabu f’riskju ta’ żbilanċ fl-AMR. Dan ir-rapport jipprova jew ixejjen l-eżistenza ta’ żbilanċi u juri jekk humiex eċċessivi jew le.
  • Proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (EIP): jekk l-iżbilanċ jitqies eċċessiv, il-pajjiż ikkonċernat jista’ jkun suġġett għal proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv u jrid jadotta pjan ta’ azzjoni korrettiv bi skeda ta’ żmien u skadenzi speċifiċi.
  • Multi : jekk il-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva tal-pajjiżi taż-żona tal-euro ma jkunux adegwati jew jekk jiġu implimentati ħażin.

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro li qed jesperjenzaw kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja

It-tieni regolament tat-2-Pack (Regolament (UE) Nru 472/2013) għandu l-għan li jsaħħaħ il-kontroll u s-sorveljanza tal-pajjiżi tal-UE li qed jisperjenzaw jew jinsabu mhedda bi kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja serji. Dan għandu l-għan li jistabbilixxi proċess ta’ monitoraġġ għall-pajjiżi tal-UE li huma suġġetti għal sorveljanza msaħħa, programm ta’ aġġustament makroekonomiku jew sorveljanza ta’ wara l-programm.

Evalwazzjoni tal-effettività tar-regolamenti

  • Huwa ċar li l-liġijiet t’hawn fuq li jirregolaw is-sistema ta’ governanza ekonomika saħħew l-istruttura ta’ governanza attwali.
    • Għalkemm ġie stabbilit biss reċentement, il-qafas riformat tas-sorveljanza baġitarja diġà kellu rwol fil-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi. Id-defiċit tal-baġit medju fl-UE-28 (1) naqas minn 4.5 % tal-PDG fl-2011 għal perċentwal stmat ta’ madwar 3 % għall-2014. L-għadd ta’ pajjiżi suġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv naqas, minn 23 mis-27 għal 11 mit-28 sal-aħħar tal-2014.
    • L-MIP tat kontribut għal fehim komuni tal-isfidi strateġiċi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi tal-UE u l-iżbilanċi qed jiġu korretti.
    • Ir-regoli l-ġodda żiedu t-trasparenza, il-prevedibbiltà, il-fattibilità u l-effikaċja tas-sorveljanza u l-monitoraġġ ta’ dawk il-pajjiżi li qed jesperjenza jew li x’aktarx li se jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji serji.
  • Madankollu, minħabba d-dħul fis-seħħ reċenti ta’ din is-sistema ġdida ta’ governanza ekonomika, u b’hekk l-esperjenza limitata fir-rigward tagħha, huwa diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-effettività tar-regolamenti f’dan l-istadju.
  • S’issa, is-sistema ġiet applikata fil-kuntest ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika severa. Madankollu, l-effettività tas-sistema tiddependi fil-parti l-kbira mill-funzjonament xieraq tal-parti preventiva tagħha, li għad irid jintwera f’ambjent ekonomiku aktar favorevoli.
  • Filwaqt li r-regolamenti saħħew il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, ir-rieżami jiżvela wkoll li hemm xi aspetti li jeħtieġu titjib. Dawn jinkludu t-trasparenza u l-kumplessità tal-qafas abbażi tar-regoli u tal-impatt tiegħu fuq it-tkabbir u l-iżbilanċi.

SFOND

  • B’risposta għan-nuqqasijiet fis-sistema ta’ governanza ekonomika tagħha, żvelati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-UE ħadet firxa wiesgħa ta’ miżuri biex issaħħaħ il-governanza ekonomika u tikseb konverġenza dejjiema, tkabbir ekonomiku u impjiegi. Il-pakketti leġiżlattivi magħrufa bħala s-6-pack (li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2011) u t-2-pack (li daħal fis-seħħ f’Mejju 2013) kienu ċentrali għal dawn l-isforzi.
  • Għalkemm kienet parti mis-6-pack, id-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri mhijiex parti minn dan l-eżerċizzju ta’ rieżami. Din issegwi skeda ta’ żmien separata bi skadenza tar-rieżami fl-14 ta’ Diċembru 2018.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Rieżami tal-governanza ekonomika Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013 (COM(2014) 905 final, 28.11.2014)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1-7)

Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 November 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8-11)

Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12-24)

Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25-32)

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33-40)

Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1-10)

Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11-23)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir (COM(2015) 12 final, 13.1.2015)

l-aħħar aġġornament 30.03.2017



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top