EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0160

Kawża C-160/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-7 ta’ April 2015 – GS Media BV vs Sanoma Media Netherlands BV et

OJ C 205, 22.6.2015, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-7 ta’ April 2015 – GS Media BV vs Sanoma Media Netherlands BV et

(Kawża C-160/15)

(2015/C 205/26)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: GS Media BV

Konvenuti: Sanoma Media Netherlands BV, Playboy Enterprises International Inc., Britt Geertruida Dekker

Domandi preliminari

1.a

Il-fatt li persuna li ma hijiex id-detentur tad-drittijiet tal-awtur tirreferi, billi tqiegħed hyperlink f’sit tal-internet li hija topera, għal sit tal-internet ieħor li huwa operat minn terz u li huwa aċċessibbli għall-utenti tal-internet kollha li fuqu x-xogħol ikun disponibbli għall-pubbliku mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (1)?

1.b

Il-kwistjoni dwar jekk ix-xogħol ma kienx preċedentement b’xi mod ieħor ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur hija rilevanti għar-risposta għad-domanda preċedenti?

1.ċ

Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tqiegħed hyperlink taf jew għandha tkun taf li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma tax il-kunsens għat-tqegħid tax-xogħol fis-sit tal-internet tat-terz indikat fid-domanda 1.a. u, skont il-każ, li barra minn hekk ix-xogħol ma kienx preċedentement b’xi mod ieħor ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur hija rilevanti?

2.a

F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 1.a: f’dan il-każ, hemm, jew jista’ jingħad li hemm, komunikazzjoni lill-pubbliku meta s-sit tal-internet li għalih jirreferi l-hyperlink u, għaldaqstant, ix-xogħol tassew jista’ jinstab mill-pubbliku ġenerali tal-internet, iżda mhux b’mod sempliċi, b’mod li l-fatt li jitqiegħed il-hyperlink jiffaċilita bil-kbir is-sejba tax-xogħol?

2.b

Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tqiegħed il-hyperlink taf jew għandha tkun taf li l-pubbliku ġenerali tal-internet ma jistax faċilment isib is-sit tal-internet li għalih il-hyperlink jirreferi hija rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domanda 2.a.?

3

Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku meta permezz ta’ hyperlink jingħata aċċess għal xogħol li ma kienx preċedentement ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur?


(1)  Direttiva 2001/29 tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


Top