Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-riżorsi proprji tal-UE

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Ir-riżorsi proprji tal-UE' for an updated information about the subject.

Ir-riżorsi proprji tal-UE

L-Unjoni Ewropea (UE) adottat regoli dwar l-allokazzjoni ta’ dawk li huma magħrufa bħala r-“ riżorsi proprji ” tagħha, jiġifieri d-dħul tagħha. L-UE taħdem fuq il-bażi ta’ baġit ibbilanċjat. Għalhekk, in-nefqa tal-UE għandha tiġi ffinanzjata kollha kemm hi mir-riżorsi proprji tagħha.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

SOMMARJU

L-Unjoni Ewropea (UE) adottat regoli dwar l-allokazzjoni ta’ dawk li huma magħrufa bħala r-“ riżorsi proprji ” tagħha, jiġifieri d-dħul tagħha. L-UE taħdem fuq il-bażi ta’ baġit ibbilanċjat. Għalhekk, in-nefqa tal-UE għandha tiġi ffinanzjata kollha kemm hi mir-riżorsi proprji tagħha.

X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI?

Hija tiddefinixxi “riżorsi proprji” . Dawn jinkludu

  • dazji imposti fuq l-importazzjonijiet minn barra l-UE u taxxi fuq il-produzzjoni taz-zokkor fl-UE (magħrufa bħala riżorsi proprji “tradizzjonali”),
  • dħul ibbażat fuq sehem tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), taxxa fuq il-konsum miġbura mill-pajjiżi tal-UE,
  • dħul ibbażat fuq l-introjtu nazzjonali gross* (ING) ta’ kull pajjiż tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Huwa assenjat limitu massimu ġenerali ta’ riżorsi proprji sabiex ikopri l-approprjazzjonijiet għall-pagamenti annwali tal-UE (jiġifieri allokazzjonijiet ta’ pagamenti li jridu jsiru mill-baġit tal-UE) li ma jistax jaqbeż 1.23 % tas-somma tal-ING tal-pajjiżi kollha tal-UE. Dan isir sabiex tiġi żgurata dixxiplina baġitarja stretta.
  • Għar-riżorsi proprji tradizzjonali, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jżommu 20 % tal-ammonti li jiġbru, bħala spejjeż tal-ġbir (jiġifieri l-ispejjeż tal-ġbir tad-dazji jew tat-taxxi).
  • Għall-VAT, hija imposta rata standard fuq il-bażi tal-VAT armonizzata ta’ kull pajjiż tal-UE. Il-bażi tal-valutazzjoni li trid tittieħed f’kunsiderazzjoni għal dan l-iskop ma tistax taqbeż il-50 % tal-ING ta’ pajjiż. Minħabba li l-konsum (u b’hekk il-VAT) f’pajjiżi inqas prosperi jammonta għal sehem ogħla ta’ ING milli f’pajjiżi għonja, dan jiżgura li tal-ewwel ma jħallsux ammont għoli b’mod sproporzjonat.
  • Fir-rigward tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, huwa impost perċentwal uniformi fuq l-ING ta’ kull pajjiż tal-UE. Din ir-riżorsa proprja hija l-akbar sors ta’ dħul għall-baġit tal-UE u sservi biex tiffinanzja dik il-parti tal-baġit li mhijiex koperta mis-sorsi l-oħrajn ta’ introjtu.
  • Jiġi applikat mekkaniżmu ta’ korrezzjoni fil-każ ta’ ċerti pajjiżi li jitqiesu bħala li qegħdin iħallsu aktar sabiex jikkontribwixxu għall-baġit tal-UE minn kemm suppost qegħdin iħallsu, b’kunsiderazzjoni tal-prosperità relattiva tagħhom. Il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, l-Isvezja u r-Renju Unit (1) jaqgħu f’din il-kategorija u allura jħallsu kontribuzzjonijiet imnaqqsin.

SFOND

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom hija waħda minn 3 atti legali li jsawru dak li huwa magħruf bħala l-pakkett ta’ “riżorsi proprji” marbut mal-qafas finanzjarju multiannwali tal-UE - il-pjan tal-infiq tal-UE għall-perjodu 2014-20. Iż-żewġ atti l-oħrajn fil-pakkett huma:

  • ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti,
  • ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

MINN META BDIET TAPPLIKA DIN ID-DEĊIŻJONI?

Mill-1 ta’ Jannar 2014.

Għal aktar tagħrif, ara Minn fejn ġejjin il-flus? fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea

TERMINI EWLENIN

* Introjtu nazzjonali gross (ING) - is-somma tal-introjtu tar-residenti ta’ ekonomija f’perjodu partikolari.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Data tal-applikazzjoni

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom

L-ewwel jum tax-xahar wara t-tlestija tar-rattifika mill-Istati Membri kollha

1.1.2014

-

ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105-111

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29-38)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39-52)

l-aħħar aġġornament 23.08.2015



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top