Regolament għall-eżenzjoni ġenerali sħiħa
SOMMARJU TA’:
Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Magħruf bħala r-regolament għall-eżenzjoni ġenerali sħiħa* (GBER), dan għandu l-għan li jippermetti lill-gvernijiet tal-UE jallokaw ammonti akbar ta’ flejjes pubbliċi lil firxa usa’ ta’ kumpaniji mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu permess minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea.
- Bħala regola ġenerali, għajr għal ammonti żgħar ħafna, l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi notifikata lil u approvata mill-Kummissjoni qabel ma tingħata. Ir-regolament jeżenta lill-pajjiżi tal-UE minn dan l-obbligu ta’ notifika, dejjem jekk il-kriterji kollha tal-GBER ikunu sodisfatti.
- L-eżenzjoni hija mfassla biex tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u biex tħeġġeġ lill-gvernijiet tal-UE jidderieġu l-għajnuna lejn it-tkabbir ekonomiku mingħajr ma jagħtu lir-riċevituri vantaġġ kompetittiv inġust.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
Ir-regolament ikopri l-kategoriji u t-tipi ta’ miżuri ta’ għajnuna li ġejjin:
- għajnuna reġjonali;
- għajnuna għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs);
- għajnuna biex l-SMEs ikollhom aċċess għall-finanzjament;
- għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni;
- għajnuna għat-taħriġ;
- għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b’diżabilità;
- għajnuna għall-protezzjoni ambjentali;
- għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkawżati minn ċerti diżastri naturali;
- għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f’reġjuni mbiegħda;
- għajnuna għall-infrastrutturi tal-broadband;
- għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju;
- għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u tar-rikreazzjoni multifunzjonali;
- għajnuna għall-infrastrutturi lokali.
Regoli komuni
- Ir-regolament jiddeskrivi setturi u miżuri li ma japplikax għalihom, eż.:
- għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni;
- għajnuna kontinġenti fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi minn dawk importati;
- għajnuna biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam mhux kompetittivi;
- impriża soġġetta għal ordni pendenti ta’ rkupru;
- għajnuna lil impriżi f’diffikultà.
- Miżuri adottati abbażi tal-GBER m’għandhomx jiġu notifikati. Madankollu, meta l-ammont għal għotja individwali għal kull impriża jew għal kull proġett jaqbeż il-limiti tan-notifika stabbiliti mir-regolament, huma meħtieġa notifika individwali lill-Kummissjoni u valutazzjoni dettaljata qabel ma tiġi approvata l-miżura.
- L-għajnuna għandha tkun trasparenti — għandu jkun possibbli li jiġi kkalkolat l-ekwivalenti preċiż ta’ għotja gross tal-għajnuna qabel ma jseħħ l-avveniment mingħajr ebda valutazzjoni tar-riskju.
- L-għajnuna għandu jkollha effett ta’ inċentiv — ma tistax tingħata ladarba jibda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività. Għal intrapriżi kbar, din għandha tibdel l-imġiba tagħhom, u mhux biss tissussidja attivitajiet li xorta jkunu se jwettqu. Dan jista’ jsir billi, pereżempju, jiżdiedu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett/attività, l-ammont totali minfuq jew il-ħeffa tat-tlestija.
- L-intensità tal-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkolati qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew imposti oħra. L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu appoġġati minn evidenza dokumentarja ċara, speċifika u aġġornata.
- Kumulazzjoni ta’ għajnuna taħt il-GBER ma’ kwalunkwe għajnuna oħra mill-Stat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli hija aċċettabbli jekk din il-kumulazzjoni ma tirriżultax fl-eċċess tal-ogħla intensità ta’ għajnuna jew ammont applikabbli għal din l-għajnuna skont il-GBER.
- Il-pajjiżi tal-UE għandhom jippubblikaw skeda tas-sommarju, it-test sħiħ ta’ kull miżura ta’ għajnuna mill-Istat u l-informazzjoni dwar kull għotja individwali ta’ għajnuna li taqbez il-EUR 500 000.
- Trasparenza — il-pajjiżi tal-UE għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar l-għotjiet individwali ta’ għajnuna ta’ ’l fuq minn EUR 500 000 li ġew mogħtija wara l-1 ta’ Lulju 2016 (ara t-Tiftix Pubbliku dwar it-Trasparenza tal-Għajnuna mill-Istat fil-lingwi kollha u s-siti web dwar it-trasparenza nazzjonali jew reġjonali).
- Monitoraġġ — Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni sħiħa jekk pajjiż tal-UE ma jissodisfax ir-regoli komuni u speċifiċi tar-regolament.
- Rapportar — Il-pajjiżi tal-UE għandhom jissottomettu skeda tas-sommarju lill-Kummissjoni dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata skont ir-regolament fi żmien 20 jum ta’ xogħol wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura. Għandhom ukoll jissottomettu rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tar-regolament.
Emenda tar-regolament
Ir-Regolament (UE) 2017/1084:
- jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014:
- jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri għajnuna għall-infrastruttura tal-ajruporti u dik tal-portijiet;
- iżid il-limiti ta’ notifika għal
- għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju
- għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u tar-rikreazzjoni multifunzjonali u
- skemi operattivi ta’ għajnuna reġjonali għal reġjuni ultraperiferiċi;
- jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 fir-rigward tal-kalkolu ta’ spejjeż eliġibbli.
Il-pajjiżi tal-UE issa jistgħu jagħmlu investimenti pubbliċi mingħajr verifika minn qabel mill-Kummissjoni:
- f’portijiet marittimi, sa EUR 150 miljun;
- f’portijiet interni, sa EUR 50 miljun;
- f’ajruporti reġjonali li jimmaniġġjaw sa 3 miljun passiġġier fis-sena; u
- f’ajruporti żgħar li jimmaniġġjaw sa 000 passiġġier fis-sena biex jiġu koperti l-ispejjeż operattivi.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2014.
SFOND
Il-GBER huwa punt essenzjali tar-riforma ta’ modernizzazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni, li għandu l-għan li jippromwovi t-tkabbir ekonomiku u li jikkonċentra proċeduri ta’ approvazzjoni tal-UE fuq każijiet ta’ għajnuna fuq skala kbira li jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni inġusta. Skont il-leġiżlazzjoni datata mill-2008, li l-GBER attwali jissostitwixxi, xi 40 % ta’ għajnuna annwali mill-Istat ma rrikjedietx approvazzjoni minn qabel.
Mill-2015, aktar minn 96 % ta’ miżuri ġodda, li n-nefqa tagħhom ġiet irrapportata għall-ewwel darba, waqgħu taħt il-GBER.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Regolament għall-eżenzjoni ġenerali sħiħa: leġiżlazzjoni li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ għajnuna nazzjonali li ma tirrikjedix awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
DOKUMENT EWLIENI
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, pp. 1-78)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 651/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 18.06.2020