EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0015
Opinion of Advocate General Saugmandsgaard Øe delivered on 21 April 2016.#New Valmar BVBA v Global Pharmacies Partner Health Srl.#Request for a preliminary ruling from the Rechtbank van Koophandel te Gent.#Reference for a preliminary ruling — Free movement of goods — Prohibition of measures having equivalent effect to quantitative restrictions on exports — Article 35 TFEU — Company established in the Dutch-speaking region of the Kingdom of Belgium — Legislation requiring invoices to be drawn up in Dutch, failing which they are null and void — Cross-border concession agreement — Restriction — Justification — Disproportionate.#Case C-15/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati l-21 ta’ April 2016.
New Valmar BVBA vs Global Pharmacies Partner Health Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Rechtbank van Koophandel te Gent.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni – Artikolu 35 TFUE – Kumpannija stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju – Leġiżlazzjoni li timponi r-redazzjoni tal-fatturi bil-lingwa Olandiża taħt piena ta’ nullità assoluta – Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ natura transkonfinali – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Assenza ta’ proporzjonalità.
Kawża C-15/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati l-21 ta’ April 2016.
New Valmar BVBA vs Global Pharmacies Partner Health Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Rechtbank van Koophandel te Gent.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni – Artikolu 35 TFUE – Kumpannija stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju – Leġiżlazzjoni li timponi r-redazzjoni tal-fatturi bil-lingwa Olandiża taħt piena ta’ nullità assoluta – Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ natura transkonfinali – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Assenza ta’ proporzjonalità.
Kawża C-15/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:291
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fil-21 ta’ April 2016 ( 1 )
Kawża C‑15/15
New Valmar BVBA
vs
Global Pharmacies Partner Health Srl
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van koophandel te Gent (qorti tal-kummerċ ta’ Gent, il-Belġju)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 35 TFUE — Projbizzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni — Kumpannija stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju — Leġiżlazzjoni li timponi r-redazzjoni tal-fatturi bil-lingwa Olandiża taħt piena ta’ nullità assoluta — Kuntratt ta’ natura transkonfinali — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità”
I – Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van koophandel te Gent (qorti tal-kummerċ ta’ Gent, il-Belġju) tirrigwarda, skont il-formulazzjoni tad-domanda magħmula, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. |
2. |
Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali u, għaldaqstant, is-suġġett ta’ din id-domanda jaqgħu, fir-realtà, taħt il-moviment liberu tal-merkanzija, u b’mod iktar partikolari taħt il-projbizzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri li hija stipulata fl-Artikolu 35 TFUE. |
3. |
Fil-fatt, din id-domanda saret fil-kuntest ta’ kawża bejn kumpannija stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju u kumpannija stabbilita fl-Italja, fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ diversi fatturi minn din tal-aħħar, liema kumpannija hija marbuta mal-kumpannija Belġjana b’kuntratt ta’ konċessjoni. Il-fatturi inkwistjoni saru bil-lingwa Taljana, filwaqt li, skont il-qorti tar-rinviju, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana li tapplika għalihom, dawn il-fatturi kellhom jinkitbu esklużivament bil-lingwa Olandiża, taħt piena ta’ nullità li għandha titqajjem ex officio mill-qorti. |
4. |
Fid-dawl tas-sentenza Las ( 2 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ din l-istess leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti ta’ impjieg ma kinux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk din jistax ikollha effett dissważiv ukoll fil-konfront tal-kummerċ transkonfinali magħmul mill-kumpanniji Belġjani stabbiliti fir-reġjun ta’ Vlaanderen u tikkostitwixxix, konsegwentement, restrizzjoni pprojbita għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment. Fl-ipoteżi li dan ikun il-każ, hija tistaqsi, sussegwentement, jekk dawn il-miżuri possibbilment restrittivi jistgħux ikunu ġġustifikati minn għan wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali u, f’każ affermattiv, jekk dawn humiex proporzjonati jew le mal-għanijiet imfittxija. |
II – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
5. |
Il-Kostituzzjoni Belġjana ( 3 ) tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha, li “l-Belġju fih erba’ reġjuni lingwistiċi: ir-reġjun tal-lingwa Franċiża, ir-reġjun tal-lingwa Olandiża, ir-reġjun bilingwi ta’ Bruxelles-Capitale u r-reġjun tal-lingwa Ġermaniża”. |
6. |
Skont l-Artikolu 129(1)(3) tal-Kostituzzjoni, “[i]l-Parlamenti tal-Komunità Franċiża u tal-Komunità ta’ Vlaanderen, kull wieħed għal dak li jikkonċernah, għandhom jirregolaw b’digriet, u dan b’esklużjoni tal-leġiżlatur federali, l-użu tal-lingwi għal: [...] ir-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-persunal tagħhom, kif ukoll l-atti u d-dokumenti tal-impriżi imposti mil-liġi u r-regolamenti”. L-imsemmija Komunitajiet huma entitajiet federali tal-Istat Belġjan. |
7. |
Il-wetten op het gebruik van de talen in bestuurszaken (liġijiet dwar l-użu tal-lingwi fil-qasam amministrattiv) ( 4 ), jipprovdu fl-Artikolu 52(1) tagħhom, li “[g]ħall-atti u dokumenti imposti mil-liġi u mir-regolamenti […], l-impriżi industrijali, kummerċjali jew finanzjarji għandhom jużaw il-lingwa tar-reġjun fejn ikun jew ikunu stabbiliti s-sede jew id-diversi sede tal-operat tagħhom”. |
8. |
Fl-1973, ġie adottat Vlaamse Taaldecreet (digriet dwar l-użu tal-lingwi) mill-Parlement van de Vlaamse Gemeenschap (parlament tal-komunità ta’ Vlaanderen) ( 5 ) abbażi tal-Artikolu 129(1)(3) tal-Kostituzzjoni. |
9. |
Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmi digriet fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan l-istrument “japplika għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom is-sede tal-operat tagħhom fir-reġjun tal-lingwa Olandiża” u huwa “jirregola l-użu tal-lingwi fil-qasam tar-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema, kif ukoll fil-qasam tal-atti u ta’ dokumenti tal-impriża mitluba mil-liġi”. |
10. |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi digriet jispeċifika li “l-lingwa li għandha tintuża fir-relazzjonijiet soċjali bejn il- persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema, kif ukoll għall-atti u għad-dokumenti tal-impriżi mitluba mil-liġi, hija l-Olandiż”. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 iżid jgħid li “[g]ħandhom jiġu stabbiliti mill-persuna li timpjega bil-lingwa Olandiża l-atti u dokumenti kollha tal-persuni li jimpjegaw, mitluba mil-liġi […]” |
11. |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-istess digriet jipprovdi, bħala sanzjonijiet, li “d-dokumenti jew l-atti li jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet huma nulli. In-nullità tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti”. It-tieni u t-tielet paragrafi ta’ dan l-artikolu jipprovdu li “d-deċiżjoni għandha tordna s-sostituzzjoni ex officio tad-dokument inkwistjoni” u li “[l]-eliminazzjoni tan-nullità jkollha effett biss mill-ġurnata tas-sostituzzjoni: għal dokumenti bil-miktub b’effett mill-ġurnata tal-preżentata tad-dokumenti sostituti fir-reġistru tat-tribunal tal-impjieg”. |
12. |
Wara s-sentenza Las ( 6 ), ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmi digriet ġew emendati iżda b’effett mit-2 ta’ Mejju 2014 ( 7 ), u għaldaqstant wara l-fatti tal-kawża prinċipali, u biss fir-rigward tar-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema, li dawn ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża. |
III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13. |
Fit-12 ta’ Novembru 2010, New Valmar BVBA, li s-sede tagħha jinsab fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju, u Global Pharmacies Partner Health Srl (iktar ’il quddiem “GPPH”), kumpannija stabbilita fl-Italja, ikkonkludew kuntratt li kien jaħtar lil din tal-aħħar bħala konċessjonarja esklużiva ta’ New Valmar fit-territorju Taljan u li kellu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2014. |
14. |
Skont l-Artikolu 18 ta’ dan il-kuntratt ta’ konċessjoni, dan kien irregolat mid-dritt Taljan u l-qrati ta’ Gent (il-Belġju), kienu kompetenti biex jiddeċiedu l-eventwali kontestazzjonijiet bejn il-partijiet. |
15. |
B’ittra rreġistrata tad-29 ta’ Diċembru 2011, New Valmar itterminat dan il-kuntratt b’mod antiċipat, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2012. |
16. |
B’taħrika tat-30 ta’ Marzu 2012, New Valmar talbet lir-rechtbank van koophandel te Gent (qorti tal-kummerċ ta’ Gent) sabiex tikkundanna lil GPPH tħallasha l-ammont ta’ madwar EUR 234192 abbażi ta’ diversi fatturi mhux imħallsa. |
17. |
GPPH ippreżentat kontrotalba sabiex New Valmar tkun ikkundannata tħallas kumpens ta’ EUR 1467448 għal terminazzjoni abbużiva tal-kuntratt ta’ konċessjoni tagħhom. |
18. |
Biex topponi għat-talba prinċipali, GPPH eċċepiet in-nullità tal-fatturi inkwistjoni, minħabba li, għalkemm kienu “atti u dokumenti mitluba mil-liġi u mir-regolamenti” fis-sens tal-liġijiet ikkoordinati u tad-digriet ta’ Vlaanderen fuq l-użu tal-lingwi, dawn il-fatturi kienu jiksru r-regoli ta’ ordni pubbliku li jinsabu f’din il-leġiżlazzjoni. |
19. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, ħlief għall-informazzjoni dwar l-identità ta’ New Valmar, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u dwar il-bank, l-informazzjoni standard u l-kundizzjonijiet ġenerali li jinsabu fuq dawn il-fatturi nkitbu b’lingwa li hija differenti minn dik Olandiża, jiġifieri t-Taljan, filwaqt li New Valmar kienet stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju. |
20. |
Fl-14 ta’ Jannar 2014, u għaldaqstant matul il-proċedura, New Valmar bagħtet lil GPPH traduzzjoni bl-Olandiż tal-fatturi inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li tali traduzzjoni ma għandhiex il-valur ta’ “sostituzzjoni” prevista mil-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen u li l-fatturi inkwistjoni huma u jibqgħu vvizzjati b’nullità assoluta skont id-dritt Belġjan. |
21. |
New Valmar ma tikkontestax li l-fatturi inkwistjoni ma josservawx l-imsemmija leġiżlazzjoni. Madankollu, hija ssostni, b’mod partikolari, li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 26(2), u l-Artikoli 34 u 35 TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. |
22. |
F’dan il-kuntest, permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2014, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2015, ir-rechtbank van koophandel te Gent (qorti tal-kummerċ ta’ Gent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħal f’dan il-każ il-Komunità Fjamminga [ta’ Vlaanderen] tal-Istat Federali Belġjan (Vlaamse Gemeenschap in de federale Staat België), li timponi fuq kull impriża li jkollha s-sede tal-operat tagħha fit-territorju ta’ din l-entità, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tal-Liġijiet [ikkoordinati] u tal-Artikolu 10 ta[d-digriet ta’ Vlaanderen fuq l-użu tal-lingwi] meħuda flimkien, li tirrediġi l-fatturi ta’ natura transkonfinali bil-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federali biss, taħt piena ta’ nullità tal-fatturi, liema nullità għandha titqajjem ex officio mill-qorti?” |
23. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn New Valmar, mill-Gvern Belġjan u dak Litwan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2016, New Valmar, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati. |
IV – Analiżi
A – Fuq il-portata tad-domanda preliminari
24. |
Qabel ma nittratta l-mertu ta’ din id-domanda preliminari, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-fondatezza tad-domanda magħmula, u dan minn diversi aspetti, meħud kont tad-dubji li ħarġu fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
1. Fuq id-dritt applikabbli għall-kawża prinċipali
25. |
Peress li l-kawża prinċipali għandha natura transkonfinali, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan li jissemmew mill-qorti tar-rinviju huma verament intiżi li japplikaw għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif dik il-qorti qiegħda tippreżumi. Il-problema tal-kunflitti tal-liġijiet ġiet diskussa sew mill-Kummissjoni, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija direttament fuq dan is-suġġett, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt ta’ konċessjoni ffirmat mill-partijiet f’din il-kawża kien jipprovdi espressament li l-imsemmi kuntratt kien suġġett għad-dritt Taljan, u mhux għad-dritt Belġjan li huwa s-suġġett tad-domanda preliminari. |
26. |
Issa, fil-qasam kuntrattwali, l-għażla tal-liġi applikabbli li ssir mill-partijiet għandha, fil-prinċipju, tiġi rrispettata mill-qorti, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 ( 8 ). Madankollu, il-prinċipju fundamentali tal-awtonomija tal-volontà ( 9 ) huwa suġġett għal ċerti temperamenti, b’mod partikolari minħabba l-intervent possibbli ta’ dispożizzjonijiet internazzjonalment imperattivi, magħrufa bħala “regoli mandatorji”, taħt il-kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, u dan filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-użu ta’ tali deroga għandu jkun irriżervat għal “ċirkostanzi eċċezzjonali” ( 10 ). |
27. |
F’dan il-każ, huwa possibbli li l-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen tkun tapplika fil-kawża prinċipali minkejja l-għażla tad-dritt Taljan magħmula mill-partijiet kontraenti, u għaldaqstant ma jidhirx b’mod manifest li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha natura ipotetika ( 11 ), sakemm il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen li hija ser tapplika tikkostitwixxi “dispożizzjoni obbligatorja prevalenti” [regola mandatorja] fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I ( 12 ), u dan għandu jiġi stabbilit in concreto minn din il-qorti. |
28. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 9 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “dispożizzjoni obbligatorja prevalenti” [regola mandatarja] bħala li hija “dispożizzjoni[...] li r-rispett tagħh[a] huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu”. Peress li din id-definizzjoni ma hijiex suffiċjenti minnha nnifisha biex jiġu identifikati liema huma r-regoli nazzjonali – fost dawk kollha li għandhom natura imperattiva – li jaqgħu effettivament taħt l-imsemmi kunċett, il-qrati tal-Istati Membri huma obbligati jindikaw għal liema raġunijiet l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija meħtieġa fil-każ konkret, bi prevalenza fuq id-dritt ta’ pajjiż ieħor ( 13 ). Biex jagħmlu din il-klassifikazzjoni, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni lista’ sħiħa ta’ kriterji oġġettivi, u dan kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fir-rigward ta’ strument li minnu ħareġ ir-Regolament Ruma I ( 14 ). |
2. Fuq il-kontenut tal-leġiżlazzjoni lingwistika kkonċernata
29. |
Jekk jittieħed bħala aċċettat li l-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen għandha tapplika fil-kawża prinċipali, wieħed għandu jistaqsi mbagħad dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ, fid-dawl tad-differenzi li jistgħu jiġu identifikati bejn il-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li saret fid-deċiżjoni tar-rinviju u dik li toħroġ mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Belġjan. |
30. |
Fil-fatt, dan il-gvern jafferma, b’kuntrast ma’ dak li jidher li taċċetta l-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen ma timponix obbligu legali la li jissemmew fuq il-fattura l-kundizzjonijiet tal-fattura jew il-kundizzjonijiet tal‑bejgħ u lanqas li dawn l-istess kundizzjonijiet jissemmew hemmhekk bil-lingwa Olandiża. Huwa jsostni li huma biss l-indikazzjonijiet li huma mitlubin mil-leġiżlazzjoni tal-VAT ( 15 ) li għandhom jitniżżlu bilfors bl-Olandiż, u dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-digriet ta’ Vlaanderen fuq l-użu tal-lingwi ( 16 ). Issa, skont dan il-gvern, ikun sempliċi ħafna għall-klijent li jifhem din l-informazzjoni li fil-parti l-kbira tagħha ssir f’forma ta’ numri jew, jekk meħtieġ, li jikkonsulta traduzzjoni ta’ dawn l-indikazzjonijiet obbligatorji bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea, peress li huma jikkorrispondu għal dawk li jinsabu mniżżla b’mod armonizzat fl-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE ( 17 ). |
31. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju jkun ikkontestat minn waħda mill-partijiet fil-proċedura preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tippreżentalha, b’mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li din tal-aħħar tqis bħala stabbiliti, peress li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir biss mill-qrati tal-Istati Membri ( 18 ). Konsegwentement, irrispettivament mill-kritika tal-gvern Belġjan fil-konfront tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt kif ingħatat minn din il-qorti tal-aħħar ( 19 ). |
32. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-waqt tad-deċiżjoni fuq ir-rinviju preliminari tista’, jekk ikun meħtieġ, tagħmel preċiżazzjonijiet li jkunu intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni li hija tagħti lil-leġiżlazzjoni domestika u fl-evalwazzjoni tagħha tal-konformità ta’ din tal-aħħar mad-dritt tal-Unjoni ( 20 ). F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, ikun l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika b’mod iktar preċiż sa fejn il-leġiżlazzjoni lingwistika kkonċernata timponi realment li l-indikazzjonijiet kollha li jkunu jinsabu fuq il-fatturi maħruġa minn kumpannija li jkollha s-sede tagħha fir-Reġjun ta’ Vlaanderen ikunu fformulati esklużivament bil-lingwa Olandiża. |
3. Fuq il-formulazzjoni mill-ġdid tad-domanda preliminari
a) Fuq in-neċessità ta’ formulazzjoni mill-ġdid
33. |
Skont id-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, li jipprovdi għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. Madankollu, jidhirli evidenti li dan kien żball materjali, x’aktarx marbut mal-fatt li s-sentenza Las ( 21 ), preċedent fil-ġurisprudenza li ssemmiet ħafna fid-deċiżjoni tar-rinviju, kienet tirrigwarda l-imsemmi artikolu. |
34. |
Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li l-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li tirrigwarda r-relazzjonijiet ta’ natura kummerċjali adottati bejn kumpannija Belġjana u kumpannija Taljana, fejn ebda element mill-proċess ma jippermetti li din il-kawża titqies li tirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema. |
35. |
L-iżball ta’ referenza hekk irrilevata ma jistax madankollu jwassal għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif jallega prinċipalment il-Gvern Belġjan. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha l-possibbiltà li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha ( 22 ). |
36. |
F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha toħroġ, mill-kumpless ta’ elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni invista tas-suġġett tal-kawża ( 23 ). Issa, mill-motivi tad-deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li r-rikorrenti prinċipali, New Valmar, invokat prinċipalment nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija mal-Artikolu 26(2), kif ukoll mal-Artikoli 34 u 35 TFUE u li, sussidjarjament, hija talbet lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari preċiżament fuq is-suġġett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. |
37. |
L-istess bħal dawk kollha ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet, jiġifieri New Valmar, il-Gvern Belġjan – b’mod sussidjarju –, il-Gvern Litwan kif ukoll il-Kummissjoni, jiena tal-fehma għaldaqstant li d-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda fir-realtà l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, u b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 35 ta’ dan it-Trattat, għar-raġunijiet li jien sejjer biex nesponi. |
b) Fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati
i) L-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE
38. |
Għalkemm New Valmar tinvoka fl-istess waqt l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-Artikoli 34 u 35 TFUE, jidhirli madankollu li hija biss din l-aħħar dispożizzjoni li tikkorrispondi direttament mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għandha, għaldaqstant, tagħti lok għal interpretazzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
39. |
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kawża, dwar il-ħlas ta’ fatturi li nkitbu bil-lingwa Taljana u mhux bil-lingwa Olandiża, taqa’ taħt il-kuntest ta’ kunsinni ta’ merkanzija magħmulin minn konċedent stabbilit fil-Belġju lil konċessjonarju stabbilit l-Italja. Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda għaldaqstant, fis-sustanza, il-punt dwar jekk ir-rekwiżiti lingwistiċi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni interna msemmija mill-qorti tar-rinviju jistgħux jillimitaw tali esportazzjonijiet intra-Komunitarji ta’ oġġetti li joriġinaw mill-Belġju. |
40. |
Issa, l-Artikolu 26(2) TFUE sempliċement isemmi b’mod ġenerali l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fi ħdan is-suq intern. Fir-rigward tal-Artikolu 34 TFUE, dan jirrigwarda l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u mhux dawk relatati mal-esportazzjoni bejn l-Istati Membri, li huma pprojbiti mill-Artikolu 35 TFUE. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dan l-aħħar artikolu li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata, u dan kif argumentat il-Kummissjoni. |
ii) L-effett eventwali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112
41. |
Il-Gvern Belġjan biss isostni li l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-miżuri nazzjonali kkonċernati għandha tkun evalwata esklużivament fid-dawl tar-regoli tad-dritt sekondarju applikabbli fil-qasam tal-VAT, u b’mod speċjali tad-Direttiva 2006/12, minħabba li r-regoli tad-dritt primarju ma jistgħux ikunu n-norma ta’ riferiment ladarba teżisti armonizzazzjoni sħiħa f’dak li jikkonċerna l-kontenut tal-fatturi ( 24 ). |
42. |
Huwa jsostni li l-Artikolu 248a ta’ din id-direttiva ( 25 ) jippermetti lill-Istati Membri jimponu, fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom, li l-fatturi maħruġin f’kuntest transkonfinali jiġu fformulati b’lingwa li hija differenti minn dik tad-destinatarju. Skont dan il-gvern, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 jimplikaw ukoll li l-fatturi jsiru, bħala regola ġenerali, bil-lingwa tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-impriża li toħroġ il-fattura peress li, kieku dan ma kienx il-każ, il-possibbiltà prevista fl-imsemmi Artikolu 248a li tintalab traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-oġġetti, tas-servizzi jew tal-fattura tisfa’ allura fix-xejn ( 26 ). |
43. |
Madankollu, l-istess bħal dawk kollha kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet waqt is-seduta, jiġifieri New Valmar u l-Kummissjoni, jien ma naqbilx mal-analiżi tal-Gvern Belġjan, u dan għar-raġunijiet li ġejjin. |
44. |
L-ewwel nett, infakkar li l-armonizzazzjoni mwettqa b’mod progressiv ( 27 ) mid-direttivi li kienu ġew sussegwentement adottati fil-qasam tal-VAT ma hijiex kompluta, iżda biss parzjali f’dan l-istadju, u dan kif irrilevat ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja ( 28 ). |
45. |
Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-“kontenut tal-fatturi” mitlub għall-iskopijiet tal-VAT mid-Direttiva 2006/112, huwa minnu li t-Taqsima 4 li għandha dan it-titolu u li tinsab fil-Kapitolu 3, li jirrigwarda l-“fatturazzjoni”, fiha dispożizzjonijiet li jwasslu għall-armonizzazzjoni f’dan il-qasam, b’mod partikolari, billi telenka lista ta’ indikazzjonijiet obbligatorji u billi tneħħi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jitolbu l-firma tal-fatturi ( 29 ). Madankollu, din l-armonizzazzjoni tirrigwarda biss il-portata tal-fatturi, u mhux il-modalitajiet prattiċi li bihom dawn għandhom jinkitbu ( 30 ). B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Taqsima 4 imkien ma jiddefinixxu b’mod vinkolanti liema lingwa għandha tintuża f’dak il-kuntest. Barra minn hekk, ma hemmx dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva 2006/112 li jifformulaw rekwiżiti lingwistiċi armonizzati fil-qasam tal-fatturazzjoni. |
46. |
F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-Artikolu 248a tad-Direttiva 2006/112 għandu portata ħafna iktar limitata minn dik li l-Gvern Belġjan jixtieq jagħtih. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma hija intiża li tippermetti lill-Istati Membri kollha jeżiġu b’mod ġenerali l-użu ta’ lingwa preċiża meta jinkitbu l-fatturi, u b’mod partikolari mhux neċessarjament il-lingwa tal-Istat Membru fejn tkun inħarġet il-fattura, kif isostni l-Gvern Belġjan. |
47. |
L-imsemmi Artikolu 248a jipprovdi biss possibbiltà, mhux obbligu, għall-Istat Membru tad-destinazzjoni li jeżiġi sempliċi traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali tiegħu, mhux li tinkiteb il-fattura stess b’dik il-lingwa ( 31 ), u dan biss jekk jidhirlu neċessarju “għal finijiet ta’ kontroll” ta’ fatturi li jinħażnu b’mod elettroniku fi Stat Membru ieħor, mhux b’mod sistematiku ( 32 ). Dan l-artikolu jeskludi anki espressament li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jkun jista’ jimponi obbligu ġenerali ta’ traduzzjoni tal-fatturi għal dawn l-iskopijiet ( 33 ), peress li huwa magħruf li t-traduzzjoni obbligatorja tal-fatturi “joħloq piż konsiderevoli fuq in-negozji” kif dan ġie ġustament irrilevat matul ix-xogħlijiet leġiżlattivi li wasslu għall-inklużjoni tal-imsemmi artikolu fid-Direttiva 2006/112 ( 34 ). |
48. |
Fid-dawl tan-natura derogatorja ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-portata ġenerali tad-Direttiva 2006/112, l-applikazzjoni tagħha għandha tinftiehem b’mod strett, peress li l-prinċipju huwa u għandu jibqa’ dak ta’ għażla libera tal-lingwa mill-partijiet għar-relazzjoni ekonomika li tagħti lok għal fattura transkonfinali, u dan kif enfasizzatu l-Kummissjoni waqt is-seduta ( 35 ). |
49. |
Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni li ssir b’mod eżawrjenti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fil-qasam li huwa s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri għal dak li jikkonċerna s-sistema lingwistika li għandha tkun osservata meta jinkitbu l-fatturi transkonfinali, jeħtieġ fil-fehma tiegħi li d-domanda magħmula tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li hija tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 TFUE ( 36 ). |
B – Fuq il-kompatibbiltà ta ’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 35 TFUE
50. |
Fis-sustanza, id-domanda preliminari, kif ifformulata mill-ġdid, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-miżuri nazzjonali bħalma huma dawk inkwistjoni għandhomx l-effett li jirrestrinġu l-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 35 TFUE, u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk tali miżuri jistgħux madankollu jitqiesu li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni peress li jkunu ġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali u li huma jkunu proporzjonati ma’ dawk l-għanijiet. |
51. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-punt dwar jekk il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Las ( 37 ), li skontha d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet soċjali tal-istess leġiżlazzjoni lingwistika bħal dik li hija inkwistjoni hawnhekk ma kinux kompatibbli mal-moviment liberu tal-ħaddiema ( 38 ), tistax tkun trasposta fil-kuntest ta’ din il-kawża, li twassal biex l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi eżaminata fid-dawl, din id-darba, tal-moviment liberu tal-merkanzija. |
1. Fuq l-eżistenza ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 35 TFUE
a) Fuq it-tagħlim li għandu jinstilet mis-sentenza Las
52. |
L-istess bħall-kawża li wasslet għas-sentenza Las ( 39 ), din il-kawża tirrigwarda, fis-sustanza, l-eventwali nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni li tapplika fi Stat Membru li tipprovdi li, meta impriżi li jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ entità federali ta’ dan l-Istat, f’dan il-każ ir-Reġjun ta’ Vlaanderen tar-Renju tal-Belġju, joħolqu ċerti dokumenti, huma għandhom neċessarjament, taħt piena ta’ nullità li għandha titqajjem ex officio mill-qorti, jużaw il-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità, jiġifieri l-lingwa Olandiża, u dan minkejja li dawn id-dokumenti jinkitbu fil-kuntest ta’ kummerċ transkonfinali u li l-partijiet ikkonċernati jkunu reċiprokament jistgħu jinftiehmu aħjar billi jużaw lingwa oħra. |
53. |
Fis-sentenza Las, biex iddeċidiet li tali leġiżlazzjoni setgħat ikollha effett dissważiv għall-ħaddiema u l-persuni li jimpjegaw li ma jitkellmux bl-Olandiż li ġejjin minn Stati Membri oħra u kienet tikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 45 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li tali miżura, anki jekk kienet applikabbli mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, setgħat tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, u dan peress li kienet biss il-lingwa Olandiża li kienet awtentika fir‑rigward tal-kuntratti ta’ impjieg transkonfinali konklużi minn persuni li jimpjegaw stabbiliti fir-Reġjun ta’ Vlaanderen ( 40 ). |
54. |
Dan ir-raġunament ma jistax jiġi traspost awtomatikament għal dan il-każ, peress li l-eżami ta’ konformità li kien sar mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE ma huwiex totalment identiku għall-analiżi li għandha ssir fid-dawl tal-Artikolu 35 TFUE, li jipprojbixxi l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, li huma hekk ikklassifikati skont kriterji li joħorġu mill-ġurisprudenza xi ftit differenti minn dawn li japplikaw għall-moviment liberu tal-ħaddiema. |
55. |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri pprojbiti skont l-Artikolu 35 TFUE huma dawk “li għandhom bħala għan jew effett li jillimitaw speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni u li jistabbilixx[u] wkoll trattament differenti bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tiegħu, b’mod li jagħti vantaġġ partikolari lill-produzzjoni nazzjonali jew lis-suq domestiku tal-Istat ikkonċernat, bi preġudizzju għall-produzzjoni jew għall-kummerċ ta’ Stati Membri oħra” ( 41 ). |
56. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja taffiet dan l-approċċ, f’kuntest li jixbah lil dak ta’ din il-kawża, fejn żiedet tgħid li “anke jekk [leġiżlazzjoni nazzjonali] hija applikabbli għall-operaturi kollha attivi fuq territorju nazzjonali”, hija tista’ tkun ikklassifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni sakemm jiġi kkonstatat li dik il-leġiżlazzjoni “madankollu taffettwa iktar il-prodotti ħerġin mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni milli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq domestiku tal-imsemmi Stat Membru” ( 42 ). |
57. |
Huma dawn il-kriterji li jeħtieġ li jiġu implementati f’dan il-każ biex jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni lingwistika kkonċernata tistax tkun tikkostitwixxi miżura restrittiva li hija pprojbita taħt l-Artikolu 35 TFUE. |
b) Fuq il-klassifikazzjoni ta’ miżuri restrittivi f’din il-kawża
58. |
Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ssemmi diversi elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment previsti mit-Trattat. B’kuntrast mal-Gvern Belġjan, New Valmar u l-Kummissjoni jinvokaw ukoll serje ta’ argumenti favur dan l-approċċ kritiku ( 43 ), li jiena nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tadottah, u dan għar-raġunijiet li ġejjin. |
59. |
Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, ċertament, applikabbli mingħajr ebda distinzjoni, mingħajr kunsiderazzjoni tan-nazzjonalità tal-partijiet interessati jew ukoll tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija, peress li hija torbot lill-impriżi kollha li għandhom is-sede tagħhom fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju. Madankollu, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni diretta ma huwiex element suffiċjenti minnu nnifsu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq, li taċċetta li l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Artikolu 35 TFUE jistgħu kultant ikunu sodisfatti minkejja din il-konstatazzjoni ( 44 ). Issa, nikkunsidra li, skont il-kriterji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza, il-leġiżlazzjoni lingwistika bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa iktar l-esportazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat milli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq nazzjonali. |
60. |
Fil-fatt, hawnhekk fil-fehma tiegħi jqumu problemi prattiċi b’ħafna iktar saħħa fil-kuntest tal-kummerċ transkonfinali milli fil-kuntest tal-kummerċ intern, minħabba l-fatt li r-redazzjoni tal-fatturi bl-Olandiż hija obbligatorja. Il-fatt li ma huwiex permess l-użu ta’ verżjoni oħra li tkun awtentika, u li jkollha għaldaqstant is-saħħa obbligatorja, li tkun ifformulata bil-lingwa magħżula b’mod liberu mill-partijiet ikkonċernati għandu bħala inkonvenjent prinċipali li jipprekludi lil dawn tal-aħħar milli jagħżlu lingwa li huma jifhmu t-tnejn li huma, u b’mod partikolari lingwa ta’ użu iktar kurrenti fil-kummerċ internazzjonali. |
61. |
F’dak li jirrigwarda d-destinatarju ta’ dik il-fattura, il-qorti tar-rinviju tinnota ġustament li dan malajr ser isib ruħu f’diffikultajiet biex jifhem, ħlief jekk huwa jitkellem l-Olandiż, ħaġa li evidentement hija ħafna inqas probabbli jekk il-persuna ikkonċernata hija stabbilita fi Stat Membru ieħor ( 45 ) milli kieku hija tirrisjedi fil-Belġju, fejn l-Olandiż hija waħda mil-lingwi uffiċjali ( 46 ). |
62. |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan, jikkontesta li x-xerrej li ma jifhimx fattura miktuba bil-lingwa Olandiża jkollu l-possibbiltà, minn naħa waħda, li jeżiġi mill-ewwel traduzzjoni u, min-naħa l-oħra, li jikkontesta din il-fattura f’każ ta’ dubju. Madankollu, nikkunsidra li l-piż li jirrappreżenta pass wieħed jew l-ieħor għal xerrej medju jista’ jiskoraġġih milli jikkonkludi kuntratt ma’ impriża stabbilita fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, jekk huwa jirnexxilu jsir jaf b’din id-diffikultà qabel l-iffirmar tal-kuntratt, jew, tal-inqas, li jagħmel negozju mill-ġdid ma’ dik l-impriża, jekk huwa jsir jaf biss wara li t-tranżazzjoni tagħhom tintemm. |
63. |
Fir-rigward tal-persuna li tibgħat ta’ fattura miktuba b’lingwa imposta, il-Kummissjoni tirrileva ġustament li din tirriskja min-naħa tagħha li tkun iktar esposta, f’dan il-kuntest, għal nuqqasijiet ta’ ħlas minħabba n-nuqqas ta’ komprensjoni, reali jew pretiża, li tista’ tiġi invokata mill-parti kontraenti barranija, kif jidher li jaċċetta, wara kollox, il-Gvern Belġjan. Dan huwa preċiżament dak li ġara f’dan il-każ, peress li l-kumpannija Taljana li hija potenzjalment debitriċi tal-fatturi inkwistjoni qiegħda tipprevalixxi ruħha mil-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen, skont proċess li jidhirli li huwa paradossali ( 47 ) imma li madankollu jista’ jwassal għal riżultat favur tagħha tal-proċedura mibdija minn New Valmar. |
64. |
Min-naħa tiegħu, il-Gvern Belġjan isostni li l-qorti tar-rinviju hija żbaljata meta tinvoka ż-żmien mitluf u l-ispejjeż inerenti għat-traduzzjoni tal-fatturi bl-Olandiż f’lingwa li tinftiehem mid-destinatarju tagħha, u dan minħabba li dan huwa kważi inevitabbli fil-kummerċ internazzjonali u li dan il-piż jaqa’ fuq l-impriżi ta’ Vlaanderen anki jekk huma jistgħu jiktbu l-fatturi tagħhom bil-lingwa barranija tal-għażla tagħhom. Madankollu, dan ma huwiex il-każ għall-esportaturi li jkollhom riżorsi interni li jippermettulhom jużaw direttament, jiġifieri mingħajr spejjeż ta’ traduzzjoni, lingwa li huma jitkellmu speċifikament ( 48 ). Bl-impożizzjoni tal-użu tal-lingwa Olandiża, il-leġiżlazzjoni kkonċernata tiġġenera, għaldaqstant, għall-impriżi msemmija li jixtiequ jidħlu għal bejgħ transkonfinali, spejjeż ta’ traduzzjoni li altrimenti ma kinux ikunu meħtieġa. |
65. |
Anki kieku kellu jirriżulta li, kif isostni l-Gvern Belġjan, ir-rekwiżiti li joħorġu mil-leġiżlazzjoni kkonċernata ma jimponux monolingwiżmu totali imma huma limitati għall-indikazzjonijiet obbligatorji li jirrigwardaw il-VAT, fi kwalunkwe każ, l-eventwali bilingwiżmu li jiġi impost jirrappreżenta mill-ewwel irbit materjali wisq kbir fil-fehma tiegħi, u dan b’mod iktar partikolari fil-kuntest tal-kummerċ internazzjonali. Fil-fatt, l-obbligu biex il-fatturi jinkitbu jekk ikun il-każ f’żewġ lingwi, jiġifieri l-Olandiż għal ċerti indikazzjonijiet obbligatorji – skont l-indikazzjonijiet mogħtija minn dan il-gvern – u b’lingwa oħra magħżula mill-partijiet għall-indikazzjonijiet l-oħra, jikkostitwixxi, fil-prattika, proċess diffiċli għall-impriżi Belġjani li jesportaw, speċjalment meta huma jagħmlu dan fuq skala kbira u jimmultiplikaw, għaldaqstant, il-fatturi li jkunu ddestinati għad-diversi msieħba barranin. |
66. |
Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni msemmija tipproduċi effett dissważiv fir-rigward tal-kummerċ intra-Komunitarju, mhux biss għall-impriżi li għandhom is-sede tagħhom fir-Reġjun ta’ Vlaanderen li jkunu jixtiequ jesportaw il-merkanzija tagħhom lejn Stati Membri oħra, kif issostni New Valmar, imma wkoll għall-kumpanniji barranin li jkunu jixtiequ jikkonkludu tranżazzjoni ma’ dawn l-impriżi imma li jistgħu jkunu mwaqqfa mill-inċertezza relatata mal-kunsinna, minħabba l-fatt tar-redazzjoni obbligatorja tal-fatturi bil-lingwa Olandiża. Inżid ngħid li hemm inċertezza legali kbira li toħroġ minn dawn il-miżuri nazzjonali għaż-żewġ partijiet ukoll fir-rigward tas-sanzjonijiet radikali li huma previsti fihom ( 49 ), inċertezza li hija, fil-fehma tiegħi, partikolarment perċepibbli meta l-partijiet ikunu għażlu, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, li għall-kuntratt tagħhom tkun tapplika leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. |
67. |
Biex jikkontesta din l-analiżi, il-Gvern Belġjan isostni wkoll li, għalkemm tirrigwarda l-istess leġiżlazzjoni lingwistika, din il-kawża għandha tkun distinta minn dik li wasslet għas-sentenza Las ( 50 ), minħabba li l-kawża prinċipali hawnhekk ma għandhiex rabta diretta mal-konklużjoni tal-kuntratt iffirmat mill-partijiet peress li għandha bħala suġġett fatturi u peress li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma affettwatx il-libertà tagħhom biex jagħżlu l-lingwa li biha dawn kitbu l-kuntratt tagħhom. |
68. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika ġustament li l-fatturi inkwistjoni jirrappreżentaw il-konferma ta’ krediti li jirriżultaw minn kuntratt preċedenti ( 51 ) u li tali leġiżlazzjoni tista’ tipprekludi lill-kontraenti milli jiftiehmu b’mod faċli u korrett fil-kuntest ta’ ftehim ta’ ħlas magħmul b’eżekuzzjoni tal-kuntratt tagħhom. Għaldaqstant, f’dan il-każ teżisti relazzjoni stretta bejn dawn il-fatturi u l-implementazzjoni tal-kuntratt li minnu joħorġu. Iktar minn hekk, il-fatturi jistgħu wkoll jiġġeneraw huma stess obbligi legali li jiżdiedu ma’ dawk li jitnisslu minn dan il-kuntratt ( 52 ). Barra minn hekk, ma huwiex rari li relazzjonijiet kummerċjali jikkonkretizzaw ruħhom bir-redazzjoni ta’ fattura, mingħajr ebda kuntratt bil-miktub ma jippreċediha. F’dawn iż-żewġ każijiet imsemmija, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi inkontestabbilment il-lingwa li biha jsir l-iskambju tal-kunsens. FL-aħħar nett, nenfasizza li minkejja l-fatt li din il-leġiżlazzjoni ma għandhiex bħala suġġett li tirregola r-redazzjoni tal-kuntratti nfushom, hija tista’ verament ikollha bħala effett, kif urejt ( 53 ), li twaqqaf il-konkretizzazzjoni jew ir-ripetizzjoni ta’ ftehim kummerċjali ma’ persuni stabbiliti fi Stat Membru ieħor. |
69. |
Meħud kont tal-kumpless ta’ dawn l-elementi, jidhirli li tali miżuri nazzjonali għandhom fil-fatt impatt dirett fuq it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni ma taqax, fil-fehma tiegħi, taħt il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tendenza tirrifjuta li tiddikjara bħala li tikser id-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali meta “l-effetti restrittivi [li din] tista’ tipproduċi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija huma inċerti u indiretti wisq sabiex [hija] tkun tista’ titqies li hija ta’ natura li tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 54 ). F’dan ir-rigward, nirrileva, minn naħa, li l-effett restrittiv ikkunsidrat f’dan il-każ jiddependi mhux minn xi ġrajja futura u ipotetika, imma minn sempliċi eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu tal-merkanzija, u min-naħa l-oħra, li huwa irrilevanti x’portata jista’ jkollu fil-prattika l-imsemmi effett peress li kull ostakolu, anki żgħir, għal din il-libertà huwa pprojbit ( 55 ). |
70. |
Għaldaqstant, nikkunsidra li leġiżlazzjoni lingwistika bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi l-użu ta’ lingwa uffiċjali partikolari għar-redazzjoni tal-fatturi tagħha minn kull impriża stabbilita f’wieħed mill-entitajiet federali tal-Istat Membru kkonċernat, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 35 TFUE. Jibqa’ biex jiġi stabbilit jekk tali leġiżlazzjoni tistax madankollu tkun iġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 56 ). |
2. Fuq l-eventwali ġustifikazzjoni ta’ miżuri restrittivi bħalma huma dawk inkwistjoni
71. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet ta’ moviment previsti mit-Trattat imma li tfittex għan ta’ interess ġenerali tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dak l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu ( 57 ). |
a) Fuq l-għanijiet ta’ interessi ġenerali invokati
72. |
Miżura nazzjonali li, għalkemm tapplika mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati jew tal-oriġini tal-prodotti, titqies li hija ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, tista’ madankollu tiġi ddikjarata konformi mad-dritt tal-Unjoni, jew għax hija tkun iġġustifikata b’waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE u tosserva r-rekwiżiti li jinsabu hemmhekk ( 58 ), jew għax hija tosserva r-rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali li ġew aċċettati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li tkun xierqa li tilħaq l-għan imfittex u li tkun proporzjonata għall-istess għan ( 59 ). |
73. |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kategorija ta’ eċċezzjonijiet, anki jekk il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi l-Artikolu 36 TFUE fir-risposta mogħtija lid-domanda preliminari, ebda wieħed mill-motivi ta’ ġustifikazzjoni elenkati f’din id-dispożizzjoni ma ġie invokat espressament, u, mill-bqija, ma jidhirli li japplika sostanzjalment f’din il-kawża. |
74. |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni kategorija ta’ eċċezzjonijiet, hija biss il-Kummissjoni li tikkontempla l-possibbiltà li tibbaża l-leġittimazzjoni ta’ miżuri restrittivi bħalma huma dawk ikkontemplati hawnhekk fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi ( 60 ). Madankollu, hija stess issostni, ġustament, li dan l-għan ta’ interess ġenerali ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ, bħala motiv li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda żewġ kontraenti professjonali kontra xulxin, u dan mingħajr impatt dirett fuq il-konsumaturi. |
75. |
Għaldaqstant, il-problema li tqum prinċipalment hija biex jiġi stabbilit jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn il-ġustifikazzjonijiet li kienu aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Las ( 61 ), fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen li kienu dak iż-żmien applikabbli għar-relazzjonijiet soċjali, jistgħux ikunu estiżi għal din il-kawża. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tliet għanijiet li kienu invokati mill-Gvern Belġjan – jiġifieri l-promozzjoni u l-istimulazzjoni tal-użu ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Renju tal-Belġju, li tiġi żgurata l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, kif ukoll li jiġu ffaċilitati l-kontrolli amministrattivi relatati – jinsabu fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali rikonoxxuti mit-trattat. |
76. |
L-ewwel wieħed minn dawn it-tliet motivi tressaq ukoll f’din il-kawża mill-Gvern Belġjan, li jargumenta li l-leġiżlazzjoni kkonċernata tirrispondi għan-neċessità li wieħed jiddefendi l-użu tal-lingwa uffiċjali tar-Reġjun ta’ Vlaanderen. Nikkonferma li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-promozzjoni u l-istimulazzjoni tal-użu ta’ lingwa waħda jew lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru jikkostitwixxu għan leġittimu tali li jiġġustifika, fil-prinċipju, restrizzjoni fuq l-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni ( 62 ). Dan japplika b’mod partikolari għall-projbizzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni li hija prevista fl-Artikolu 35 TFUE. Meħud kont tal-funzjonijiet speċifiċi li huma ssodisfatti, mhux biss fl-isfera kummerċjali imma wkoll fl-isfera pubblika, mid-dokumenti uffiċjali bħalma huma l-fatturi ( 63 ), miżura bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhirli li hija potenzjalment xierqa biex tippreżerva l-użu kurrenti ta’ din it-tali lingwa f’dawn id-diversi oqsma, u dan kif jenfasizza l-Gvern Litwan ( 64 ). |
77. |
Fit-tieni lok, skont il-Gvern Belġjan, il-fatt li jkun mitlub l-użu tal-lingwa Olandiża għar-redazzjoni ta’ dawn id-dokumenti imposti mil-liġi jiggarantixxi l-ħeffa u l-effikaċja tal-kontrolli li jsiru mid-dipartimenti kompetenti fil-qasam tal-VAT. New Valmar tikkontesta dan l-argument, u dan b’kuntrast mal-Gvern Litwan. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ripetutament li l-għan li jkunu ffaċilitati u għaldaqstant li jissaħħu l-kontrolli amministrattivi jew fiskali jista’ jiġġustifika r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat ( 65 ). Issa, leġiżlazzjoni lingwistika bħalma hija dik ikkontemplata hawnhekk tista’, b’mod assolut, tgħin lill-awtoritajiet inkarigati li jwettqu l-kontrolli fuq id-dokumenti tal-impriża ( 66 ) u, għaldaqstant, li tiggarantixxi l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt domestiku u tad-dritt tal-Unjoni, speċjalment fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta ( 67 ). |
78. |
Dawn iż-żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ġew fil-fehma tiegħi invokati tajjeb mill-Gvern Belġjan bħala ġustifikazzjoni potenzjali tal-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija li jidhirli li seħħet, iżda jibqa’ madankollu li jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fid-dawl tas-sanzjonijiet li hija tipprevedi, hijiex proporzjonata meta mqabbla mal-imsemmija għanijiet. Issa, jiena nikkunsidra li dan il-kriterju ta’ proporzjonalità ma huwiex issodisfatt f’din il-kawża. |
b) Fuq l-isproporzjon tal-mezzi użati
i) Fuq it-tagħlim li għandu jinstilet mis-sentenza Las
79. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta fin-negattiv li kienet ingħatat minħabba n-nuqqas ta’ proporzjonalità fl-imsemmija sentenza Las ( 68 ), fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni lingwistika inkwistjoni hawnhekk li kienu japplikaw għar-relazzjonijiet soċjali, tistax tkun trasposta għal din il-kawża, peress li b’mod partikolari s-sistema ta’ sanzjonijiet li wieħed jinkorri f’każ ta’ ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri n-nullità assoluta li għandha titressaq ex officio mill-qorti ( 69 ), hija simili għall-fatturi inkwistjoni. |
80. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-motivi li jirrigwardaw l-istħarriġ tal-proporzjonalità li ġew adottati fis-sentenza Las ( 70 ), għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-każ. Jien bi ħsiebni nifformula xi osservazzjonijiet fuq dan is-suġġett, u dan meħud kont tad-differenzi rrilevati bejn il-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija u din preżenti. |
81. |
Fil-fatt, l-ewwel wieħed mill-motivi fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja kien jirrigwarda l-fatt li l-formazzjoni ta’ kunsens liberu u ċar bejn il-partijiet jeħtieġ li dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-kuntratt tagħhom b’lingwa li hija differenti mil-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru meta huma ma jifhmux l-imsemmija lingwa. Huwa possibbli li wieħed jistaqsi jekk dan il-fattur ta’ evalwazzjoni huwiex inqas determinanti fir-rigward tal-kawża prinċipali li tirrigwarda hawnhekk mhux il-konklużjoni ta’ kuntratt bħala tali ( 71 ) imma r-redazzjoni ta’ fatturi, li huma skritturi imposti mil-liġi u għaldaqstant mhux esklużivament konsenswali, anki jekk dawn jidħlu fil-kuntest tal-kummerċ. Madankollu, infakkar li indipendentement mill-kuntratt inizjali li tiegħu dawn jiżguraw l-eżekuzzjoni, il-fatturi jistgħu jipproduċu l-effetti legali tagħhom stess fil-konfront tal-partijiet jew iservu huma stess ta’ sostenn għall-qbil tal-volontajiet li jsawwar ir-relazzjoni kuntrattwali ( 72 ). |
82. |
It-tieni wieħed minn dawn il-motivi kien ibbażat fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kinitx tippermetti li ssir verżjoni li tkun awtentika tal-kuntratti ta’ impjieg transkonfinali anki b’lingwa magħrufa mill-partijiet ikkonċernati kollha. In-natura deċiżiva ta’ dan il-motiv f’din il-kawża qajjem dubju wkoll, inkwantu l-Gvern Belġjan jafferma, b’kuntrast mad-deċiżjoni tar-rinviju, li l-użu obbligatorju tal-lingwa Olandiża huwa hawnhekk limitat biss għall-indikazzjonijiet legali li jirrigwardaw il-VAT, u ma huwiex intiż għall-elementi kollha l-oħra tal-fatturi, fosthom dawk li huma ta’ natura kuntrattwali ( 73 ). Ċertament li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk dan huwiex minnu fir-rigward tad-dritt Belġjan ( 74 ), iżda, sabiex tiġi koperta l-ipoteżi fejn dan ikun verament il-każ, jidhirli li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda preliminari li tieħu inkunsiderazzjoni l-inċertezza eżistenti anki fir-rigward tal-portata tal-limitazzjonijiet lingwistiċi imposti f’dan il-każ. |
83. |
Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma, l-istess bħal New Valmar, bħall-Gvern Litwan u bħall-Kummissjoni, li leġiżlazzjoni lingwistika bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni inkwantu hija teċċedi l-miżuri strettament neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija iktar ’il fuq ( 75 ), kemm mill-angolu tal-post li huwa rriżervat għal-lingwa kkonċernata u kif ukoll mill-angolu tas-sanzjoni applikata f’każ ta’ ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
ii) Fuq l-użu esklużiv ta’ lingwa uffiċjali partikolari
84. |
Jidhirli li l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati, jiġifieri l-promozzjoni ta’ lingwa uffiċjali u l-faċilitazzjoni tal-kontrolli, jistgħu jkunu ggarantiti wkoll b’miżuri li huma ta’ inqas preġudizzju għall-moviment liberu tal-merkanzija mill‑fatt li jiġi impost l-użu, fid-dokumenti tal-impriża bħalma huma l-fatturi, ta’ lingwa predeterminata, bl-esklużjoni ta’ kull lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri tal-Unjoni. |
85. |
Nippreċiża li, jekk wieħed jippreżumi li huwa minnu li dan l-obbligu huwa limitat għall-indikazzjonijiet legali li jirrigwardaw il-VAT kif ġie allegat mill-Gvern Belġjan, il-pożizzjoni tiegħi tibqa’ l-istess, u dan għar-raġunijiet prattiċi li jiena indikajt preċedentement ( 76 ) kif ukoll għal dawk li ġejjin. |
86. |
L-ewwel nett, ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-obbligu li jinħarġu l-fatturi għandu bħala għanijiet ( 77 ) mhux biss li jissalvagwarda l-interessi pubbliċi, liema interessi jiġġustifikaw fost l-oħrajn l-eżerċizzju tal-kontrolli amministrattivi jew fiskali mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, imma wkoll li jipproteġi l-interessi privati, b’mod partikolari dawk tax-xerrej li għandu jkun informat b’mod ċar fuq il-kontenut tal-kunsinna, żewġ kategoriji ta’ interessi li jeħtieġ li jiġu debitament ibbilanċjati sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejniethom. Għaldaqstant, meta leġiżlazzjoni teżiġi li fattura tkun ifformulata b’lingwa partikolari, dan huwa fil-fehma tiegħi primordjali għad-destinatarju, li ma jkunx jaf dik il-lingwa, li jkollu l-possibbiltà li jibbenefika minn verżjoni oħra awtentika, sabiex ikun jista’ b’mod iktar faċli jifhem l-informazzjoni li jkun hemm f’din il-fattura ( 78 ) u għaldaqstant li jiżgura ruħu li l-bejjiegħ josservalu l-obbligi kuntrattwali tiegħu. |
87. |
Ma’ dawn jiżdiedu kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw it-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kummerċ internazzjonali, li fir-rigward tagħhom jista’ jkun meħtieġ li jittaffew il-piżijiet legali, f’dan il-każ lingwistiċi, sabiex ma jitwaqqafx esaġeratament il-kummerċ transkonfinali. Kif isostnu l-Gvern Litwan u l-Kummissjoni, jeżistu, f’dan il-kuntest partikolari, diffikultajiet speċifiċi, bħalma huma dawk ġustament deskritti minn New Valmar ( 79 ), u użanzi kummerċjali ( 80 ), li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm jista’ jkun possibbli sabiex jiġu ffavoriti dawn it-tip ta’ tranżazzjonijiet, b’mod iktar partikolari fi ħdan l-Unjoni ( 81 ). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu speċjalment għall-informazzjoni msemmija fuq il-fatturi li jaqgħu taħt il-libertà kuntrattwali, bħalma huma l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, iżda fil-fehma tiegħi jkun utli wkoll, ossija indispensabbli, li dawn l-indikazzjonijiet obbligatorji, bħalma huma dawk li jirrigwardaw il-VAT imsemmija mill-Gvern Belġjan, ikunu jistgħu jinftiehmu wkoll mill-partijiet kollha fir-relazzjoni ekonomika transkonfinali. |
88. |
Regoli lingwistiċi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhirli li jeċċedu dak li huwa strettament neċessarju għall-promozzjoni tal-użu tal-lingwa Olandiża u biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu l-verifika tal-indikazzjonijiet utli. Fil-fehma tiegħi, ikun suffiċjenti, fil-prattika, li jintalab li, meta l-partijiet ikkonċernati jkunu jixtiequ jirrediġu fatturi b’lingwa oħra, issir traduzzjoni għall-Olandiż biss tal-indikazzjonijiet legali jew, jekk ikun il-każ, issir traduzzjoni a posteriori jekk tali verżjoni ma tkunx ġiet ippreżentata direttament matul il-kontroll. |
89. |
F’dan ir-rigward, infakkar, l-ewwel nett, li fil-qasam tal-VAT, id-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva 2006/112 jippermettu biss lill-Istati Membri ta’ destinazzjoni li jeżiġu traduzzjoni ta’ ċerti fatturi fformulati b’lingwa barranija, meta din tkun neċessarja għall-iskopijiet ta’ kontroll ( 82 ). |
90. |
Barra minn hekk, hemm metodi alternattivi, ibbażati fuq dispożizzjonijiet oħra li huma applikabbli wkoll fit-territorju Belġjan li jikkonfortawni f’din l-opinjoni. Minn naħa, dawn huma dispożizzjonijiet ekwivalenti, imma mhux identiċi, għal dawk inkwistjoni hawnhekk li ġew adottati mill-Komunità Franċiża tar-Renju tal-Belġju, li minnhom jirriżulta li d-dokumenti tal-impriża bħalma huma l-fatturi li jsiru minn persuni li għandhom is-sede tagħhom fir-reġjun ta’ lingwa Franċiża għandhom fil-prinċipju jinkitbu bil-Franċiż, imma “mingħajr preġudizzju għall-użu komplementari tal-lingwa magħżula mill-partijiet” ( 83 ). Tali possibbiltà ta’ użu addizzjonali ta’ lingwa barra dik tal-imsemmi reġjun, lingwa magħżula mill-partijiet ikkonċernati u għaldaqstant li tista’ tkun magħrufa aħjar mill-Franċiż minnhom kollha, tikkostitwixxi miżura inqas restrittiva minn dik tal-impożizzjoni tal-użu esklużiv ta’ lingwa partikolari fit-tranżazzjonijiet kummerċjali ( 84 ). |
91. |
Min-naħa l-oħra, il-Komunità ta’ Vlaanderen stess emendat, fl‑2014, id-digriet dwar l-użu tal-lingwi msemmi iktar ’il fuq ( 85 ) b’mod li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol huma inqas limitattivi minn kif kienu fiż-żmien tal-kawża li wasslet għas-sentenza Las ( 86 ). Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) ta’ dan id-digriet għadu jipprovdi li l-użu tal-lingwa Olandiża huwa l-prinċipju fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, iżda l-paragrafu 2 tiegħu jippermetti llum-il ġurnata, għall-“kuntratti ta’ impjieg individwali”, li “verżjoni li għandha saħħa ta’ liġi [ssir] f’waħda mil-lingwi [uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] li tinftiehem mill-partijiet ikkonċernati kollha”, bil-kundizzjoni li jkunu sodisfatti ċerti kriterji ta’ konnessjoni ma’ dawk it-territorji ( 87 ). |
92. |
Miżuri lingwistiċi simili għal xi wieħed jew ieħor minn dawn il-metodi, li t-tnejn huma inqas restrittivi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li huma xierqa sabiex jiggarantixxu l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati mill-Gvern Belġjan, jistgħu fil-fehma tiegħi jkunu adottati wkoll fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
iii) Fuq is-sanzjoni mġarrba u l-konsegwenzi prattiċi tagħha
93. |
Biex jikkontesta l-ilment dwar in-nuqqas ta’ proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni lingwistika kkonċernata, il-Gvern Belġjan jsostni li s-sanzjoni imposta f’każ ta’ ksur, jiġifieri n-nullità li għandha titqajjem ex officio mill-qorti, għandha impatt iżgħar f’din il-kawża minn dik li wasslet għas-sentenza Las ( 88 ). Huwa jsostni li, b’kuntrast mal-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża tal-aħħar, fejn il-kuntratt ta’ impjieg li ma kienx miktub bil-lingwa Olandiża kellu jiġi annullat, f’dan il-każ, hija biss il-validità tal-fatturi inkwistjoni li tista’ tkun affettwata, u mhux dik tal-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejn il-partijiet ikkonċernati. Issa, peress li l-fatturi ma jagħmlux ħlief li jikkonfermaw krediti li jirriżultaw minn ftehim konkluż bejn il-partijiet, il-konstatazzjoni tan-nullità tagħhom ma jipprekludix l-irkupru ta’ dawn il-krediti u, fuq kollox, is-sostituzzjoni tad-dokumenti irregolari b’fatturi validi ġodda tkun possibbli. |
94. |
New Valmar tirribatti li, anki jekk l-impatt tan-nullità huwa mtaffi mill-fakultà mogħtija lill-bejjiegħ biex joħroġ il-fatturi sostituti matul it-tilwima, l-effetti pożittivi ta’ dan it-temperament għandhom biss, madankollu, natura teoretika. Skont din il-kumpannija, il-fatt li jkollhom jingħataw fatturi ġodda lid-debitur, u mhux kopji bil-lingwa Olandiża tal-fatturi oriġinali, jkollu diversi konsegwenzi negattivi. Minn naħa waħda, fuq livell fiskali, l-eżenzjoni tal-VAT prevista għall-kunsinni intra-Komunitarji ma taħdimx għall-fatturi sostituttivi peress li din l-eżenzjoni tista’ tapplika biss fil-mument li fih l-oġġetti joħorġu ’l barra mit-territorju nazzjonali, u mhux b’mod differenti. Min-naħa l-oħra, fuq livell ċivili, l-interessi moratorji li jkunu dovuti lill-bejjiegħ fuq il-fatturi dovuti b’effett biss mid-data tas-sostituzzjoni, filwaqt li debitur li ma jkunx ikkontesta l-fatturi oriġinali fit-terminu impost mil-liġi jibqagħlu dejjem il-possibbiltà li jressaq ilment fil-konfront tal-fatturi sostituttivi ( 89 ). |
95. |
Fil-fehma tiegħi, is-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex indispensabbli biex jitwettqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati mill-Gvern Belġjan, peress li l-fatt li jiġu annullati l-fatturi li ma jkunux inkitbu bil-lingwa Olandiża ma jikkontribwixxix direttament la għall-promozzjoni ta’ din il-lingwa u lanqas għall-faċilitazzjoni tal-kontrolli amministrattivi jew fiskali bħala tali. Barra minn hekk, dawn is-sanzjonijiet ta’ natura drastika huma, fil-fehma tiegħi, manifestament eċċessivi. |
96. |
Kif enfasizzaw il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni, in-nullità assoluta, li tinvolvi t-telf ab initio tal-effetti ġuridiċi ta’ dawn il-fatturi u għandha tiġi rrilevata ex officio mill-qorti, tista’ tikkostitwixxi sors ta’ inċertezza legali kunsiderevoli għaż-żewġ partijiet fir-relazzjoni ekonomika kkonċernata, ħaġa li hija ta’ preġudizzju għall-kummerċ transkonfinali, minkejja li din għandu jiġi nkoraġġut skont id-dritt tal-Unjoni. |
97. |
Din il-konstatazzjoni jidhirli li tista’ sseħħ prinċipalment għall-bejjiegħ. Fid-dawl tal-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż a priori li, minħabba l-obbligu tal-produzzjoni ta’ fattura sostituttiva bil-lingwa Olandiża, dan tal-aħħar isib ruħu ffaċċjat mhux biss b’kumplikazzjonijiet fil-qasam tal-VAT, jew b’telf ta’ interessi moratorji marbutin mal-fattura oriġinali, imma wkoll bi kwistjonijiet ta’ preskrizzjoni li jirrigwardaw il-ħruġ tal-fattura l-ġdida, u dan kif tallega New Valmar ( 90 ). Barra minn hekk, l-impriża li tkun ħarġet fatturi miktuba b’lingwa differenti minn dik imposta tista’ tkun esposta, bħalma ġara fil-każ tal-kawża prinċipali, għal kontestazzjoni purament opportunista tal-validità ta’ dawn id-dokumenti li jikkonstataw id-drittijiet ta’ kreditu tagħha ( 91 ). Barra minn hekk, jidhirli li d-destinatarju tal-fatturi irregolari jista’ wkoll ikun ippenalizzat b’din is-sistema ta’ sanzjonijiet, anki jekk fuq skala iżgħar, inkwantu l-fatturi annullati jistgħu jitilfu l-valur probatorju tagħhom kollu jew parti minnu ( 92 ). |
98. |
Anki jekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dawn il-konsegwenzi negattivi potenzjali seħħewx effettivament f’dan il-każ, fid-dawl tad-dritt applikabbli għall-kawża prinċipali, jidhirli li, fi kwalunkwe każ, il-metodi magħżula mil-leġiżlazzjoni lingwistika kkonċernata huma assolutament eċċessivi. Fil-fatt, biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, huwa possibbli, fil-fehma tiegħi, li jintużaw sanzjonijiet inqas restrittivi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. |
99. |
Fid-dawl tal-kumpless ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra li l-Artikolu 35 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq kull impriża li għandha s-sede tal-operat tagħha fit-territorju ta’ dik l-entità li tirrediġi l-fatturi ta’ natura transkonfinali, tal-inqas għal ċerti mill-indikazzjonijiet obbligatorji tagħhom jekk mhux fl-intier tagħhom ( 93 ), esklużivament bil-lingwa uffiċjali ta’ dik l-entità federali taħt piena ta’ nullità li għandha tiġi rrilevata ex officio mill-qorti. |
V – Konklużjoni
100. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mir-rechtbank van koophandel te Gent (qorti tal-kummerċ ta’ Gent, il-Belġju) bil-mod kif ġej: L-Artikolu 35 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq kull impriża li għandha s-sede tal-operat tagħha fit-territorju ta’ dik l-entità li tirrediġi l-fatturi ta’ natura transkonfinali, anki jekk għal ċerti mill-indikazzjonijiet obbligatorji tagħhom biss, esklużivament bil-lingwa uffiċjali ta’ dik l-entità federali taħt piena ta’ nullità li għandha tiġi rrilevata ex officio mill-qorti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federattiva ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-persuni kollha li jimpjegaw li jkollhom is-sede tal-operat tagħhom fit-territorju ta’ din l-entità sabiex jużaw biss il-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federattiva għar-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-kuntratti kkonstatata ex officio mill-qorti”.
( 3 ) Gecoördineerde Grondwet (Constitution coordonnée), tas-17 ta’ Frar 1994 (Belgisch Staatsblad, 17 ta’ Frar 1994, p. 4054).
( 4 ) Liġijiet ikkoordinati bil-koninklijk besluit (digriet irjali), tat-18 ta’ Lulju 1966 (Belgisch Staatsblad, 2 ta’ Awwissu 1966, p. 7799, iktar ’il quddiem il-“liġijiet ikkoordinati”).
( 5 ) Decreet tot regeling van het gebruik van de talen voor de sociale betrekkingen tussen de werkgevers en de werknemers, alsmede van de voor de wet en de verordeningen voorgeschreven akten en bescheiden van de ondernemingen (digriet li jirregola l-użu tal-lingwi fil-qasam tar-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema, kif ukoll fil-qasam tal-atti u dokumenti tal-impriża imposti mil-liġi u mir-regolamenti), tad-19 ta’ Lulju 1973 (Belgisch Staatsblad, 6 ta’ Settembru 1973, p. 10089, iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ Vlaanderen fuq l-użu tal-lingwi”).
( 6 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 7 ) Ara decreet tot wijziging van artikel 1, 2, 4, 5, 12 en 16 van het decreet van 19 juli 1973 tot regeling van het gebruik van de talen voor de sociale betrekkingen tussen de werkgevers en de werknemers, alsmede van de door de wet en de verordeningen voorgeschreven akten en bescheiden van de ondernemingen (id-digriet, li jemenda l-Artikoli 1, 2, 4, 5, 12 u 16 tad-digriet tad-19 ta’ Lulju 1973, imsemmi iktar ’il fuq), tal-14 ta’ Marzu 2014 (Belgisch Staatsblad, 22 ta’ April 2014, p. 34371), li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Mejju 2014. Fuq dan is-suġġett, ara wkoll il-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 8 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), li, skont l-Artikolu 28 tiegħu, għandu japplika għall-kuntratti li, bħal fil-kawża prinċipali, ġew konklużi wara s‑17 ta’ Diċembru 2009.
( 9 ) Prinċipju mfakkar b’mod partikolari fil-premessa 11 tar-Regolament Ruma I.
( 10 ) Ara l-premessa 37 tar-Regolament Ruma I.
( 11 ) Skont ir-rekwiżiti ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 28 et seq).
( 12 ) Il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 9 jagħmlu distinzjoni bejn l-effett potenzjali tar-regoli mandatorji tal-Istat Membru fil-post tas-sede tal-qorti adita u dak tar-regoli mandatorji tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt.
( 13 ) F’dan ir-rigward, ara, b’mod partikolari, Nuyts, A., “Les lois de police et dispositions impératives dans le Règlement Rome I”, Revue de droit commercial belge, 2009, Nru 6, p. 553 et seq, punt 10.
( 14 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punti 47 u 50), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fuq is-suġġett tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tad-19 ta’ Ġunju 1980, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (ĠU 2005, C 169, p. 10), li “[g]ħalhekk hija l-qorti nazzjonali li għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar in-natura ta’ ‘regola mandatarja’ tal-liġi nazzjonali li hija jkollha l-intenzjoni li tapplika minflok dik magħżula espressament mill-partijiet kontraenti, li tieħu kont mhux biss tat-termini preċiżi ta’ dik il-liġi iżda wkoll tal-istruttura ġenerali u taċ-ċirkustanzi kollha li fihom l-imsemmija liġi ġiet adottata sabiex minn dan tkun tista’ tiddeduċi li hija ta’ natura imperattiva, sa fejn ikun jidher li l-leġiżlatur nazzjonali adotta din tal-aħħar bil-għan li jipproteġi interess meqjus bħala essenzjali mill-Istat Membru kkonċernat”. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:301, punti 30 et seq).
( 15 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jirreferi għal-lista ta’ indikazzjonijiet obbligatorji fl-Artikolu 5 tal-koninklijk besluit nr. 1 met betrekking tot de regeling voor de voldoening van de belasting over de toegevoegde waarde (Digriet Irjali Nru 1 dwar il-miżuri intiżi li jiżguraw il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud), tad-29 ta’ Diċembru 1992 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 1992, p. 27976), artikolu emendat l-aħħar bid-digriet irjali tad-19 ta’ Diċembru 2012 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 2012, p. 88559).
( 16 ) Għalkemm il-limitazzjoni għall-indikazzjonijiet obbligatorji tal-fatturi biss tidher relattivament ċara fir-rigward tal-liġijiet ikkoordinati, teżisti kwistjoni, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-digriet ta’ Vlaanderen fuq l-użu tal-lingwi (ara, b’mod partikolari, Gosselin, F., “Le régime linguistique de la facture”, f’La facture et autres documents équivalents, taħt id-direzzjoni ta’ Ballon, G.‑L., u Dirix, E., Kluwer, Waterloo, 2011, punti 171 et seq kif ukoll il-punti 203 et seq).
( 17 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat-13 ta’ Lulju 2010, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni (ĠU 2010, L 189, p. 1)
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Kaba (C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 41); tal-1 ta’ Ġunju 2006, Innoventif (C‑453/04, EU:C:2006:361, punt 29), kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerdin (C‑447/08 u C‑448/08, EU:C:2010:415, punt 54).
( 19 ) Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 38).
( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C‑284/06, EU:C:2008:365, punt 39); tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 49); kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punti 59 et seq).
( 21 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual et (C‑509/14, EU:C:2015:781, punt 22) kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, Viamar (C‑402/14, EU:C:2015:830, punt 29).
( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Doc Generici (C‑452/14, EU:C:2015:644, punti 33 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jinvoka s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 64), li skontha “kull miżura nazzjonali f’settur li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti f’livell Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux tat-Trattat”. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid tgħid madankollu, li “l-poter mogħti lill-Istati Membri b[id-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju msemmi f’dik il-kawża] għandu jiġi eżerċitat fl-osservanza tat-Trattat, kif hemm espressament stabbilit f’din id-dispożizzjoni” u li “ma teskludix il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 28 KE sa 30 KE” (ara l-punt 65).
( 25 ) Dan l-Artikolu 248a, kif jirriżulta mid-Direttiva 2010/45, huwa fformulat kif ġej: “[g]ħal finijiet ta’ kontroll, u fir-rigward ta’ fatturi ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi forniti fit-territorju tagħhom u fatturi riċevuti minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu, għal ċerti persuni taxxabbli jew ċerti każijiet, jitolbu traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu rekwiżit ġenerali li l-fatturi jiġu tradotti”.
( 26 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan sostna li l-fatt li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana tista’ għaldaqstant, taħt ċerti kundizzjonijiet, teżiġi traduzzjoni ta’ fattura magħmula bil-lingwa Olandiża ma għandux sens, fil-fehma tiegħu, ħlief jekk wieħed jaċċetta t-teżi li dan il-gvern jiddefendi li skontu huwa possibbli li jintalab li l-fattura ssir, mill-kummerċjant, b’lingwa differenti minn dik tad-destinatarju.
( 27 ) Il-premessa 6 tad-Direttiva 2006/112 tippreċiża li “[h]u meħtieġ li l-progress isir fi stadji, minħabba li l-armonizazzjoni tat-taxxi fuq il-bejgħ twassal għal tibdil fl-istruttura tat-taxxa fl-Istati Membri u konsegwenzi notevoli fl-oqsma ta’ l-estimi, ekonomiċi u soċjali”.
( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, VDP Dental Laboratory et (C‑144/13, C‑154/13 u C‑160/13, EU:C:2015:116, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Ara, rispettivament, l-Artikoli 226 u 229 tad-Direttiva 2006/112.
( 30 ) Fl-osservazzjonijiet orali tagħha, il-Kummissjoni indikat li s-sistema Komunitarja tal-VAT ġiet armonizzata biss fil-partijiet fejn kien assolutament neċessarju sabiex tiggarantixxi n-newtralità tal-pressjoni fiskali fuq l-attivitajiet ekonomiċi kollha li huma suġġetti għall-VAT.
( 31 ) F’dan is-sens, fuq is-suġġett tas-Sitt Direttiva tal-VAT (Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) li kienet is-suġġett ta’ reviżjoni permezz tad-Direttiva 2006/112, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Stadeco (C‑566/07, EU:C:2009:380, punt 33), li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, lil liema Stat Membru hija dovuta l-VAT indikata fuq il-fattura inkwistjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, “il-lingwa tal-kitba”, li skont il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx, għalhekk, predeterminata b’applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.
( 32 ) Dan l-għan preċiż jitfakkar fil-premessa 46 tad-Direttiva 2006/112.
( 33 ) Fl-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 248a, hemm ipprovdut li r-rekwiżit ta’ tali traduzzjoni jista’ jikkonċerna biss ċerti fatturi partikolari (“għal ċerti persuni taxxabbli jew ċerti każijiet”). Barra minn hekk, l-aħħar sentenza ta’ dan l-artikolu tinsisti fuq il-projbizzjoni ta’ kull ġeneralizzazzjoni.
( 34 ) Ara l-punt 3.6 tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU 2009, C 306, p. 76) dwar il-Proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2010/45 [(COM(2009) 21 finali], li kellha tendenza li tnaqqas il-piżijiet li jaqgħu fuq l-impriżi mid-diversi regoli li japplikaw fil-qasam tal-fatturazzjoni għall-iskopijiet tal-VAT – b’limitazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni offruta lill-Istati Membri, speċjalment f’każ ta’ fatturazzjoni elettronika transkonfinali –, imma kien fiha l-Artikolu 248a b’formulazzjoni inqas preċiża minn dik tal-verżjoni finali ta’ din id-direttiva (ara p. 3, 10 u 23 tal-proposta msemmija). L-Artikolu 22(3)(b) in fine, tas-Sitt Direttiva tal-VAT, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28h ta’ din, kien fih dispożizzjoni simili fis-sustanza għal din l-aħħar verżjoni.
( 35 ) Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li leġiżlazzjoni lingwistika bħalma hija dik inkwistjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 peress li dik il-leġiżlazzjoni, minn naħa, ma għandhiex bħala għan li tiżgura l-ġbir eżatt tal-VAT u li tevita l-frodi fiskali u, min-naħa l-oħra, timponi rekwiżiti supplimentari fir-rigward ta’ dawk stabbiliti fil-kapitolu 3 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 226 tagħha.
( 36 ) Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix din ir-rakkomandazzjoni, infakkar li, fi kwalunkwe każ, kull att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, bħalma hija d-Direttiva 2006/112, għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, konformement mad-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, skont il-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 48, kif ukoll in-nota 24 in fine ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 37 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 38 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza wasslet biex ġie emendat id-digriet ta’ Vlaanderen fuq l-użu tal-lingwi għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet ta’ impjieg (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 39 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 40 ) Idem (punti 19 sa 22).
( 41 ) L-enfasi miżjuda minni. Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 29 KE, li sar l-Artikolu 35 TFUE, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation (C‑293/02, EU:C:2005:664, punt 73), kif ukoll tas-16 Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter (C‑205/07, EU:C:2008:730, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter (C‑205/07, EU:C:2008:730, punt 43), bl-enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Gysbrechts u Santurel Inter (C‑205/07, EU:C:2008:427, punti 57 sa 65). F’din il-kawża, dispożizzjoni tad-dritt Belġjan li tikkonċerna l-bejgħ li jsir mill-bogħod kienet tipprojbixxi lill-fornituri milli jitolbu kwalunkwe ħlas minn qabel l-iskadenza tat-terminu tal-irtirar, u għalhekk kienet iċċaħħadhom minn strument effikaċi biex jipproteġu ruħhom kontra r-riskju tan-nuqqas ta’ ħlas. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “tali projbizzjoni ġeneralment għandha konsegwenzi iktar sinjifikattivi fil-bejgħ transkonfinali li jsir direttament lill-konsumatur, b’mod partikolari, fil-bejgħ magħmul permezz tal-Internet, u dan b’mod partikolari minħabba l-ostakoli għal proċedimenti legali fi Stat Membru ieħor kontra konsumaturi li ma jħallsux, iktar u iktar fil-każ ta’ bejgħ li jirrigwarda ammonti relattivament żgħar”.
( 43 ) Min-naħa tiegħu, il-Gvern Litwan jieħu pożizzjoni prinċipalment mill-angolu tal-eventwali ġustifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mad-“dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet tas-suq intern”.
( 44 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 45 ) Ħlief għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
( 46 ) Fil-fatt, meta r-relazzjoni kummerċjali tkun limitata għat-territorju ta’ Stat Membru fejn jintużaw diversi lingwi uffiċjali, kif inhu l-każ fil-Belġju, huwa ċertament possibbli li d-destinatarju ma jifhimx il-lingwa imposta, f’dan il-każ l-Olandiża, imma l-probabbiltà li dan jiġri f’din il-konfigurazzjoni hija nettament inqas milli meta t-tranżazzjoni sseħħ fuq il-livell tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.
( 47 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Jidher li din kienet is-sitwazzjoni li fiha sabet ruħha New Valmar, peress li din il-kumpannija Belġjana kitbet direttament bit-Taljan il-fatturi li hija indirizzat lill-konċessjonarju tagħha.
( 49 ) Ara l-punti 96 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 50 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 51 ) Kif wara kollox jammetti l-Gvern Belġjan.
( 52 ) Huwa possibbli, b’mod partikolari, li l-modulazzjoni, ’il fuq jew ’l isfel, tal-prezz inizjalment iffissat fil-kuntratt iffirmat mill-partijiet ikkonċernati jseħħ permezz ta’ fatturi, li l-ħlas tagħhom ikun ifisser l-aċċettazzjoni tal-bdil tal-ftehim qafas tagħhom. Il-ħlas ta’ fattura partikolari jiddetermina wkoll elementi oħrajn, u b’mod partikolari l-modalitajiet jew it-terminu għall-pagament.
( 53 ) Ara l-punti 61 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 54 ) L-enfasi miżjud minni. Fir-rigward tar-rifjut tal-klassifikazzjoni bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, EU:C:1993:838, punt 12) u tas-7 ta’ April 2011, Francesco Guarnieri & Cie (C‑291/09, EU:C:2011:217, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tal-libertà ta’ stabbiliment, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Gysbrechts u Santurel Inter (C‑205/07, EU:C:2008:427).
( 55 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja (C‑212/06, EU:C:2008:178, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Biex inkun eżawrjenti, nirrileva li jkun possibbli li wieħed jistaqsi jekk tali leġiżlazzjoni twassalx għal diskriminazzjoni indiretta, għad-detriment tal-operaturi ekonomiċi li ma jitkellmux bl-Olandiż. Madankollu, jiena mhux ser nelabora fuq dan il-punt, peress li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tadotta tali klassifikazzjoni, dan xorta jkollu biss impatt żgħir f’dan il-każ, inkwantu d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba l-protezzjoni ta’ lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru li hija awtorizzata permezz tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 4(2) TUE kif ukoll permezz tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjoni li l-proporzjonalità tagħhom tiġi evalwata fid-dawl ta’ dan l-għan (ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Las, C‑202/11, EU:C:2012:456, punt 39, u s-sentenza tas-16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 26).
( 57 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 58 ) Jiġifieri li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija jistgħu jkunu ġġustifikati “abbażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preservazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali”, bil-kundizzjoni li “m[a ] jikkostitwixxu[x] la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri”.
( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2011, Kakavetsos‑Fragkopoulos (C‑161/09, EU:C:2011:110, punt 51); tas-16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 23); u tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu (C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 110).
( 60 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 1999, Colim (C‑33/97, EU:C:1999:274, punti 39 sa 44), fejn ġie aċċettat li l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw mir-rekwiżiti lingwistiċi jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għan li jkunu protetti l-konsumaturi.
( 61 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 62 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener (C‑379/87, EU:C:1989:599, punt 19); tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punti 85 u 86); kif ukoll tas-16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punti 25 sa 27).
( 63 ) Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-fatturi għandhom qabelxejn skop kuntrattwali, inkwantu huma l-affermazzjoni tal-kreditu ta’ kontraent lejn ieħor b’riżultat tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt u jikkostitwixxu mezz ta’ prova, imma huma għandhom ukoll valur ta’ strument amministrattiv u fiskali fir-rigward tal-awtoritajiet kemm tal-pajjiż tal-bejjiegħ kif ukoll ta’ dak tax-xerrej. Fuq id-diversi funzjonijiet tal-fatturi u d-diversi sorsi tal-obbligu li dawn jiġu kkunsinnati fid-dritt Belġjan, ara Ballon, G.‑L., “Généralités”, f’La facture et autres documents équivalents, op. cit., punti 9 et seq, kif ukoll il-punti 38 et seq.
( 64 ) Il-Gvern Litwan isostni li, peress li l-fatturi huma dokumenti uffiċjali li jistgħu jintużaw għal diversi skopijiet fir-relazzjonijiet kemm tad-dritt pubbliku kif ukoll tad-dritt privat, jidher meħtieġ li jintalab li dawn isiru bil-lingwa uffiċjali biex jiġi evitat li din titlef wieħed mill-oqsma essenzjali tagħha, jiġifieri dak tad-direzzjoni u tal-amministrazzjoni tal-Istat, u li l-użu tagħha ma jonqosx minħabba l-użu li dejjem jinfirex tal-lingwi barranin fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali.
( 65 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe‑Zentral (120/78, EU:C:1979:42, punt 8); fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 70), u tas-16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 28); fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C‑250/95, EU:C:1997:239, punt 31), kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 1999, Baxter et (C‑254/97, EU:C:1999:368, punt 18); fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, Vestergaard (C‑55/98, EU:C:1999:533, punt 23) u tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et (C‑515/08, EU:C:2010:589, punt 48); fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud (C‑72/09, EU:C:2010:645, punt 33).
( 66 ) Din il-leġiżlazzjoni tagħti, fil-fatt, il-possibbiltà lill-membri tal-amministrazzjoni tar-reġjun ikkonċernat li jsiru jafu bil-fatturi li jsiru fit-territorju tiegħu bil-lingwa uffiċjali ta’ dak ir-reġjun, u mhux b’lingwa li huma ma jkunux jafu, ħaġa li tippermettilhom jagħmlu kontroll dirett, immedjat u ċert. Ara, wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Las (C‑202/11, EU:C:2012:456, punt 50).
( 67 ) Infakkar li fil-qasam tal-VAT, l-Artikolu 248a tad-Direttiva 2006/112 jippermetti li tintalab traduzzjoni ta’ ċerti fatturi għall-iskopijiet ta’ kontroll, u dan wara li ġie osservat li fil-qasam inkwistjoni, fattura tissodisfa funzjoni tripla: hija fiha informazzjoni li tirrigwarda s-sistema tal-VAT applikabbli, hija tippermetti lill-awtoritajiet fiskali li jagħmlu l-verifiki u tippermetti lill-konsumaturi li jippruvaw, jekk ikun meħtieġ, id-dritt għat-tnaqqis tagħhom (Terra, B., u Kajus, J., A Guide to the European VAT Directives, Vol. 1, IBDF, Amsterdam, 2014, p. 1401).
( 68 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 69 ) Taħt il-kundizzjonijiet u limiti msemmija fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 70 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239, punti 29 et seq).
( 71 ) Huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprekludix lill-partijiet milli jirrediġu l-kuntratti tagħhom li jirrigwardaw il-merkanzija b’lingwa differenti mill-Olandiż, u dan b’kuntrast ma dak li hija kienet tipprovdi fiż-żmien tal-imsemmija sentenza Las fir-rigward tal-kuntratti ta’ impjieg.
( 72 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 73 ) Bħalma huma l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ jew l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ ħlas.
( 74 ) Ara wkoll il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 75 ) Ara l-punti 76 u 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 76 ) Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 77 ) Fuq id-diversi funzjonijiet tal-fatturi, ara wkoll in-noti ta’ qiegħ il-paġna 63, 64 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 78 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 30 tat-Trattat KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1978, dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel kif ukoll ir-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom (ĠU 1979, L 33, p. 1), b’mod partikolari s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Geffroy (C‑366/98, EU:C:2000:430, punti 25 et seq), kif ukoll il-ġurisprudenza fil-qasam imfakkar fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Geffroy (C‑366/98, EU:C:1999:585, punti 19 et seq).
( 79 ) New Valmar issostni li għalkemm il-fatturi tagħha kellhom ikunu kollha miktubin bil-lingwa Olandiża, huma kellhom neċessarjament ikunu akkumpanjati bi traduzzjoni fil-lingwa li fiha sar il-ftehim, biex jiġi evitat li l-klijenti barranin tagħha jinvokaw l-iżball jew l-ingann meta huma ma jifhmux l-indikazzjonijiet imniżżla fuq il-fatturi, ħaġa li tikkostitwixxi biċċa xogħol eċċessiva għal impriża li, bħalha tbigħ eluf ta’ oġġetti żgħar (fliexken tat-trabi, gażażi, ġugarelli, eċċ). Hija tinvoka wkoll diversi problemi oħra ta’ natura prattika, fosthom l-impossibbiltà li jintużaw, bejn il-bejjiegħ u x-xerrej, sistemi elettroniċi ta’ ordnijiet u ta’ fatturazzjoni li jaħdmu biss b’lingwa waħda.
( 80 ) F’dan ir-rigward, New Valmar tindika, filwaqt li ssemmi diversi sorsi dottrinali, li l-użanza kummerċjali tradizzjonali trid li l-fattura ssir bil-lingwa tad-destinatarju jew b’lingwa abitwali fis-settur ekonomiku kkonċernat.
( 81 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-possibbiltà tal-qorti nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni l-użanzi tal-kummerċ internazzjonali għall-iskopijiet li tiġi identifikata l-qorti kompetenti, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Electrosteel Europe (C‑87/10, EU:C:2011:375, punti 20 et seq), jew tal-evalwazzjoni tal-validità ta’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti (C‑159/97, EU:C:1999:142, punti 18 et seq), kif ukoll l-Artikolu 25(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).
( 82 ) Ara l-punti 46 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 83 ) Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-decreet inzake de bescherming van de vrijheid van het taalgebruik van de Franse taal in de sociale betrekkingen tussen de werkgevers en hun personeel, alsook van akten en dokumenten van ondernemingen opgelegd door de wet en de reglementen (digriet dwar il-protezzjoni tal-libertà tal-użu tal-lingwi u tal-użu tal-lingwa Franċiża fil-qasam tar-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-persunal tagħhom kif ukoll ta’ atti u dokumenti tal-impriżi imposti mil-liġi u mir-regolamenti) tat-30 ta’ Ġunju 1982 (Belgisch Staatsblad, 27 ta’ Awwissu 1982, p. 9863).
( 84 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 85 ) Ara l-punt 12 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 86 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 87 ) Bis-saħħa tal-imsemmi paragrafu 2, il-ħaddiem ikkonċernat għandu jkun jew domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE, jew domiċiljat fit-territorju Belġjan iżda jrid ikun għamel użu tad-dritt tiegħu għall-moviment liberu tal-ħaddiema jew tal-libertà ta’ stabbiliment.
( 88 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2013 (C‑202/11, EU:C:2013:239).
( 89 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan ikkontesta kull waħda minn dawn l-allegazzjonijiet. Minn naħa huwa sostna, b’mod partikolari, li kemm il-fattura oriġinali kif ukoll il-fattura sostituttiva, li jirrigwardaw l-istess kunsinna intra-Komunitarja, jistgħu jagħtu lok għal eżenzjoni mill-VAT fil-Belġju u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet ikollhom kull libertà biex jistabbilixxu l-mument li fih ikun dovut il-ħlas, u dan indipendentement mid-data li fiha tkun saret il-fattura jew ġiet issostitwita. Il-Kummissjoni rrilevat ġustament li xorta tibqa’ ċerta inċertezza legali peress li ċ-ċirkulari tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana datata 23 ta’ Jannar 2013 imsemmija minn dan il-gvern ma għandhiex saħħa ta’ liġi u li l-qrati jibqgħu obbligati jirrilevaw ex officio n-nullità ta’ fattura irregolari. Barra minn hekk, ninnota li fil-prattika huwa kompletament possibbli li l-partijiet ma jkunux iffissaw data li fiha l-kreditu jsir dovut li tkun differenti minn dik imsemmija fil-fattura.
( 90 ) Nenfasizza li l-qorti tar-rinviju ma tindikax b’mod ċar il-mod li bih għandhom jiġu implementati s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 10 tad-digriet ta’ Vlaanderen fuq l-użu tal-lingwi (ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet), b’mod partikolari fir-rigward tal-punt dwar jekk u sa fejn is-sostituzzjoni eventwali ta’ fattura irregolari tippreżervax jew le b’effett retroattiv il-validità tad-dokument oriġinali. Fuq dan is-suġġett, ara wkoll Gosselin, F., op. cit., punti 188 et seq.
( 91 ) Huwa paradossali li l-konċessjonarju Taljan ta’ New Valmar jista’ jislet argument mil-leġiżlazzjoni lingwistika ta’ Vlaanderen biex jikseb l-annullament ta’ fatturi li kienu mibgħuta lilu bil-lingwa Taljana, li evidentement huwa jifhimha.
( 92 ) Il-Gvern Belġjan jinnota huwa stess li l-fattura tissodisfa, f’ċerti ċirkustanzi, funzjoni probatorja, inkwantu fir-rigward ta’ kummerċjant fattura aċettata tikkostitwixxi l-prova tal-ftehim, li hija wkoll dokument tal-kontijiet u li hija tikkostitwixxi l-iktar prova attwali.
( 93 ) Infakkar li mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-fattura għandha tkun ifformulata bil-lingwa Olandiża tal-inqas f’parti minnha, jiġifieri f’dak li jikkonċerna l-indikazzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-VAT, jekk mhux anki kollha kemm hi, u li l-qorti tar-rinviju għandha biss il-kompetenza tirrimedja d-dubji murija mill-Gvern Belġjan fir-rigward tal-portata tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dik il-leġiżlazzjoni interna (ara l-punti 29 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).