Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli internazzjonali tal-kummerċ: kif l-UE tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha

Regoli internazzjonali tal-kummerċ: kif l-UE tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) 2015/1843 — regoli internazzjonali tal-kummerċ: kif l-UE tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi proċeduri li jippermettu lill-industrija u lill-pajjiżi tal-UE jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jeżaminaw kwalunkwe ostakolu għall-kummerċ allegat stabbilit minn pajjiżi tal-UE li huwa kuntrarju għar-regoli internazzjonali tal-kummerċ.
  • Dan ifittex li jsib soluzzjoni għal kwalunkwe ostakolu għall-kummerċ u li jelimina l-ħsara (eż. marġini ta’ profitti mnaqqsa fis-suq tal-UE) jew effetti ħżiena fuq il-kummerċ (eż. telf ekonomiku fis-swieq tal-esportazzjoni) li jirriżultaw minn tali ostakoli.

PUNTI EWLENIN

Min jista’ jilmenta?

Kwalunkwe persuna, kumpanija jew assoċjazzjoni fl-UE li tisħaq li ġarrbet ħsara jew effetti ħżiena fuq il-kummerċ minħabba ostakoli għall-kummerċ tista’ tippreżenta lment bil-miktub lill-UE. Il-pajjiżi tal-UE wkoll jistgħu jippreżentaw ilment. Dan irid jipprovdi biżżejjed evidenza tal-eżistenza tal-ostakoli għall-kummerċ u l-ħsara/effetti ħżiena fuq il-kummerċ li jirriżultaw.

Proċeduri ta’ lment

L-ilmenti jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni trid tinforma lil min jagħmel l-ilment u lill-pajjiżi tal-UE jekk ma jkunx hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika aktar investigazzjoni. Deċiżjoni ġeneralment trid tittieħed fi żmien 45 jum mill-preżentazzjoni tal-ilment.

Proċedura ta’ eżaminazzjoni ulterjuri

Meta l-Kummissjoni tqis li teżisti biżżejjed evidenza ta’ ħsara, din tista’ twettaq eżami ulterjuri. Għandha tħabbar dan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Hija tista’ tfittex informazzjoni addizzjonali mingħand l-partijiet rilevanti (eż. kompetituri ta’ min iressaq l-ilment) u twettaq investigazzjonijiet f’pajjiżi mhux tal-UE.

Min iressaq l-ilment, esportaturi u importaturi rilevanti u l-pajjiżi tal-UE għandhom id-dritt li jispezzjonaw l-informazzjoni kollha pprovduta lill-Kummissjoni u li jinżammu infurmati dwar il-fatti ewlenin kollha. Il-Kummissjoni trid tibgħat rapport finali fi żmien ħames xhur, f’każijiet kumplessi fi żmien seba’ xhur, lil kumitat konsultattiv magħmul minn rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE.

Terminazzjoni u sospensjoni

Meta, b’riżultat tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hijiex meħtieġa azzjoni ulterjuri, hija tista’ tagħlaq l-investigazzjoni. Meta l-Kummissjoni tqis li l-pajjiżi mhux tal-UE kkonċernati jkunu adottaw miżuri biex jindirizzaw l-ostakoli għall-kummerċ allegati, hija tista’ tissospendi l-proċedura.

Azzjoni ulterjuri biex tneħħi l-ħsara/l-ostakoli għall-kummerċ

Meta l-Kummissjoni ssib li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sabiex tiġi eliminata l-ħsara u/jew l-ostakolu għall-kummerċ rilevanti, hija tista’ tieħu azzjonijiet speċifiċi. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu:

  • preferibbilment is-sejbien ta’ soluzzjoni aċċettabbli reċiprokament mal-pajjiż mhux tal-UE rilevanti;
  • il-bidu ta’ proċediment għas-soluzzjoni ta’ tilwima taħt l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jew il-ftehim kummerċjali bilaterali rilevanti;
  • is-sospensjoni ta’ kwalunkwe konċessjoni kummerċjali mal-pajjiżi rilevanti;
  • l-impożizzjoni jew iż-żieda ta’ dazji doganali fuq l-importazzjonijiet;
  • l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet mill-pajjiż mhux tal-UE kkonċernat.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-5 ta’ Novembru 2015.

SFOND

“Investigazzjonijiet dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kodifikazzjoni) (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1-13)

l-aħħar aġġornament 14.03.2016

Top