EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0021

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Settembru 2018.
Catlin Europe SE vs O.K. Trans Praha spol. s r. o.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nejvyšší soud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas flimkien mat-talba għal ordni – Assenza ta’ traduzzjoni tat-talba għal ordni – Ordni ta’ ħlas Ewropea ddikjarata eżekuttiva – Talba għal eżami mill-ġdid wara li jkun skada t-terminu ta’ oppożizzjoni – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Applikabbiltà – Artikolu 8 u Anness II – Informazzjoni tad-destinatarju tad-dritt li jirrifjuta li jaċċetta att promotur mhux tradott – Assenza tal-formola standard – Konsegwenzi.
Kawża C-21/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:675

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas flimkien mat-talba għal ordni – Assenza ta’ traduzzjoni tat-talba għal ordni – Ordni ta’ ħlas Ewropea ddikjarata eżekuttiva – Talba għal eżami mill-ġdid wara li jkun skada t-terminu ta’ oppożizzjoni – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Applikabbiltà – Artikolu 8 u Anness II – Informazzjoni tad-destinatarju tad-dritt li jirrifjuta li jaċċetta att promotur mhux tradott – Assenza tal-formola standard – Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑21/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Catlin Europe SE

vs

O.K. Trans Praha spol. s r.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal O.K. Trans Praha spol. s r.o., minn M. Laipold, advokát,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, A. Dimitrakopoulou, M. Tassopoulou u E. Tsaousi, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Šimerdová u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, Rettifka ĠU 2015, L 68, p. 91).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Catlin Europe SE u O.K. Trans Praha spol. s r.o. dwar proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1896/2006

3

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi:

“1.   Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard A, kif stabbilit fl-Anness I1.

2.   L-applikazzjoni għandha tiddikjara:

[…]

(d)

il-kawża ta’ l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, ta’ l-imgħax mitlub;

(e)

deskrizzjoni ta’ evidenza li tappoġġa t-talba;

[…]”

4

L-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma’ kopja tal-formola ta’ l-applikazzjoni.[…]”

5

L-Artikolu 16(1) sa (3) tal-istess regolament jipprovdi li:

“1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini […]

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.   Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.”

6

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, jipprovdi li:

“1.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn:

(a)

(i)

l-ordni ta’ ħlas ġiet notifikata b’wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 14;

u

(ii)

in-notifika ma ġietx effettwata fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas mill-parti tiegħu,

jew

(b)

il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,

sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront.

2.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.

3.   Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibqa’ fis-seħħ.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.”

7

L-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

8

Bit-titolu “Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1348/2000” l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1896/2006 jippreċiża:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227].”

9

L-Anness I tar-Regolament Nru 1896/2006 fih il-formola A, intitolata “Rikors għal ordni ta’ ħlas Ewropea”.

10

Il-formola E sabiex tinħareġ ordni ta’ ħlas Ewropea tinsab fl-Anness V tal-istess regolament.

Ir-Regolament Nru°1393/2007

11

Ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa applikabbli, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, fil-materji ċivili u kummerċjali meta att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju jrid ikun trażmess minn Stat Membru għal ieħor sabiex jiġi nnotifikat jew ikkomunikat hemmhekk.

12

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument” jipprovdi li:

“1.   L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

(a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju; jew

(b)

il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika.

2.   Meta l-aġenzija riċeventi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija mittenti permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, in-notifika tad-dokument tista’ tkun rimedjata permezz ta’ notifika lid-destinatarju skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tan-notifika tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skont il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun id-data tan-notifika tad-dokument oriġinali ffissata skont l-Artikolu 9(2).

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u n-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

5.   Għall-għanijiet tal-paragrafu (1), l-aġenti diplomatiċi jew konsulari, meta n-notifika issir skont l-Artikolu 13, jew l-awtorità jew il-persuna, meta n-notifika issir skont l-Artikolu 14, għandhom jinfurmaw lid-destinatarju li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument u li kull dokument irrifjutat irid jintbagħat lura lil dawk l-aġenziji jew lil dik l-awtorità jew persuna rispettivament.”

13

Il-formula standard, intitolata “Informazzjoni tad-destinatarju dwar id-dritt li jirrifjuta li jaċċetta dokument” u li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, tinkludi, għall-attenzjoni tad-destinatarju tad-dokument, dan li ġej:

“Inti tista’ tirrifjuta li taċċetta d-dokument jekk dan mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li tifhem int jew bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

Jekk tixtieq teżerċita dan id-dritt, trid tirrifjuta li taċċetta d-dokument fil-mument li ssir in-notifika u dan trid tagħmlu mal-persuna li tikkunsinnalek id-dokument jew inkella billi tibagħtu lura fl-indirizz li jidher hawn taħt fi żmien ġimgħa u tistqarr li int qed tirrifjuta li taċċettah.”

14

Din il-formula standard tinkludi wkoll “dikjarazzjoni tad-destinatarju” li, fil-każ fejn jirrifjuta li jaċċetta d-dokument ikkonċernat, huwa mistieden jiffirma u hija fformulata kif ġej:

“Jien nirrifjuta li naċċetta d-dokument mehmuż għaliex mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li nifhem jien jew bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika.”

15

Fl-aħħar nett, l-imsemmija formula standard tipprovdi li, f’dan l-istess każ, id-destinatarju għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi li jifhem minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

16

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1393/2007:

“1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament […].”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li O.K. Trans Praha, kumpannija rregolata mid-dritt Ċek, ressqet quddiem l-Okresní soud Praha – západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent, ir-Repubblika Ċeka) talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea kontra Catlin Innsbruck GmbH, kumpannija stabbilita fl-Awstrija, li fid-drittijiet tagħha ssuċċediet Catlin Europe, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja).

18

L-Okresní soud Praha – západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent) laqgħet din it-talba billi fl-1 ta’ Awwissu 2012 ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea mitlub.

19

Din l-ordni ta’ ħlas ġiet innotifikata lil Catlin Europe fit‑3 ta’ Awwissu 2012 u saret eżekuttiva fit-3 ta’ Settembru 2012.

20

Fil-21 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, Catlin Europe ressqet talba għal eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni skont l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament.

21

Insostenn ta’ din it-talba, Catlin Europe sostniet li, bi ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, ma kinitx ġiet informata, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, dwar id-dritt tagħha li tirrifjuta li taċċetta l-att li għandu jkun innotifikat jew ikkomunikat minkejja li dan tal-aħħar ma kienx ifformulat jew akkumpanjat minn traduzzjonioi ta’ waħda mil-lingwi msemmija f’din id-dispożizzjoni.

22

Fil-fatt, kopja tal-formola tat-talba għal ordni ta’ ħlas, li, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, kienet mehmuża mal-ordni ta’ ħlas tal-1 ta’ Awwissu 2012, kienet ifformulata biċ-Ċek biss, bla ma kienet akkumpanjata minn traduzzjoni bil-Ġermaniż.

23

Minn dan Catlin Europe kkonkludiet li ma kienx possibbli għaliha li tifhem l-att promotur, u dan kien jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament, tali li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

24

Din it-talba għal eżami mill-ġdid ġiet madankollu miċħuda mill-Okresní soud Praha – západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2013, li ġiet ikkonfermata fl-appell, fis‑17 ta’ Ġunju 2013, mill-Krajský soud v Praze (il-Qorti Reġjonali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka).

25

Din il-qorti tal-aħħar qieset li l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ġiet debitament innotifikata lil Catlin Europe, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1896/2006. Barra minn hekk, l-assenza ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltà tad-destinatarju li jirrifjuta li jaċċetta l-att notifikat skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jistax jinvalida l-ordni jew jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tiegħu, peress li r-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprevedix konsegwenza bħal din.

26

Catlin Europe ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka).

27

Din il-qorti tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ osservanza, fil-kawża li tressqet quddiemha, tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 hijiex ta’ natura li tiġġustifika l-eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas kif previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

28

B’mod partikolari, dan ir-regolament tal-aħħar ma fih l-ebda dispożizzjoni li tirregola l-lingwa li fiha t-talba għal ordni ta’ ħlas għandha tiġi nnotifikata jew ikkomunikata lill-konvenut. Barra minn hekk, b’differenza mir-Regolament Nru 1393/2007, ir-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi regoli speċifiċi, ibbażati fuq l-użu ta’ formoli standard li jidhru fl-annessi tiegħu u li essenzjalment għandhom jimtlew permezz ta’ kodiċijiet numeriċi stabbiliti minn qabel. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li difett proċedurali bħal dak invokat minn Catlin Europe huwiex tali li jikser id-drittijiet tad-difiża.

29

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Nru 1896/2006] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ informazzjoni lid-destinatarju dwar il-fakultà li jirrifjuta li jaċċetta l-att li għandu jiġi nnotifikat fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament [Nru 1393/2007] tagħti lill-konvenut (id-destinatarju), id-dritt li jitlob eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Nru 1896/2006]?”

Fuq id-domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk ir-Regolamenti Nru 1896/2006 u 1393/2007 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi nnotifikata jew ikkomunikata lill-konvenut mingħajr ma t-talba għal ordni mehmuża magħha tkun ifformulata jew akkumpanjata minn traduzzjoni bil-lingwa li huwa mistenni jifhem, hekk kif jeħtieġ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, il-konvenut għandu jkun debitament informat, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, min-naħa l-oħra, liema huma l-konsegwenzi tal-assenza ta’ tali informazzjoni u, b’mod iktar partikolari, jekk tali ċirkustanza hijiex ta’ natura li tiġġustifika talba għal eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

31

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel aspett tad-domanda magħmula, dwar l-applikabbiltà tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea lill-konvenut, flimkien mal-formola tat-talba għal ordni, konformement mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1896/2006, għandu jitfakkar qabelxejn li r-Regolament Nru 1393/2007 jipprevedi espressament, f’din id-dispożizzjoni, il-possibbiltà tad-destinatarju ta’ att li jrid jiġi nnotifikat jew ikkomunikat li jirrifjuta li jaċċettah meta dan l-att ma jkunx ifformulat jew akkumpanjat minn traduzzjoni jew b’lingwa li d-destinatarju jifhem, jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew, jekk jeżistu diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

32

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li din il-possibbiltà tad-destinatarju tal-att li jirrifjuta li jaċċetta l-att li għandu jkun innotifikat jew ikkomunikat jikkostitwixxi dritt tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 49; id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 61, u s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 50).

33

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, id-dritt tad-destinatarju ta’ dan l-att li jirrifjuta li jaċċetta att li jrid jiġi nnotifikat jew ikkomunikat jirriżulta min-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tiegħu, konformement mar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, sanċit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa intiż, primarjament, għat-titjib tal-effikaċja u tar-rapidità tal-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajjef, b’xi mod jew ieħor, ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tal-atti inkwistjoni (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat mhux biss li d-destinatarju ta’ att jirċievi realment l-att inkwistjoni, imma wkoll li jkun f’pożizzjoni li jkun jaf u li jifhem, b’mod effettiv u komplet, is-sens u l-portata tal-azzjoni mibdija kontrih barra mill-pajjiż, b’tali mod li jkun jista’ effettivament jipprepara d-difiża tiegħu u jinvoka d-drittijiet tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Issa, sabiex id-dritt ta’ rifjut li jinsab fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jkun jista’ effettivament jipproduċi l-effetti tiegħu, huwa neċessarju li d-destinatarju tal-att ikun ġie debitament informat, minn qabel u bil-miktub, bl-eżistenza ta’ dan id-dritt (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fis-sistema implimentata mill-imsemmi regolament, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lilu permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fir-rigward tal-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta għal din il-formola standard, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprevedi l-ebda eċċezzjoni għall-użu tagħha (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Minn din il-kunsiderazzjoni kif ukoll mill-għan tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, kif deskritt fil-punti 35 u 36 tas-sentenza preżenti, hemm lok li jiġi dedott li l-awtorità inkarigata bin-notifika jew bil-komunikazzjoni hija obbligata, fiċ-ċirkustanzi kollha u mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, li tinforma lid-destinatarju ta’ att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah, billi tuża sistematikament, għal dan il-għan, il-formola standard (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għal dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk il-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandhomx jgħoddu wkoll fil-kuntest tar-Regolament Nru 1896/2006, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod espliċitu li dan ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000. Issa, dan tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1393/2007 u l-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar jippreċiża wkoll li “[r]eferenzi għar-Regolament [Nru 1348/2000] għandhom jinftiehmu bħala referenzi [għar-Regolament Nru 1393/2007]”.

40

Għaldaqstant, il-kwistjonijiet li ma humiex irregolati mir-Regolament Nru 1896/2006 fil-qasam tan-notifika jew tal-komunikazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, flimkien mat-talba għal ordni, għandhom, jekk ikun il-każ, jinftiehmu bħala referenzi għar-Regolament Nru 1393/2007.

41

Barra minn hekk, ma hemm ebda dubju li t-talba għal ordni li tikkostitwixxi l-att promotur għall-finijiet tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tiġi kklassifikata bħala att, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007.

42

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi li l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma’ kopja tal-formola tat-talba, b’tali mod li n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas lill-konvenut trid tkun akkumpanjata wkoll minn dik tat-talba. Fil-każ ineżami, kien hemm tali notifika jew komunikazzjoni doppja.

43

Minn dan isegwi li r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 japplikaw mhux biss għan-notifika jew għall-komunikazzjoni tal-ordni nnifisha, iżda wkoll għal dik tat-talba għal ordni. Għaldaqstant, kull wieħed minn dawn iż-żewġ atti għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat lid-destinatarju tiegħu b’lingwa li huwa mistenni li jifhem, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 8(1). Għal dan il-għan, in-notifika jew il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament u l-persuna kkonċernata tiġi informata bid-dritt tagħha li tirrifjuta li taċċetta l-att inkwistjoni.

44

Il-konklużjoni preċedenti tenħtieġ iktar u iktar peress li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea stabbilita mir-Regolament Nru 1896/2006 ma hijiex kontradittorja, fis-sens li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi fid-dawl tal-unika talba mressqa mir-rikorrenti, mingħajr ma l-konvenut ikun informat bl-eżistenza ta’ proċedura fir-rigward tiegħu.

45

Għaldaqstant, huwa biss fl-istadju tan-notifika jew tal-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas li l-konvenut għandu l-opportunità li jsir konxju tal-eżistenza u tal-kontenut tat-talba. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jrid iżomm, huwa għalhekk partikolarment importanti f’dan il-kuntest.

46

Il-fatt li, skont ir-Regolament Nru 1896/2006, it-talba għal ordni għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ formola standard li tidher fl-Anness I ta’ dan ir-regolament huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

47

Fil-fatt, minkejja li ħafna kaxxi ta’ dik il-formola standard jistgħu jimtlew permezz ta’ kodiċijiet predefiniti u, għalhekk, jinftiehmu faċilment peress li l-ispjegazzjonijiet dwar dawn il-kodiċijiet ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija formola standard teżiġi wkoll li r-rikorrent jipprovdi, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2)(d) u (e) ta’ dan ir-regolament, spjegazzjoni iktar iddettaljata dwar id-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti invokati bħala l-bażi tal-kreditu kif ukoll provi insostenn tat-talba. Issa, il-konvenut irid ikun jista’ jieħu konjizzjoni ta’ dawn l-elementi b’lingwa li suppost ikun jaf sew, sabiex jifhem b’mod effettiv u komplet it-tifsira u l-ambitu tal-proċeduri mibdija kontrih barra mill-pajjiż u, jekk ikun il-każ, jipprepara d-difiża tiegħu.

48

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu għaldaqstant jiġi konkluż li n-natura obbligatorja u sistematika tal-użu tal-formola standard li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tapplika bl-istess mod għan-notifika jew għall-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea u flimkien magħha, it-talba ta’ ordni.

49

Għal dak li jirrigwarda t-tieni aspett tad-domanda magħmula, relattiv għall-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu, hija ġurisprudenza stabbilita li jekk il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 ma tiġix mehmuża, dan la jista’ jwassal għan-nullità tal-att li għandu jkun innotifikat jew ikkomunikat u lanqas għan-nullità tal-proċedura tan-notifika jew ta’ komunikazzjoni, peress li tali konsegwenza ma tkunx kompatibbli mal-għan imfittex minn dan ir-regolament, li jikkonsisti f’li jipprevedi metodi ta’ trażmissjoni diretta, rapida u effikaċi bejn l-Istati Membri tal-atti f’materja ċivili u kummerċjali (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Min-naħa l-oħra, peress li l-komunikazzjoni tal-imsemmija formola standard tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali, intiż li jħares id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-att, l-ommissjoni tagħha għandha tiġi rregolarizzata konformement mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-imsemmi regolament. Huwa għaldaqstant l-obbligu tal-awtorita inkarigata bin-notifika jew bil-komunikazzjoni li tipprovdi mingħajr dewmien l-informazzjoni lid-destinatarju tal-att tad-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta dan l-att, billi tittrażmettilu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) ta’ dan l-istess regolament, din il-formola standard (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Issa, għal raġunijiet identiċi għal dawk imsemmija fil-punti 39 sa 48 tas-sentenza preżenti, l-istess regoli għandhom japplikaw, b’analoġija, għan-notifika jew għall-komunikazzjoni tal-atti fil-kuntest tar-Regolament Nru 1896/2006.

52

Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-kawża prinċipali, in-notifika jew il-komunikazzjoni lill-konvenut tat-talba għal ordni ta’ ħlas, ifformulati b’lingwa li ma hijiex waħda minn dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, ma tkunx akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, din l-ommissjoni u l-assenza ta’ informazzjoni lid-destinatarju tal-att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah li tirriżulta mill-istess ommissjoni għandhom jiġu rrimedjati billi l-persuna kkonċernata tingħata dik il-formula standard, mingħajr dewmien u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament.

53

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-preżenza ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni irregolari bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ordni ta’ ħlas Ewropea ma kisbitx validament saħħa eżekuttiva u t-terminu mogħti lill-konvenut sabiex issir oppożizzjoni ma bediex jiddekorri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punti 41 sa 43 kif ukoll il-punt 48).

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, hekk kif issollevata mill-qorti tar-rinviju, ma tqumx fil-każ ineżami.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolamenti Nri 1896/2006 u 1393/2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi nnotifikata jew ikkomunikata lill-konvenut mingħajr ma t-talba għal ordni mehmuża magħha tkun ifformulata jew akkumpanjata minn traduzzjoni bil-lingwa li huwa mistenni jifhem, hekk kif jeħtieġ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, il-konvenut għandu jkun debitament informat, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att inkwistjoni.

56

Fil-każ ta’ ommissjoni ta’ din il-formalità, ir-regolarizzazzjoni tal-proċedura għandha sseħħ konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, billi tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata l-formola standard li tinsab fl-Anness II tiegħu.

57

F’dan il-każ, minħabba l-irregolarità proċedurali li taffettwa n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, flimkien mat-talba għal ordni, din l-ordni ma tiksibx forza eżekuttiva u t-terminu mogħti lill-konvenut biex joġġezzjona ma jistax jibda jiddekorri, b’tali mod li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jistax japplika.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi nnotifikata jew ikkomunikata lill-konvenut mingħajr ma t-talba għal ordni mehmuża magħha tkun ifformulata jew akkumpanjata minn traduzzjoni bil-lingwa li huwa mistenni jifhem, hekk kif jeħtieġ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, il-konvenut għandu jkun debitament informat, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att inkwistjoni.

 

Fil-każ ta’ ommissjoni ta’ din il-formalità, ir-regolarizzazzjoni tal-proċedura għandha sseħħ konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, billi tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata l-formola standard li tinsab fl-Anness II tiegħu.

 

F’dan il-każ, minħabba l-irregolarità proċedurali li taffettwa n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, flimkien mat-talba għal ordni, din l-ordni ma tiksibx forza eżekuttiva u t-terminu mogħti lill-konvenut biex joġġezzjona ma jistax jibda jiddekorri, b’tali mod li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jistax japplika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top