EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0139

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-21 ta’ Settembru 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja.
Appell – Fond ta’ koeżjoni – Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja – Proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Eżistenza ta’ terminu – Inosservanza tat-terminu stabbilit – Konsegwenzi.
Kawża C-139/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:707

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

21 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Appell — Fond ta’ koeżjoni — Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja — Proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea — Eżistenza ta’ terminu — Inosservanza tat-terminu stabbilit — Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑139/15 P,

li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2015,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, bħala aġent,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Jannar 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑109/12, li ma ġietx ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:29), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 9992, tat-22 ta’ Diċembru 2011, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-Fond ta’ koeżjoni lill-proġetti “Azzjonijiet li għandhom jiġu implementati fil-kuntest tal-iżvilupp tat-tieni fażi tal-pjan ewlieni ta’ ġestjoni tal-iskart solidu urban tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura” (CCI 2000.ES.16.C.PE.020), “Żbokkijiet tal-ilma: baċir medju Getafe u baċir inferjuri tal-Arroyo Culebro (baċir tat-Tago-Tisfija)” (CCI 2002.ES.16.C.PE.002), “Użu mill-ġdid ta’ ilmijiet ittrattati għall-irrigazzjoni ta’ żoni ħodor fi Santa Cruz de Tenerife” (CCI 2003.ES.16.C.PE.003) u “Għajnuna teknika għall-istudju u t-tfassil tal-proġett ta’ estensjoni u ta’ provvista ta’ ilma tal-Mancomunidad de Algodor” (CCI 2002.ES.16.C.PE.040) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

I – Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14 Vol. 1, p. 9), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1264/1999, tal-21 Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 73), u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1265/1999, tal‑21 Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 78, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1164/94 emendat”):

“Il-Fond għandu jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji għal proġetti li jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-miri stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fl-oqsma tal-ambjent u r-rettikolati tal-infrastruttura tat-trasport trans-Ewropej fi Stati Membri li jkollhom prodott gross nazzjonali (PGN) per capita, imkejjel f’paritajiet ta’ poter kontrattwali, ta’ inqas minn (90 %) tal-medja Komunitarja li jkollhom programm li jwassal biex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ konverġenza ekonomika msemmija f’Artikolu [126 TFUE].”

3

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat jipprovdi:

“Proġetti finanzjati mill-Fond għandhom ikunu skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, skont l-istrumenti adottati in segwitu tagħhom u skont politiki Komunitarji, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, it-trasport, ir-rettikolati trans-Ewropej, il-kompetizzjoni u l-għoti ta' kuntratti pubbliċi.”

4

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ l-estimi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli l-ewwel nett għall-kontroll finanzjarju tal-proġetti. Għal dak il-għan, il-miżuri li għandhom jieħdu għandhom jinkludu:

[...]

ċ)

li jiżguraw li l-proġetti huma amministrati skont ir-regoli applikabbli tal-Komunità u li l-fondi impoġġija għad-dispożizzjoni tagħhom jintużaw skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

[...]”

5

L-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat, dwar id-“dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni”, jinkludi Artikolu H, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji”, li jipprovdi:

“1.

Jekk, wara li tlesti il-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li:

a)

l-implementazzjoni ta’ proġett ma tiġġustifikax l-għajnuna mogħtija kollha jew parti minnha, inkluż in-nuqqas li tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet fid-deċiżjoni li tingħata għajnuna u b’mod partikolari kwalunkwe bdil sinnifikanti li jaffettwa l-implementazzjoni tal-proġett u li għalih ma tkunx intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jew

b)

hemm irregolarità fir-rigward ta’ l-assistenza mill-Fond u li l-Istat Membru nvolut ma ħax il-miżuri ta’ korrezzjoni meħtieġa,

il-Kummissjoni għandha tissospendi l-għajnuna fir-rigward tal-proġett konċernat u filwaqt li tagħti r-raġunijiet tagħha, għandha titlob li l-Istat Membru jagħmel il-kummenti tiegħu fi żmien perjodu speċifikat.

Jekk l-Istat Membru jagħmel oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal seduta, li fiha, ż-żewġ naħat għandhom jaħdmu sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u għandhom joħorġu konklużjonijiet minnhom.

2.

Fl-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha, soġġetta li tiġi rispettata l-proċedura x-xierqa, jekk fi żmien tlett xhur ma jkun intlaħaq ebda qbil, wara li jiġu kunsidrati l-kummenti ta’ l-Istat Membru, tiddeċiedi li:

[...]

b)

tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa. Dan għandu jfisser li titneħħa parti jew l-assistenza kollha mogħtija għall-proġett.

Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni, meta tiddeċiedi l-ammont tal-korrezzjoni, għandha tikkunsidra t-tip ta’ l-irregolarità jew bidla u kemm huwa kbir l-impatt finanzjarju potenzjali tan-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll. Kull tnaqqis jew tħassir għandu jwassal għal irkupru ta’ l-ammonti mħallsa.

[...]

4.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 u għandha tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew bihom.”

6

L-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1386/2002, tad-29 ta’ Lulju 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fond ta’ koeżjoni u l-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 4, Vol. 1, p. 162), huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-perjodu ta’ żmien li matulu, l-Istat Membru konċernat jista’ jirrispondi għal talba taħt l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94 sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu, għandu jkun ta’ xahrejn, għajr f’każijiet ġustifikati kif dovut fejn jista jsir qbil għal perjodu itwal mill-Kummissjoni.

2.   Fejn il-Kummissjoni tipproponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-bażi ta’ estrapolazzjoni jew fuq rata bażi, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità sabiex juri, permezz ta’ eżaminazzjoni tal-files konċernati, li l-kobor veru ta’ l-irregolarità kien inqas mill-istima tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-għan ta’ din l-eżaminazzjoni għal proporzjon jew kampjun xieraq tal-files konċernati.

Għajr f’każijiet iġġustifikati kif dovut, il-ħin permess għal din l-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż perjodu ieħor ta’ xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1. Ir-riżultati ta’ eżaminazzjoni bħal din għandhom jiġu eżaminati bil-mod speċifikat fit-tieni subparagrafu ta’ Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94. Il-Kummissjoni għandha tqis kull evidenza pprovduta mill-Istat Membru fi ħdan il-limiti ta’ żmien.

3.   Kull meta l-Istat Membru jkollu oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u ssir seduta taħt it-tieni subparagrafu ta’ Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94, il-perjodu ta’ tlett xhur li matulu l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni taħt Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament għandu jibda mid-data tas-seduta.”

7

Il-kliem tal-Artikolu H(2), tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat ivarja minn verżjoni lingwistika għal oħra ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mill-verżjoni Franċiża ta’ din tal-aħħar jirriżulta li, permezz tagħha, fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi “f’terminu ta’ tliet xhur”, li t-terminu ta’ tliet xhur imsemmi jirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji. Għall-kuntrarju, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-istess dispożizzjoni, dan it-terminu ta’ tliet xhur jirrigwarda l-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet.

8

Mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, li jagħmel riferiment speċifikament għall-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat jirriżulta li l-Kummissjoni tiddisponi, bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu H (2) minn terminu ta’ tliet xhur sabiex tieħu deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, liema terminu jibda jiddekorri mid-data tas-seduta. Mill-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dan l-Artikolu 18(3) jirriżulta li ma hemmx diskrepanza fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

9

Ir-Regolament Nru 1164/94 hekk kif emendat kien applikabbli fil-perijodu ta’ bejn is-sena 2000 u 2006. Fir-rigward tar-Regolament Nru 1386/2002, skont l-Artikolu 1 tiegħu dan kien japplika għal miżuri approvati għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Jannar 2000.

10

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat, dan ir-regolament kellu jiġi eżaminat mill-ġdid mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006.

11

B’hekk, ir-Regolament Nru 1164/94 kif emendat tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi l-fond ta’ koeżjoni (ĠU L 210, p. 79).

12

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1084/2006, “Dan ir-Regolament ma għandu jinċidi la fuq it-tkomplija u lanqas fuq il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta’ proġett jew ta’ forom oħrajn ta’ għajnuna approvati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament KE Nru 1164/94, li sussegwentement għandu japplika għal dik l-għajnuna jew għall-proġetti konċernati sa l-għeluq tagħhom”.

13

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1084/2006, ir-Regolament Nru 1164/94 kif emendat huwa mħassar “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 105(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 [tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, p.25)] u ta’ l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament”.

14

Skont l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Proċedura”:

“1.   Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet provviżorji tagħha u titlob lill-Istat Membru jippreżenta l-kummenti tiegħu fi żmien xahrejn.

Fejn il-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ estrapolazzjoni jew b’rata fissa, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li juri, permezz ta’ eżami tad-dokumentazzjoni konċernata, li l-miżura reali ta’ l-irregolarità kienet inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżami għal proporzjon jew kampjun xieraq tad-dokumentazzjoni konċernata. Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, iż-żmien mogħti għal dan l-eżami m’għandux ikun aktar minn perjodu ieħor ta’ xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kwalunkwe prova provduta mill-Istat Membru fil-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Fejn l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden mill-Kummissjoni għal smigħ, li fih iż-żewġ naħat f’koperazzjoni bbażata fuq is-sħubija għandhom jagħmlu sforz sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu minnhom.

4.   F’każ ta’ ftehim, l-Istat Membru jista’ jerġa’ juża l-fondi Komunitarji konċernati konformement mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 98(2).

5.   Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ b'kont meħud ta’ l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha preżentati matul il-proċedura. Jekk ma jsir l-ebda smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data ta' l-ittra ta' stedina mibgħuta mill-Kummissjoni.”

15

L-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Dispożizzjonijiet Transizzjonali” huwa redatt kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament sħiħ jew parzjali, ta’ l-għajnuna li tkun ġiet ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ proġett li jkun ġie ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni approvat mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolamenti (KEE) Nru 2052/88, (KEE) Nru 4253/88, (KE) Nru 1164/94 u (KE) Nru 1260/1999 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tkun tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 2006, li konsegwentement għandha tapplika minn hemm ’il quddiem għal dik l-għajnuna jew proġetti konċernati sakemm jingħalqu.

2.   Fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar programmi operattivi, il‑Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kwalunkwe għajnuna ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ kwalunkwe proġett ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li jkollha riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dawk il-programmi operattivi.

3.   B’deroga mill-Artikoli 31(2), 32(4) u 37(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, is-somom parzjali impenjati għal għajnuna ko-finanzjata mill-[Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)] jew l-[Fond Soċjali Ewropew (FES)] approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2006 li għalihom id-dikjarazzjoni ċertifikata ta’ nfiq li fil-fatt tkun tħallset, ir-rapport finali dwar l-implementazzjoni u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1)(f) ta’ dak ir-Regolament ma jkunux intbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien 15-il xhar mid-data finali ta’ l-eliġibbiltà tan-nefqa stabbilita fid-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kontribuzzjoni mill-Fondi, għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara dik l-iskadenza, u jwasslu għar-rimbors ta’ l-ammonti mħallsa mingħajr ma kienu dovuti.

L-ammonti relatati ma’ operazzjonijiet jew programmi li ġew sospiżi minħabba proċedimenti ġuridiċi jew appelli amministrattivi li għandhom effett ta’ sospensjoni m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu ta’ l-ammont tad-diżimpenn awtomatiku.”

16

L-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jistabbilixxi fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 16, 25 sa 28, 32 sa 40, 47 sa 49, 52 sa 54, 56, 58 sa 62, 69 sa 74, 103 sa 105, u 108 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament biss għal programmi għall-perjodu 2007-2013. Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2007.”

17

Ir-Regolament Nru 1083/2006 tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 347, p. 320, u rettifika ĠU 2016, L 200, p. 140).

18

L-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprovdi:

“1.   Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet provviżorji tal-eżami tagħha u titlob lill-Istat Membru biex jissottometti l-kummenti tiegħu fi żmien xahrejn.

2.   Meta l-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi ta’ estrapolazzjoni jew rata fissa, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li juri, permezz ta’ eżami tad-dokumentazzjoni konċernata, li l-livell reali tal-irregolarità huwa inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżami għal proporzjon jew kampjun xieraq tad-dokumentazzjoni kkonċernata. Minbarra f’każijiet debitament iġġustifikati, il-ħin permess għal dak l-eżami m’għandux jaqbeż perjodu ta’ aktar minn xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe prova pprovduta mill-Istat Membru fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Meta Stat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal seduta ta’ smigħ sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha rilevanti jkunu disponibbli bħala bażi għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja.

5.   Fl-eventwalità ta’ ftehim, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru jista’ juża mill-ġdid il-Fondi kkonċernati jew il-[Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd (FEMS)] f’konformità mal-Artikolu 143(3).

6.   Sabiex tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ, jew mid-data tal-wasla ta’ informazzjoni addizzjonali meta l-Istat Membru jaqbel li jissottometti din l-informazzjoni addizzjonali wara s-seduta ta’ smigħ. Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha sottomessi matul il-proċedura. Jekk ma jseħħ l-ebda seduta ta’ smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data tal-ittra tal-istedina għas-seduta ta’ smigħ mibgħuta mill-Kummissjoni.

7.   Meta l-Kummissjoni, filwaqt li twettaq ir-responsabilitajiet tagħha skont l-Artikolu 75, jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jidentifikaw irregolaritajiet li jagħtu xhieda ta’ nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, il-korrezzjoni finanzjarja li tirriżulta għandha tnaqqas l-appoġġ mill-Fondi jew il-FEMS għall-programm operazzjonali.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fil-każ ta’ nuqqas serju fil-funzjonament effettiv ta’ sistema ta’ kontroll u ġestjoni li, qabel id-data ta’ identifikazzjoni mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri:

a)

kien ġie identifikat fid-dikjarazzjoni tal-ġestjoni, fir-rapport ta’ kontroll annwali jew l-opinjoni ta’ awditjar sottomessa lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 59(5) tar-Regolament finanzjarju, jew f’rapporti oħra ta’ awditjar tal-awtorità tal-awditjar sottomessi lill-Kummissjoni u jittieħdu miżuri xierqa; jew

b)

kien is-suġġett ta’ miżuri ta’ rimedju xierqa mill-Istat Membru.

L-evalwazzjoni ta’ nuqqasijiet serji fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għandha tkun ibbażata fuq il-liġi applikabbli meta ġew sottomessi d-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni rilevanti, ir-rapporti ta' kontroll annwali u l-opinjonijiet ta’ awditjar.

Meta tiddeċiedi dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha:

a)

tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tan-nuqqas serju fil-funzjonament effettiv ta’ sistema ta’ kontroll u ġestjoni u l-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu għall-baġit tal-Unjoni;

b)

għall-iskop tal-applikazzjoni ta’ rata fissa jew korrezzjoni estrapolata, teskludi nefqiet irregolari li nstabu preċedentement mill-Istat Membru, li kienu s-suġġett ta’ aġġustament fil-kontijiet f’konformità mal-Artikolu 139(10), u nefqiet suġġetti għal evalwazzjoni kontinwa tal-legalità u r-regolarità skont l-Artikolu 137(2);

c)

tikkunsidra korrezzjonijiet ta’ rati fissi jew estrapolati applikati għan-nefqa mill-Istat Membru għal nuqqasijiet serji oħra li jkunu ġew identifikati mill-Istat Membru meta jiddetermina r-riskju residwu għall-baġit tal-Unjoni.

8.   Ir-regoli speċifiċi għall-Fondi applikabbli għall-FEMS jistgħu jistabbilixxu regoli addizzjonali ta’ proċedura għall-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 144(7).”

19

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 154 tar-Regolament Nru 1303/2013, l-Artikolu 145 ta’ dan tal-aħħar huwa applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża d-deċiżjoni kontenzjuża

20

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

21

Permezz tad-deċiżjonijiet C (2001) 531, tas-16 ta’ Marzu 2001, C (2002) 4269, tal-4 ta’ Diċembru 2002, C (2003) 1545, tas-6 ta’ Mejju 2003, u C (2002) 4692, tas-27 ta’ Diċembru 2002, il‑Kummissjoni tat għajnuna finanzjarja abbażi tal-Fond ta’ koeżjoni lil erba’ proġetti implementati mir-Renju ta’ Spanja.

22

Dawn l-proġetti kienu:

“[a]zzjonijiet li għandhom jiġu implementati fil-kuntest tal-iżvilupp tat-tieni fażi tal-pjan ewlieni ta’ ġestjoni tal-iskart solidu urban tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura” (CCIo2000.ES.16.C.PE.020) (iktar ’il quddiem l-“ewwel proġett”);

“[ż]bokkijiet tal-ilma: baċir medju Getafe u baċir inferjuri tal-Arroyo Culebro (baċir tat-Tago-Tisfija)” (CCI 2002.ES.16.C.PE.002) (iktar ’il quddiem it-“tieni proġett”);

“[u]żu mill-ġdid ta’ ilmijiet ittrattati għall-irrigazzjoni ta’ żoni ħodor fi Santa Cruz de Tenerife” (CCIo2003.ES.16.C.PE.003) (iktar ’il quddiem it-“tielet proġett”);

“[għ]ajnuna teknika għall-istudju u t-tfassil tal-proġett ta’ estensjoni u ta’ provvista ta’ ilma tal-Mancomunidad de Algodor” (CCI 2002.ES.16.C.PE.040) (iktar ’il quddiem ir-“raba’ proġett”).

23

Ġaladarba rċeviet dikjarazzjoni marbuta mal-għeluq ta’ kull wieħed mill-imsemmija proġetti mingħand l-awtoritajiet Spanjoni, il-Kummissjoni, permezz tal-ittri tad-29 ta’ Mejju 2007, tad-9 ta’ Ġunju 2008 kif ukoll tal-4 ta’ Mejju u tas‑27 ta’ Novembru 2009, proposta ta’ għeluq li kienet tinkludi f’kull każ, korrezzjoni finanzjarja mmotivata mill-eżistenza ta’ irregolaritajiet fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

24

Wara li l-awtoritajiet Spanjoli esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ dawn il-proposti ta’ għeluq u wara li bagħtulha informazzjoni addizzjonali dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni bagħtitilhom osservazzjonijiet addizzjonali permezz tal-ittri tal-21 ta’ Jannar u tal-21 ta’ Ġunju 2010, qabel ma stednithom għal seduta li ġiet organizzata fl-14 ta’ Lulju 2010.

25

Peress li din is-seduta ma ppermettietx li jintlaħaq qbil bejn il-partijiet fuq il-kwistjonijiet kollha espressi, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni permezz tal-ittri tal-15 u tas-17 ta’ Settembru 2010.

26

Fit-22 ta’ Diċembru 2011, il‑Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

27

F’din id-deċiżjoni, il‑Kummissjoni tindika, bħala introduzzjoni, li l-analiżi tad-dokumentazzjoni indirizzata lilha inkonnessjoni mal-proġetti inwistjoni ppremettitilha li tinnota l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

28

Sussegwentement il‑Kummissjoni ppreżentat l-irregolaritajiet identifikati. Dawn huma relatati:

fil-każ tal-kuntratti li jaqgħu taħt l-ewwel proġett, mal-fatt li kienu ntużaw kriterji tal-aġġudikazzjoni inkompatibbli, minn naħa, mal-Artikolu 30 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), u, min-naħa l-oħra, ma’ dispożizzjoni tad-dritt intern Spanjol;

fil-każ tal-kuntratti li jaqgħu taħt it-tieni proġett, mal-fatt li kienet intużat proċedura negozjata mingħajr ma ġiet ippubblikata bi ksur tal-Artikolu 7(3)(d) tad-Direttiva 93/37;

fil-każ tal-kuntratti li jaqgħu taħt it-tielet proġett, mal-fatt li kienet intużat proċedura negozjata mingħajr ma ġiet ippubblikata bi ksur tal-Artikolu 7(3)(d) tad-Direttiva 93/37 kif ukoll tal-Artikolu 6 tagħha;

fil-każ tal-kuntratti li jaqgħu taħt ir-raba’ proġett, mal-fatt li kienet intużat proċedura negozjata mingħajr ma ġiet ippubblikata bi ksur tal-Artikolu 11(3)(d) u (e) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

29

Fid-dawl ta’ dawn l-irregolaritajiet, id-deċiżjoni kontenzjuża naqqset l-għajnuna finanzjarja mogħtija abbażi tal-Fond ta’ koeżjoni fis-segwenti proporzjonijiet:

EUR 623135.74 għall-ewwel proġett;

EUR 1010179.66 għat-tieni proġett;

EUR 546192.66 għat-tielet proġett;

EUR 30199.32 għar-raba’ proġett.

III – Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

30

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2012, ir-Renju ta’ Spanja ressaq kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

31

Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka tliet motivi, bbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, fuq il-ksur tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

32

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fl-ewwel lok, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn interpretazzjoni sistematika tal-leġiżlazzjoni rilevanti jirriżulta li l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja abbażi tal-Fond ta’ koeżjoni kienet issubordinata, sa mis-sena 2000, għall-osservanza ta’ ċertu terminu, li t-tul tiegħu kien ivarja skont id-dispożizzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punti 76, 82, 83, 9394, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punti 76, 82, 83, 9394).

34

Il-Qorti Ġenerali kompliet, fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza appellata, li għaldaqstant, skont id-dispożizzjonijiet magħquda fl-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat u tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, it-terminu li matulu l-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja kien ta’ xahrejn mid-data tas-seduta (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 95, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 95). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, skont l-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006, il‑Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-seduta u, f’każ li ma tkunx saret seduta, il-perijodu ta’ sitt xhur jibda jiddekorri xahrejn wara d-data li fiha l‑Kummissjoni tibgħat l-ittra ta’ stedina għal seduta lill-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 96, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 96). Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li, skont l-Artikolu 145(6) tar-Regolament Nru 1303/2013, il‑Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien sitt xhur mid-data tas-seduta jew mid-data li fiha tiġi rċevuta l-informazzjoni addizzjonali, meta l-Istat Membru jaċċetta li jipprovdi din l-informazzjoni wara s-seduta, u b’dan huwa mifhum li, fl-assenza ta’ seduta, il-perijodu ta’ sitt xhur jibda jiddekorri xahrejn wara d-data li fiha tintbagħat, lill-Istat Membru kkonċernat, l-ittra ta’ stedina għal seduta mill-Kummissjoni (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 97, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 97).

35

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punti 26 u 27 tas-sentenza appellata, li, għalkemm ir-Regolament Nru 1265/1999, li emenda r-Regolament Nru 1164/94, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000, madankollu mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li l-Artikolu 100 ta’ dan tal-aħħar sar applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, inkluż għall-programmi ta’ qabel l-2007‑2013. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan huwa barra minn hekk, konformi mal-prinċipju li r-regoli tal-proċedura japplikaw immedjatament wara d-dħul fis-seħħ tagħhom (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 98, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 98). Il-Qorti Ġenerali żiedet li, fir-rigward tal-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 1303/2013, dan japplika, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 154 ta’ dan tal-aħħar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014 (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 99, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 99).

36

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-inosservanza ta’ dawn it-termini mill-Kummissjoni kienet tikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li għandhom jiġu rrilevati ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fil-punt 29 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fil-każ odjern, is-seduta saret fl-14 ta’ Lulju 2010 u l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fit-22 ta’ Diċembru 2011, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma osservatx it-terminu ta’ sitt xhur stabbilit mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

38

Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, li l-konklużjoni preċedenti ma hijiex ikkontestata mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni b’risposta għal mistoqsija li hija għamlitilha, marbuta mal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑192/13 P, EU:C:2014:2156) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑197/13 P, EU:C:2014:2157), mogħtija fil-pendenzi tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-imsemmija osservazzjonijiet, il‑Kummissjoni kienet sostniet li dawn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja “jistabbilixxi il-prinċipju ġenerali tal-eżistenza ta’ terminu li jiddekorri mill-jum li fiha ssir is-seduta, mingħajr ma jeżaminaw madankollu r-ratio u l-għan segwit mid-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu bħala l-mument li fih issir is-seduta, u lanqas l-ipoteżi ta’ interruzzjoni possibbli tat-terminu”. F’dan ir-rigward, hija sostniet li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 22 sa 27 tas-sentenza appellata, japplika biss fl-ipoteżi “normali” meta l-pożizzjoni tal-Istat Membri kkonċernat tkun definittivament stabbilita fid-data tas-seduta organizzata mill-Kummissjoni, ipoteżi li fiha l-Kummissjoni jkollha b’hekk l-argumenti u l-elementi fattwali kollha li l-Istat Membru kkonċernat jinvoka insostenn tal-pożizzjoni tagħha u li fiha hija tkun, għaldaqstant f’pożizzjoni li tippronunzja ruħha. Għaldaqstant jiġri spiss li l-Kummissjoni taċċetta li tkompli tiddjaloga anki wara s-seduta, fuq talba u fl-interess tal-Istat Membru kkonċernat u, f’tali każ, ikun neċessarju li jiġi kkunsidrat li l-kontinwazzjoni tad-djalogu bejn il-partijiet tinterrompi t-terminu stabbilit li fih il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha u li dan tal-aħħar jibda jiddekorri biss minn meta jintemm dan id-djalogu.

39

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument għas-segwenti raġunijiet, li jinsabu fil-punti 32 sa 36 tas-sentenza appellata.

40

Fl-ewwel lok, il‑Kummissjoni hija stess tammetti l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006 għall-każ ineżami.

41

Fit-tieni lok, u dan kif jirriżulta mis-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑192/13 P, EU:C:2014:2156) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑197/13 P, EU:C:2014:2157), din id-dispożizzjoni kienet tobbligaha, b’mod ġenerali, li tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja f’terminu ta’ sitt xhur dekorribbli mis-seduta organizzata mal-Istat Membru kkonċernat. Hija kienet tipprevedi eċċezzjoni waħda biss għal din ir-regola, li hija dik meta ma jkunx hemm seduta. Għall-kuntrarju, hija ma tipprovdi għall-ebda deroga applikabbli fil-każ li fih il‑Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat ikunu jixtiequ jkomplu bid-djalogu tagħhom anki wara s-seduta. B’hekk hija differenti mill-Artikolu 145(6) tar-Regolament Nru 1303/2013, li jirriżerva espressament l-ipoteżi previst mill-Kummissjoni, iżda li huwa applikabbli biss sa mill-1 ta’ Jannar 2014.

42

Fit-tielet lok, mill-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm it-terminu impost fuq il‑Kummissjoni sabiex tagħti deċiżjoni ġie emendat diversi drabi mil-leġiżlazzjoni applikabbli, il-leġiżlatur tal-Unjoni, kull darba intenda li jimponi fuqha terminu speċifiku, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li kien fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri tagħha li jkun prevedibbli t-tmiem tal-proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja, fatt li jippreżumi l-istabbiliment ta’ deċiżjoni finali f’terminu stabbilit minn qabel, filwaqt li jitħalla biżżejjed ħin għall-Kummissjoni sabiex tadotta din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punti 84 sa 8688, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punti 84 sa 8688).

43

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, anki jekk il‑Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat jaqblu li jkomplu bid-djalogu tagħhom wara s-seduta, xorta għandha tittieħed deċiżjoni finali ta’ korrezzjoni finanzjarja f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tas-seduta fil-każijiet kollha li fihom ikun applikabbli ratione temporis l-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006, b’differenza minn dawk il-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 145(6) tar-Regolament Nru 1303/2013.

44

Fir-raba’ lok, mis-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punti 10 sa 12) u tal-4 Settembru 2014, Spanja vs Il‑ Kummissjoni (C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punti 10 sa 12), jirriżulta li d-djalogu bejn il-partijiet kompla wara s-seduta fiż-żewġ każijiet inkwistjoni u li l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata f’dawn il-każijiet f’inqas minn sitt xhur wara t-tmiem ta’ dan id-djalogu f’xi wieħed minnhom, elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċertament tieħu inkunsiderazzjoni li kieku riedet tillimita l-portata tal-interpretazzjoni mogħtija f’dawn is-sentenzi.

45

Fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti kollha, id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ġiet adottata validament u kellha għaldaqstant tiġi annullata.

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

46

Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi l-kawża, u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

47

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Għaxar Awla tas-27 ta’ Jannar 2016, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja.

V – Fuq l-appell

49

Insostenn tal-appell tagħha, il‑Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji, ibbażati fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward, prinċipalment, tal-istabbiliment ta’ terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja u, sussidjarjament, tad-determinazzjoni tan-natura ta’ din it-terminu kif ukoll tal-effetti derivanti mill-inosservanza ta’ dan tal-aħħar.

A – Fuq l-ewwel aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

50

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il‑Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li din l-istituzzjoni hija obbligata li tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja f’ċertu terminu li t-tul tiegħu huwa ddeterminat mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data li fiha saret is-seduta bejn il‑Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

51

Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, fejn il‑Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wetqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006 kien applikabbli fil-kawża preżenti fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita – u b’mod iktar partikolari tat-terminu li għandu jiġi osservat – sabiex tingħata deċiżjoni fuq korrezzjoni finanzjarja, meta, fl-ewwel lok, id-dispożizzjoni applikabbli f’dan il-każ kienet l-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat u li, fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni ma kienet tipprevedi l-ebda terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni.

52

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il‑Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolamenti differenti inkwistjoni. B’hekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kisret il-portata tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, dispożizzjoni li minnha jirriżulta li l-proġetti kkofinanzjati fil-kuntest tas-sistema ta’ qabel l-adozzjoni ta’ Regolament bażiku ġdid fl-2006 baqgħu suġġetti b’mod sħiħ għall-imsemmija sistema sal-għeluq tagħhom, kemm fir-rigward tat-tkomplija jew tat-tibdil tagħhom, inkluż it-tħassir totali jew parzjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006.

53

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Dispożizzjonijiet Transizzjonali”, kien jipprevedi s-suċċessjoni temporali tal-atti leġiżlattivi marbuta mal-fond ta’ koeżjoni. Mill-Artikolu 108 ta’ dan ir-regolament, marbut mad-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar, jirriżulta li l-uniċi proġetti kkofinanzjati approvati skont r-regoli l-ġodda applikabbli matul il-perijodu 2007‑2013 jaqgħu taħt l-imsemmi regolament. L-għan ta’ dan l-Artikolu 108 huwa li jipposponi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku l-ġdid għal data ulterjuri, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2007, filwaqt li għall-programmi tal-perijodu 2007-2013 id-dħul fis-seħħ tagħhom kien stabbilit għall-1 ta’ Awwissu 2006. B’hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1083/2006 li kienu applikabbli sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament kienu jikkonċernaw essenzjalment l-ippjanar, filwaqt li dawk li ma setgħux jiġu applikati qabel l-1 ta’ Jannar 2007 kienu jikkonċernaw prinċipalment il-ġestjoni finanzjarja u baġitarja.

54

Dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji speċifiċi huma spjegati mill-fatt li l-atti bażiċi marbuta mal-Fond ta’ koeżjoni jagħmlu riferiment b’mod iddifferenzjat għall-perijodi ta’ ippjanar suċċessivi (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020), li huma marbuta mal-kwadri finanzjarji tal-Unjoni. Barra minn hekk, dawn l-atti bażiċi kienu jinkludu regoli sostantivi u proċedurali marbuta mal-ippjanar, l-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa mill-Unjoni fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni u dawn ir-regoli kienu jifformaw, għal kull perijodu ta’ ippjanar, assjem indiviżibbli li d-dispożizzjonijiet partikolari tiegħu ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat.

55

F’dawn il-kundizzjonijiet, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006, l-Artikolu 100 ta’ dan tal-aħħar huwa “applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, inkluż għall-programmi ta’ qabel il-perijodu 2007-2013”. Fil-fatt, skont l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006, id-dispożizzjoni proċedurali applikabbli ratione temporis għall-korrezzjoni ta’ proġett approvat, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest tal-perijodu ta’ ippjanar 2000-2006 ma hijiex dik tal-Artikolu 100(5) tal-imsemmi regolament, iżda l-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat.

56

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, il‑Kummissjoni enfasizzat li l-kliem tal-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006 huwa differenti minn dak tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat.

57

B’hekk, skont l-Artikolu 100(5), fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il‑Kummissjoni u l-Istat Membru, “il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-[seduta]”.

58

Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat fil-verżjoni tiegħu fil-lingwa Spanjola, “[f]l-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il‑Kummissjoni għandha, [...], jekk fi żmien tlett xhur ma jkun intlaħaq ebda qbil, [...] tiddeċiedi”.

59

Din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni ma kienet tipprovdi għall-ebda terminu li fih il‑Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha, iżda kienet tistabbilixxi biss terminu li fih il‑Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat kellhom jipprovaw jilħqu ftehim. L-ineżistenza ta’ terminu għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali ta’ korrezzjoni finanzjarja hija kkorroborata minn diversi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG).

60

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet obbligata li tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja f’terminu stabbilit.

61

Ir-Renju ta’ Spanja huwa tal-opinjoni li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli, peress li l-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda argument legali ta’ natura li jistabbilixxi li l-punti 22 sa 27 tas-sentenza appellata kienu jinkludi żball ta’ liġi, iżda sempliċiment tallega li hija ma kinitx obbligata li tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża f’ċertu terminu.

62

Skont dan l-Istat Membru, l-imsemmija parti hija fi kwalunkwe każ infondata.

63

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, din hija ineffettiva, peress li d-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa ġġustifikat sal-grad rikjest mil-liġi, u dan irripettivament minn jekk it-terminu applikabbli f’dan il-każ kienx dak ta’ tliet xhur previst mill-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat jew dak ta’ sitt xhur abbażi tal-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006. Barra minn hekk l-imsemmija parti ma hijiex fondata kif suppost.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Jeħtieġ li tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, it-tieni parti tal-ewwel aggravju marbuta mal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li, sa mis-sena 2000, il‑Kummissjoni kienet obbligata li tikkonforma ruħha ma ċerti terminu meta tiġi sabiex tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fil-qasam tal-fondi strutturali. L-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, marbuta mal-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi terminu, għandu jsir, jekk ikun xieraq, fit-tieni lok.

a) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

i) Fuq l-ammissibbiltà

65

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, hemm lok li titwarrab l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata f’dan ir-rigward mir-Renju ta’ Spanja.

66

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kritiċi tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu din it-talba b’mod speċifiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34; tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 15, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 49).

67

Madankollu, f’dan il-każ, il‑Kummissjoni ma tillimitax ruħha biss għal ripetizzjoni u għal riproduzzjoni testwali tal-aggravji u tal-argumenti li hija kienet ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda tikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmul mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

68

Fil-fatt, insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, il‑Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat id-dritt tal-Unjoni b’mod żbaljat meta kkunsidrat li dan tal-aħħar kien jipprevedi terminu li din l-istituzzjoni kienet obbligata li tosserva meta twettaq korrezzjoni finanzjarja u tindika, fir-rikors tal-appell tagħha, l-argumenti legali li hija tibbaża ruħha fuqhom f’dan ir-rigward.

69

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni hija ammissibbli.

ii) Fuq il-mertu

70

Fir-rigward tal-fondatezza tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li, għalkemm il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ sal-aħħar tas-sena 1999 ma kienet tistabbilixxi l-ebda terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni, għall-kuntrarju tali terminu legali huwa previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli sa mis-sena 2000 (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punti 75 sa 82; tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punti 75 sa 82; tat-22 ta’ Ottubru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑429/13 P, EU:C:2014:2310, punt 29; tal-4 ta’ Diċembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑513/13 P, EU:C:2014:2412, punt 36; tal-24 ta’ Ġunju 2015, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑549/12 P u C‑54/13 P, EU:C:2015:412, punt 81, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 50).

71

Fis-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑549/12 P u C‑54/13 P, EU:C:2015:412, punt 96), u tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 60), il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn dan ikklassifikat l-imsemmija ġurisprudenza bħala “stabbilita”.

72

Għaldaqstant, billi ddeċidiet, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja abbażi tal-fond ta’ koeżjoni kienet issubordinata, sa mis-sena 2000, għall-osservanza ta’ ċertu terminu, il-Qorti Ġenerali, mhux biss ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi, iżda ġustament applikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

73

Għandu jiġi speċifikat f’dan il-kuntest li l-argumenti invokati mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi kkontestata din il-ġurisprudenza ma jistgħux jintlaqgħu.

74

Fl-ewwel lok, hija irrelevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-regolarità formali ta’ deċiżjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, it-teżi tal-Kummissjoni li skontha, il-konstatazzjoni li, sa mis-sena 2000, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fil-qasam tal-fondi strutturali hija suġġetta għall-osservanza ta’ terminu legali mill-imsemmija istituzzjoni, hija kontradetta minn diversi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li Stati Membri differenti kienu siltu mill-fatt li, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata minn dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet eċċediet it-terminu previst għal dan l-għan.

75

Fil-fatt, minn naħa, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1988Id-Danimarka vs Il‑Kummissjoni (349/85, EU:C:1988:34, punt 19), tas-6 ta’ Ottubru 1993, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑55/91, EU:C:1993:832, punt 69), tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑50/94, EU:C:1996:266, punt 6), u tat-22 ta’ April 1999, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑28/94, EU:C:1999:191, punt 51), invokati mill-Kummissjoni, huma marbuta mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-FAEGG li b’hekk ma kienet tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tista’ titqies bħala paragunabbli mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-konstatazzjoni stabbilita fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

76

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni FAEGG li hija rilevanti fil-kawżi msemmija mill-Kummissjoni kienet applikabbli ferm qabel is-sena 2000, b’tali mod li s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’dawn il-kawżi bl-ebda mod ma jinċidu fuq il-ġurisprudenza li l-Kummissjoni tintendi li tikkontesta permezz tal-appell odjern.

77

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-digriet tat-22 ta’ Jannar 2010, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑43/09 P, li ma ġiex ippubblikat, EU:C:2010:36), li ġie wkoll invokat mill-Kummissjoni, ikun suffiċjenti li jingħad li la r-Regolament Nru 1386/2002 u lanqas ir-Regolament Nru 1083/2006 ma kienu applikabbli ratione temporis fil-kawża li kienet is-suġġett tal-imsemmi digriet.

78

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li t-teżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-kliem tal-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Spanjola, li skontu t-terminu ta’ tliet xhur hemm previst kien marbut mal-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet.

79

Issa, kif enfassizat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 52 u 53 tas-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑192/13 P, EU:C:2014:2156) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑197/13 P, EU:C:2014:2157), is-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ivarja skont il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din tal-aħħar, peress li jirriżulta mill-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din tal-aħħar li t-terminu ta’ tliet xhur previst minnha kien marbut mal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

80

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 55 ta’ dawn is-sentenzi, li, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-istess test li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu ivarjaw, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata mhux skont verżjoni lingwistika partikolari, iżda skont il-kuntest u l-finalità tal-leġiżlazzjoni li minnha din tifforma parti.

81

Barra minn hekk, kien biss wara analiżi sistematiku tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din tal-aħħar f’dan is-sens li, sa mis-sena 2000, il‑Kummissjoni hija obbligata li tosserva terminu legali sabiex tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punti 56 sa 82, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punti 56 sa 82).

82

Fit-tielet lok, jirriżulta li t-teżi difiża mill-Kummissjoni hija kuntradittorja.

83

Fil-fatt, din l-istituzzjoni stess, f’diversi okkażjonijiet passati, adottat approċċ għal kollox oppost meta mqabbel ma’ dak difiż minnha fil-kuntest tal-appell odjern.

84

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tirrileva fis-sentenzi tagħha tal‑4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 81) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 81), l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1386/2002, li skontu l-Kummissjoni stabbilixxiet il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat, jista’ jinftiehem biss bħala li jikkonferma l-eżistenza ta’ terminu legali għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

85

Barra minn hekk, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 83 ta’ dawn is-sentenzi, interpretazzjoni identika li tirriżulta mill-kliem użat mill-Kummissjoni stess fl-Avviż tagħha (2011) C 332/01 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea – sena finanzjarja 2010 (ĠU C 332, p. 1), li tindika, fil-paġna 63, li tirrigwarda l-implementazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji abbażi tal-politika ta’ koeżjoni, li, meta l-Istat Membru ma jaqbilx mal-korrezzjoni rikjesta jew proposta mill-Kummissjoni, wara proċedura kontradittorja formali mal-Istat Membru li tinkludi s-sospensjoni tal-ħlasijiet favur il-programm, “il‑Kummissjoni għandha tliet xhur mid-data tas-smigħ formali mal-Istat Membru (sitt xhur għall-programmi tal-2007-2013) sabiex tadotta deċiżjoni formali ta’ korrezzjoni finanzjarja u toħroġ ordni ta’ rkupru sabiex tikseb ħlas lura mill-Istat Membru”.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

87

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, din tikkonċerna essenzjalment il-punt dwar jekk, kif tikkonferma l-Kummissjoni, l-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat, fis-seħħ mill-2000 sal-2006, jirregolax il-proċedura applikabbli ratione temporis għad-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li l-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat applikat l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006 li jissostitwixxi r-Regolament Nru 1164/94 kif emendat.

88

F’dan ir-rigward, l-argument invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha ma huwiex fondat.

89

Hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li mill-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li l-Artikolu 100 ta’ dan tal-aħħar huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2007, inklużi għall-programmi approvati qabel din id-data, iżda li għadhom pendenti (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 98, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 98; tat-22 ta’ Ottubru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑429/13 P, EU:C:2014:2310, punt 31; tal-4 ta’ Diċembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑513/13 P, EU:C:2014:2412, punt 45; tal-24 ta’ Ġunju 2015, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑549/12 P u C‑54/13 P, EU:C:2015:412, punt 84, u tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 53).

90

Jeħtieġ li jiġi speċifikat f’dan il-kuntest li l-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 108 tal-imsemmi Regolament ma jħallu lok għal ebda dubju dwar is-sens u l-portata tiegħu. B’hekk, skont l-ewwel sentenza tiegħu, id-dispożizzjonijiet li huma hemm elenkati huma applikabbli sa mill-1 ta’ Awwissu 2006“biss għal programmi għall-perjodu 2007-2013”. Għall-kuntrarju, skont it-tieni sentenza tiegħu, “id-dispożizzjonijiet l-oħrajn għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2007”, mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra u, għaldaqstant, b’mod ġenerali.

91

Issa, fost id-“dispożizzjonijiet l-oħrajn”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006, hemm inkluż l-Artikolu 100 ta’ dan ir-Regolament, li bħala tali huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2007.

92

Tali applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 100, intitolat “Proċedura”, hija ġġustifkata iktar u iktar peress li hija konformi mal-prinċipju li r-regoli tal-proċedura huma applikabbli immedjatament (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 98, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 98).

93

Barra minn hekk, f’dan il-każ, ma jirriżulta minn ebda element tal-kawża li regola tad-dritt il-ġdid ġiet applikata għal sitwazzjoni legali li tirriżulta difinittivament taħt il-liġi l-antika. Għall-kuntrarju, il‑Kummissjoni ma bdietx il-proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja qabel data suċċessiva għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1083/2006 u s-seduta tal-partijiet saret kważi tlett snin u nofs wara d-data ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 100 tal-imsemmi Regolament.

94

Sa fejn il‑Kummissjoni tislet l-argument tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi sistema tranżitorja għall-fondi strutturali li ġew approvati abbażi ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni viġenti sal-31 ta’ Diċembru 2006, iżda li jkompli lil hinn minn dik id-data u li l-għeluq tagħhom kienet f’data ulterjuri.

95

Permezz ta’ dan, is-sistema tranżitorja prevista tirrigwarda regoli bażiċi applikabbli f’dan ir-rigward, kif jirriżulta barra minn hekk mill-użu tal-kliem “għajnuna” u “proġett” fl-imsemmi Artikolu 105, bl-istess mod bħall-kontenut tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan tal-aħħar, u mhux regoli ta’ natura proċedurali, li għalihom għandha tgħodd ir-regola ta’ prinċipju mfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza.

96

Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006 ma hijiex applikabbli għat-terminu tal-proċedura li l-Kummissjoni hija obbligata li tosserva meta tiġi sabiex tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ dan ir-Regolament.

97

Jeħtieġ li jiżdied ukoll li, mill-perspettiva kemm loġika kif ukoll prattika, ma jkun jagħmel l-ebda sens li l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006, li jobbliga lill-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha ta’ korrezzjoni finanzjarja fis-sitt xhur wara d-data tas-seduta, ikun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, iżda unikament għall-programmi tal-kampanja 2007‑2013, kif tippretendi l-Kummissjoni. Fil-fatt, għal din il-kampanja 2007-2013, il-kwistjoni tal-korrezzjoni finanzjarja qamet mhux mis-sena 2007, iżda biss diversi snin wara, waqt l-għeluq tal-proġetti. L-applikazzjoni ta’ din il-preskrizzjoni fil-qasam tat-terminu, kif stabbilita fl-Artikolu 100 tal-imsemmi Regolament, sa mill-bidu tas-sena 2007 b’hekk tipprovdi l-effett utli tagħha biss sa fejn din ir-regola tindirizza kampanja diġà pendenti f’din id-data.

98

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma wettwet l-ebda ksur tad-dritt tal-Unjoni meta, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, applikat l-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

99

Fi kwalunkwe każ, anki li kieku, kif issostni l-Kummissjoni, kienu applikabbli f’dan il-każ mhux id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006, iżda dawk tal-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat, moqri flimkien mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, huwa madankollu manifest li l-imsemmija istituzzjoni barra minn hekk ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżiti fil-qasam tat-terminu stabbiliti fl-aħħar tnejn minn dawk id-dispożizzjonijiet meta hija adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

100

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat, moqri flimkien mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, jipprevedi li, sabiex tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, il‑Kummissjoni hija obbligata li tosserva terminu ta’ tliet xhur mid-data tas-seduta (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑KummissjoniC‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punti 95102, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punti 95102).

101

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda u, b’hekk, l-ewwel aggravju huwa infondat fl-intier tiegħu.

B – Fuq it-tieni motiv

1. L-argumenti tal-partijiet

102

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il‑Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li t-terminu impost fuq din l-istituzzjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja huwa tassattiv u li l-inosservanza tiegħu tikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jwassal għall-invalidità ta’ deċiżjoni adottata wara l-skadenza ta’ dan it-terminu.

103

Il‑Kummissjoni tispeċifika li hija tinvoka dan aggravju biss b’mod sussidjarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jew tiċħad l-aggravju prinċipali tagħha, minħabba li din l-istituzzjoni għandha tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006, jew tikkondividi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, li dan ir-Regolament ma huwiex applikabbli ratione temporis, iżda tiddeċiedi xorta waħda li l-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 kif emendat jimponi terminu għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni.

104

F’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet possibbli, il‑Kummissjoni tikkontesta l-motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tan-natura tat-terminu impost fuq l-imsemmija istituzzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

105

Skont il‑Kummissjoni, il-punti 28, 30, 31 kif ukoll 33 sa 36 tas-sentenza appellata jiżvijaw mill-ġurisprudenza “tradizzjonali” tal-Qorti tal-Ġustizzja, li-Qorti Ġenerali kien preċedentement segwiet. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni tagħmel riferiment għal diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-qasam tal-FAEGG, li minnhom kien jirriżulta li ma kien jeżisti l-ebda terminu tassattiv għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni finanzjarja. Tali approċċ huwa koerenti mal-finalità essenzjali ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja li tikkonsisti fis-sorveljanza tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, peress li l‑Kummissjoni kienet obbligata li tiżgura li l-ispejjeż imwettqa f’dan il-kuntest huma konformi mad-dritt tal-Unjoni.

106

Il-fatt li ma ġiet prevista l-ebda sanzjoni f’każ ta’ inosservanza ta’ dan it-terminu għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex obbligatorju, iżda sempliċiment indikattiv.

107

Għaldaqstant, l-inosservanza tat-terminu ma taffettwax il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dment li l-Istat Membru ma jurix li d-dewmien li biha ttieħdet dik id-deċiżjoni ppreġudika l-interessi tiegħu. Issa, bħala regola ġenerali, id-dewmien ikun dovut għan-neċessità li jitkompla d-djalogu mal-Istat Membru kkonċernat u għall-komunikazzjoni, minn dawn tal-aħħar, ta’ informazzjoni ġdida wara li tkun saret is-seduta, b’tali mod li l-interessi tal-Istat Membru ikunu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni. F’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja ma kienx stabbilixxa kif l-inosservanza tat-terminu kien ikkawżalu preġudizzju u, fi kwalunkwe każ, il-perijodu li bih kien inqabeż it-terminu ma jistax jitqies bħala irraġonevoli.

108

Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, minħabba l-fatt li l‑Kummissjoni kienet addottatha wara l-iskadenza tat-terminu.

109

Ir-Renju ta’ Spanja jtenni li t-tieni aggravju invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

110

Sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ dan l-aggravju, ikklassifikat mill-Kummissjoni bħala sussidjarju, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għal raġunijiet identiċi għal dawk li jinsabu fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, l-argument li din l-istituzzjoni tintendi li tislet mis-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1988, Id-Danimarka vs Il‑Kummissjoni (349/85, EU:C:1988:34, punt 19), tas-6 ta’ Ottubru 1993, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑55/91, EU:C:1993:832, punt 69), tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑50/94, EU:C:1996:266, punt 6), u tat-22 ta’ April 1999, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑28/94, EU:C:1999:191, punt 51), huwa irrilevanti.

111

Għall-kumplament, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat prinċipji li jservu bħala bażi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif tirriżulta mis-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑192/13 P, EU:C:2014:2156) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑197/13 P, EU:C:2014:2157).

112

Din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata mhux biss fuq analiżi tas-sistema u tal-finalità tal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni fil-qasam tal-fondi strutturali (punti 56 sa 84 ta’ dawn is-sentenzi), iżda wkoll fuq kunsiderazzjonijiet oħra bħall-ġestjoni razzjonali u diliġenti tal-baġits kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri kif ukoll l-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri (punti 86 sa 88 tal-imsemmija sentenzi). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-interpretazzjoni li hija tat ma tista’ twassal għal ebda inkonvenjent ta’ natura prattika, peress li hija tagħti lill-Kummissjoni perijodu ta’ żmien suffiċjenti sabiex tadotta validament id-deċiżjoni tagħha (punt 85 tal-istess sentenzi).

113

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku tas-sanzjoni tal-inosservanza mill-Kummissjoni tat-terminu li huwa impost fuqha sabiex tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 102 tas-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑192/13 P, EU:C:2014:2156) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑197/13 P, EU:C:2014:2157), li, b’mod kuntrarju għal dak li kienet allegat il‑Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni ma tipprovdix espressament li f’każ ta’ inosservanza tat-terminu impost għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, il‑Kummissjoni ma tkunx tista’ iktar tadotta tali deċiżjoni huwa rrilevanti, peress li l-istabbiliment ta’ terminu li fil-kuntest tiegħu għandha tiġi adottata deċiżjoni ta’ din in-natura huwa fih innifsu suffiċjenti.

114

Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet, fil-punt 103 ta’ dawn is-sentenzi, billi enfasizzat li l-inosservanza tar-regoli proċedurali marbuta mal-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju tikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni, u li l-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni kontenzjuża fit-terminu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

115

Matul iż-żmien din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑429/13 P, EU:C:2014:2310), tal-4 ta’ Diċembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑513/13 P, EU:C:2014:2412), tal-24 ta’ Ġunju 2015, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, (C‑549/12 P u C‑54/13 P, EU:C:2015:412) kif ukoll tal-24 ta’ Ġunju 2015Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑263/13 P, EU:C:2015:415).

116

F’dan il-kuntest jeħtieġ li jiġi speċifikat li t-terminu inkwistjoni ġie stabbilit b’mod ċar u preċiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie previst mir-Regolament Nru 1303/2013, ir-Regolament Nru 1083/2006 ma jiħux kont f’dan ir-rigward tal-kontinwazzjoni tad-djalogu bejn il-partijiet wara s-seduta.

117

Issa, f’Unjoni ta’ dritt, huma l-qrati ta’ din tal-aħħar li għandhom jiżguraw l-osservanza ta’ tali regola ta’ natura ġenerali, fejn xieraq billi jiċċensuraw anki ex officio kull ksur ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali jipprekludu li terminu previst minn Regolament tal-Unjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jitqies li huwa biss ta’ natura indikattiva, b’tali mod li l-inosservanza ta’ tali terminu mill-awtur tal-att ma jkunx jinċidi fuq il-validità ta’ din tal-aħħar.

118

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam sabiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża għal ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, b’tali mod li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

119

Peress li ma seta’ jintlaqa’ l-ebda wieħed mill-aggravji tal-Kummissjoni, hemm lok, konsegwentement, li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VI – Fuq l-ispejjeż

120

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

121

Skont l-Artikolu 138 tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

122

Peress li l-Kummissjoni tilfet l-aggravji kollha tagħha u r-Renju ta’ Spanja għamel talba f’dan is-sens, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura.

123

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

124

Konsegwentement, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top