EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0366

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ April 2016.
Profit Investment SIM SpA vs Stefano Ossi et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kunċett ta’ ‘ġudizzji irrikonċiljabbli’ – Azzjonijiet li ma għandhomx l-istess suġġett, imressqa kontra diversi konvenuti ddomiċiljati f’diversi Stati Membri – Kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Kunċett ta’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’ – Verifika tal-assenza ta’ rabta kuntrattwali valida.
Kawża C-366/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:282

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kunċett ta’ ‘ġudizzji irrikonċiljabbli’ — Azzjonijiet li ma għandhomx l-istess suġġett, imressqa kontra diversi konvenuti ddomiċiljati f’diversi Stati Membri — Kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni — Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni — Kunċett ta’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’ — Verifika tal-assenza ta’ rabta kuntrattwali valida”

Fil-Kawża C-366/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2013, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

Profit Investment SIM SpA, fi stralċ,

vs

Stefano Ossi,

Commerzbank Brand Dresdner Bank AG,

Andrea Mirone,

Eugenio Magli,

Francesco Redi,

Profit Holding SpA, fi stralċ,

Redi & Partners Ltd,

Enrico Fiore,

E3 SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, M. Berger u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Profit Investment SIM SpA, fi stralċ, minn L. Gaspari, bħala stralċjarju ġudizzjarju, assistit minn P. Pototschnig u F. De Simone, avukati,

għal Commerzbank Brand Dresdner Bank AG, minn E. Castellani u G. Curtò, avukati, kif ukoll minn C. Gleske, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn B. Kennelly, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u A.-M. Rouchaud-Joët, kif ukoll minn E. Traversa, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-23 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Profit Investment SIM SpA, fi stralċ (iktar ’il quddiem “Profit”) u, min-naħa l-oħra, S. Ossi, Commerzbank Brand Dresdner Bank AG (iktar ’il quddiem “Commerzbank”), A. Mirone, E. Magli, F. Redi, Profit Holding SpA, fi stralċ, Redi & Partners Ltd (iktar ’il quddiem “Redi”), E. Fiore u kif ukoll E3 SA.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2002, dan ir-regolament jissostitwixxi bejn l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).

4

Konformement mal-premessa 2 tiegħu, l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa:

“[...] biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament [...]”

5

Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001 jippreċiżaw, fit-termini segwenti, ir-rabta eżistenti bejn id-diversi regoli ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll l-għanijiet normattivi tagħhom:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il‑prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal‑konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal‑litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

6

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tiegħu, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-istess Kapitolu II, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi, fil-punt 1 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[...]”

8

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab ukoll fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, jipprovdi dan li ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni tista’ titħarrek ukoll:

1)

meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma’ xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

[...]”

9

L-Artikolu 23(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 7 tal-Kapitolu II, bit-titolu “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu jqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Tali ftehim li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni għandu jkun:

(a)

bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

(b)

f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(ċ)

fin-negozju jew fil-kummerċ internazzjonali, f’forma skond l-użu li dwaru l-partijiet ikunu jew messhom kienu konxji u li f’tali negozju jew kummerċ ikun ġeneralment magħruf lil, u regolarment osservat minn, partijiet fkuntratti tat-tip involut fin-negozju jew kummerċ partikolari konċernat.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Matul ix-xahar ta’ Mejju 2004, Commerzbank, li qabel kien Dresdner Bank AG, bank kummerċjali Ġermaniż attiv ukoll fis-settur tal-operazzjonijiet imsejħa ta’ “finanzjament strutturat”, introduċa fis-suq programm ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds indiċjati skont riskju ta’ kreditu (iktar ’il quddiem it-“titoli ta’ bonds”), bit-titolu “Credit Linked Note Programme” (iktar ’il quddiem il-“programm ta’ ħruġ”). Fil-kuntest ta’ dan il-programm ta’ ħruġ, Commerzbank seta’ jipproċedi bil-ħruġ tat-titoli ta’ bonds f’ammont massimu totali ta’ 4 biljun Euro.

11

Ir-regolamentazzjoni tal-programm ta’ ħruġ u l-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali tat-titoli ta’ bonds ġew iddefiniti fil-prospett ta’ ħruġ (iktar ’il quddiem, “il-prospett”). F’dan il-każ, dan il-prospett ġie approvat minn qabel mill-Irish Stock Exchange (borża ta’ Dublin, l-Irlanda), li qatt, barra minn hekk, ma ġie kkontestat mill-partijiet interessati. Dan il-prospett baqa’ għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit tal-internet tal-Borża ta’ Dublin.

12

Huwa ppreveda fil-punt 16 tat-“Terms and conditions of the Notes” (“termini u kundizzjonijiet tat-titoli”) klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li skontha l-qrati Ingliżi għandhom il-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jirregolaw kwalunkwe tilwima li tirriżulta mit-titoli jew li hija marbuta magħhom.

13

Fix-xahar ta’ Settembru 2004, Commerzbank ipproċeda, fil-kuntest tal-programm ta’ ħruġ, bil-ħruġ tat-titoli ta’ bonds assoċjati ma’ dawk maħruġa preċedentement minn E3 (iktar ’il quddiem it-“titoli E3”) u msemmija “Dresdner Total Return Notes linked to E3 SA” (iktar ’il quddiem it-“titoli inkwistjoni”) f’ammont totali ta’ EUR 2300000.00.

14

Redi, kumpannija awtorizzata sabiex teżerċita l-attività ta’ intermedjazzjoni finanzjarja mill-Financial Services Authority (awtorità ta’ sorveljanza tas-swieq, ir-Renju Unit), ipproċediet, fis-27 ta’ Ottubru 2004, bis-sottoskrizzjoni, fis-suq imsejjaħ “primarju”, tat-titoli inkwistjoni kollha maħruġa minn Commerzbank.

15

Fl-istess data, Redi assenjat, wara li ssottoskriviet dawn it-titoli, f’ammont ta’ EUR 1100000 parti minnhom lil Profit, fis-suq imsejjaħ “sekondarju”.

16

Fir-rebbiegħa tal-2006, E3 ma eżegwixxietx l-obbligu ta’ ħlas tagħha tal-parti mill-interessi dovuti fil-15 ta’ April 2006 fuq it-titoli E3. Konsegwentement, Commerzbank innotifika dan l-inċident ta’ kreditu u pproċeda, fil-5 ta’ Lulju 2006, bl-estinzjoni tat-titoli inkwistjoni billi ta lil Profit in-numru korrispondenti ta’ titoli ta’ E3.

17

Dan l-inċident ta’ kreditu fir-rigward tat-titoli inkwistjoni wassal għat-tqegħid ta’ Profit fi stralċ amministrattiv sfurzat, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan, li ressqet quddiem it-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milan, l-Italja) azzjoni kontra Commerzbank, Profit Holding, Redi u E3, kif ukoll kontra S. Ossi u E. Magli, membru tal-Bord Amministrattiv u Direttur Ġenerali ta’ Profit rispettivament, u E. Fiore, soċju ta’ E3, intiża, essenzjalment, sabiex tinkiseb:

in-nullità, minħabba żbilanċ tal-kuntratt, insuffiċjenza jew nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, tal-ftehimiet li wasslu għall-kisba tat-titoli inkwistjoni maħruġa minn Commerzbank u mibjugħa minn Redi u, konsekuttivament, il-ħlas lura tal-indebitu, jiġifieri r-restituzzjoni tas-somma ta’ flus imħallsa sabiex isir dan ix-xiri;

ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm, irregolata wkoll mid-dritt Taljan, Profit Holding, fuq il-bażi tal-Artikolu 2497 tal-Codice civile (kodiċi ċivili), sa fejn din tal-aħħar kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-kumpanniji u tal-impriżi billi wasslet lis-sussidjarja tagħha sabiex tikkonkludi t-tranżazzjonijiet inkwistjoni u hija għalhekk marbuta li tikkumpensa għad-danni allegatament sostnuti minn Profit minħabba din l-amministrazzjoni ħażina. Din it-talba ta’ kumpens għad-danni ġiet imressqa in solidum ukoll fil-konfront ta’ Redi, kif ukoll ta’ S. Ossi, E. Magli u E. Fiore, fuq il-bażi tal-postulat li dawn il-persuni kkooperaw b’diversi modi ma’ Profit Holding sabiex ġie kkawżat id-dannu inġustifikat lil Profit.

18

S. Ossi u Commerzbank, kif ukoll A. Minore msejjaħ fil-kawża minn dan tal-aħħar, eċċeppew għalhekk nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana, partikolarment minħabba l-fatt li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-prospett kienet tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati Ingliżi. Għalhekk, Profit adixxiet lill-Corte suprema di Cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja) b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di Cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-rabta bejn kawżi differenti, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Nru]°44/2001, tista’, jew le, titqies li teżisti f’każ fejn is-suġġett tal-pretensjonijiet imressqa fiż-żewġ azzjonijiet huwa differenti, bħalma huwa differenti t-titolu li abbażi tiegħu tressqu l-pretensjonijiet, mingħajr ma jkun hemm rabta ta’ sussidjarjetà jew ta’ inkompatibbiltà loġiko-legali bejniethom, iżda fejn l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom tista’, fil-fatt, potenzjalment taffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-kuntest tal-pretensjoni l-oħra?

2)

Il-kundizzjoni li l-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni għandha tkun bil-miktub, stabbilita fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru°] 44/2001, tista’, jew le, titqies sodisfatta fil-każ ta’ inklużjoni ta’ tali klawżola fil-[prospett] redatt b’mod unilaterali minn min ħareġ il-bonds, bil-konsegwenza li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni għall-kawżi li jinvolvu kwalunkwe persuna ulterjuri li takkwista dawn il-bonds fir-rigward tal-validità tagħhom issir applikabbli? Jew jekk le, wieħed jista’ jqis li l-inklużjoni tal-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni fid-dokument li huwa intiż li jirregola ħruġ ta’ bonds iddestinati li jiċċirkolaw b’mod transkonfinali tikkorrispondi għal forma li hija aċċettata mill-użanzi tal-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tal-istess regolament?

3)

Il-[‘materja kuntrattwali’] imsemmija fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament għandha tinftiehem bħala li hija limitata biss għall-kawżi fejn wieħed ikollu l-intenzjoni li jinvoka r-relazzjoni legali li tirriżulta mill-kuntratt, kif ukoll għal dawk li jiddependu b’mod mill-qrib minn din ir-relazzjoni, jew testendi ruħha anki għall-kawżi fejn ir-rikorrenti, iktar milli tinvoka l-kuntratt, tikkontesta l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali legalment valida u hija intiża li tikseb ir-restituzzjoni ta’ dak li tħallas abbażi ta’ titolu li, skontha, huwa nieqes minn kull valur legali?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet minn Profit, Commerzbank, il-Gvern Taljan, il-Gvern tar-Renju Unit u kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.

21

Qabel ma tiġi eżaminata l-ewwel domanda, għandha tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-qorti tar-rinviju kellha, fuq il-bażi tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, tikkonkludi li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet validament titqajjem kontra Profit, din tkun neċessarjament imwassla sabiex tiddikjara li t-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milan) ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għar-restituzzjoni tal-prezz tal-bejgħ, liema azzjoni kellha titressaq quddiem il-qrati Ingliżi.

Fuq it-tieni domanda

22

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-ewwel lok, tosserva r-rekwiżiti proċedurali previsti f’dan l-Artikolu 23(1)(a), meta din tkun tinsab fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds redatt mill-persuna li toħroġ dawn it-titoli, fit-tieni lok, tista’ titqajjem kontra terzi li jkunu kisbu dawn it-titoli permezz ta’ intermedjarju finanzjarju u, fit-tielet lok, fil-każ ta’ risposta negattiva għaż-żewġ partijiet primarji tat-tieni domanda, tikkorrispondi għal użanza li tirregola l-qasam tal-kummerċ internazzjonali fis-sens tal-istess Artikolu 23(1)(ċ).

23

B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ validità ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi essenzjalment rekwiżiti proċedurali u jsemmi biss kundizzjoni waħda dwar il-mertu li tirrigwarda s-suġġett tal-klawżola, li għandha tirrigwarda r-relazzjoni legali stabbilita. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni b’hekk ma jippreċiżax jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tistax tiġi trażmessa, lil hinn miċ-ċirku tal-partijiet għal kuntratt, lil terz, parti għal kuntratt sussegwenti u suċċessur, fl-intier jew parzjalment, għad-drittijiet u għall-obbligi ta’ wieħed mill-partijiet għall-kuntratt inizjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C-543/10, EU:C:2013:62, punt 25).

24

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 madankollu jindika b’mod ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jillimita ruħu għall-każijiet fejn il-partijiet jkunu “qablu” dwar qorti. Hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, huwa dan il-qbil ta’ volontà bejn il-partijiet li jiġġustifika s-supremazija mogħtija, fid-dawl tal-prinċipju tal-awtonomija tal-volontà, għall-għażla ta’ qorti oħra li ma tkunx dik li possibbilment kellha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament (sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C-543/10, EU:C:2013:62, punt 26).

25

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds redatt unilateralment mill-persuna li toħroġ dawn it-titoli tissodisfax ir-rekwiżit tal-kitba previst fl-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

26

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali rekwiżit ma jkunx issodisfatt, fil-każ ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ waħda mill-partijiet, ipprintjati fuq in-naħa ta’ wara ta’ att kuntrattwali, ħlief jekk il-kuntratt jirreferi espressament għal dawn il-kundizzjonijiet ġenerali (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1976, Estasis Saloti di Colzani, 24/76, EU:C:1976:177, punt 10).

27

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat fis-sens li, bħall-għan segwit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ir-realtà tal-kunsens tal-partijiet interessati hija waħda mill-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni (ara, partikolarment, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C-543/10, EU:C:2013:62, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, konsegwentement, din id-dispożizzjoni timponi fuq il-qorti adita l-obbligu li teżamina jekk il-klawżola inkwistjoni kinitx fil-fatt is-suġġett ta’ kunsens bejn il-partijiet, li għandu jidher b’mod ċar u preċiż (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2000, Coreck, C-387/98, EU:C:2000:606, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C-543/10, EU:C:2013:62, punt 27).

28

Fil-kawża prinċipali, il-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati Ingliżi hija inkluża fil-prospett, dokument redatt mill-persuna li toħroġ it-titolu. Mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma joħroġx b’mod definittiv jekk il-klawżola ġietx riprodotta, jew jekk sarx riferiment espliċitu għaliha, fid-dokumenti kuntrattwali ffirmati mal-ħruġ tat-titoli fis-suq primarju.

29

Għaldaqstant, għal din l-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li r-rekwiżit tal-kitba stipulat fl-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tiġi inkluża fil-prospett tal-ħruġ ta’ titoli ta’ bonds, ikun issodisfatt biss jekk il-kuntratt iffirmat mill-partijiet mal-ħruġ tat-titoli fis-suq primarju isemmi l-aċċettazzjoni ta’ din il-klawżola jew jinkludi riferiment espress għal dan il-prospett, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

30

Fil-każ affermattiv, hija wkoll din il-qorti li għandha tiddetermina jekk il-kuntratt iffirmat bejn Redi u Profit maċ-ċessjoni tat-titoli fis-suq sekondarju jsemmix ukoll l-aċċettazzjoni ta’ din il-klawżola jew jinkludix tali riferiment. Jekk dan huwa l-każ, din l-istess klawżola għandha titqies li tista’ titqajjem kontra Profit.

31

Huwa biss fil-każ invers li tqum it-tieni parti tat-tieni domanda, jiġifieri jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, miftiehma validament fil-kuntratt konkluż bejn il-persuna li toħroġ titolu u l-persuna li tissottoskrivih, tistax tkun invokata kontra terz, li jkun kiseb dan it-titolu mingħand l-istess persuna li għamlet is-sottoskrizzjoni, mingħajr kunsens espress għal din il-klawżola, u li jkun ressaq azzjoni għad-danni kontra l-istess persuna li ħarġet it-titolu.

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 33 tas-sentenza tagħha tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp (C-543/10, EU:C:2013:62), iddeċidiet, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni mis-subakkwirent ta’ beni kontra l-produttur tiegħu, li, fl-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejniethom, dawn ma setgħux ikunu kkunsidrati bħala li ‘qablu’, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-qorti indikata bħala li għandha ġurisdizzjoni fil-kuntratt inizjali konkluż bejn il-produttur u l-ewwel akkwirent.

33

Madankollu, meta ppronunzjat ruħha fil-qasam tal-kuntratti tat-trasport marittimu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża f’polza ta’ kargu tkun tista’ titqajjem kontra terz għal dan il-kuntratt ladarba din il-klawżola tkun ġiet irrikonoxxuta valida bejn il-burdnar u t-trasportatur u, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-portatur terz, permezz tal-kisba tal-polza ta’ kargu, ikun daħal fid-drittijiet u l-obbligi tal-burdnar. Huwa bis-saħħa ta’ din ir-relazzjoni ta’ sostituzzjoni bejn il-burdnar u l-portatur terz li dan tal-aħħar jinsab, bħala effett tal-akkwist tal-polza ta’ kargu, marbut bl-imsemmija klawżola. Fil-każ fejn ikun hemm, skont id-dritt nazzjonali, tali relazzjoni, ma huwiex neċessarju għall-qorti adita li tivverifika jekk dan it-terz ikunx ta l-kunsens tiegħu għal din il-klawżola. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt enfasizzat in-natura partikolari ħafna tal-polza ta’ kargu, li hija strument tal-kummerċ internazzjonali intiż sabiex jirregola relazzjoni li tinvolvi tal-inqas tliet persuni. Għalhekk, il-polza ta’ kargu tikkostitwixxi titolu negozjabbli li jippermetti proprjetarju li jassenja l-imsemmija merkanzija, matul it-traġitt tagħha, lil akkwirent li jassumi d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-burdnar fir-rigward tat-trasportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1984, Russ, 71/83, EU:C:1984:217, punt 24; tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 41; tad-9 ta’ Novembru 2000, Coreck, C-387/98, EU:C:2000:606, punti 23 sa 27, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C-543/10, EU:C:2013:62, punti 34 sa 36).

34

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fil-qasam tas-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija, li, meta wieħed isir azzjonist, dan jagħti l-kunsens tiegħu sabiex ikun suġġett għad-dispożizzjonijiet kollha li jidhru fl-istatuti tal-kumpannija, inkluża klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tkun tinsab f’dawn l-istatuti, u jkun marbut b’din il-klawżola ladarba dawn l-istatuti jkunu jinsabu f’post li għalih l-azzjonist jista’ jkollu aċċess, bħas-sede tal-kumpannija, jew ikunu jinsabu f’reġistru pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Powell Duffryn, C-214/89, EU:C:1992:115, punti 1928).

35

Fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni li tinqala’ hija dik dwar jekk Commerzbank, li ħareġ it-titoli inkwistjoni, jistax jinvoka l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fil-prospett kontra Profit, l-aħħar persuna li ssottoskriviet għal dawn it-titoli, li kisbithom b’kuntratt konkluż ma’ Redi.

36

Fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, hemm lok li għal din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, sa fejn huwa stabbilit, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, qabelxejn, li din il-klawżola hija valida fir-relazzjoni bejn Commerzbank u Redi, l-ewwel persuna li ssottoskriviet għal dawn it-titoli, sussegwentement, li Profit, billi ssottoskriviet fis-suq sekondarju għal dawn it-titoli mingħand Redi, issuċċediet lil din tal-aħħar fid-drittijiet u fl-obbligi marbuta mal-istess titoli skont id-dritt nazzjonali applikabbli, u, finalment, li Profit kellha l-possibbiltà li tieħu konjizzjoni tal-prospett li jinkludi din il-klawżola, filwaqt li huwa preżuppost li dan huwa faċilment aċċessibbli.

37

Konsegwentement, għat-tieni parti tat-tieni domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds redatt mill-persuna li toħroġ it-titoli inkwistjoni tista’ tiġi invokata kontra terz li kiseb dawn it-titoli mingħand intermedjarju finanzjarju jekk huwa stabbilit, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, qabelxejn, li din il-klawżola hija valida fir-relazzjoni bejn din il-persuna li toħroġ it-titoli u dan l-intermedjarju finanzjarju, sussegwentement, li dan it-terz, billi ssottoskriva fis-suq sekondarju għat-titoli inkwistjoni, issuċċeda lil dan l-intermedjarju fid-drittijiet u fl-obbligi marbuta ma’ dawn it-titoli skont id-dritt nazzjonali applikabbli u, finalment, li t-terz ikkonċernat kellu l-possibbiltà li jieħu konjizzjoni tal-prospett li jinkludi din il-klawżola.

38

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ risposta negattiva għaż-żewġ partijiet primarji ta’ din id-domanda, dwar il-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ użanza tal-kummerċ internazzjonali magħrufa mill-partijiet.

39

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-realtà tal-kunsens tal-partijiet interessati hija dejjem wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi evitat li klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, inklużi f’kuntratt minn parti waħda, ma jkunux innotati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, MSG, C106/95, EU:C:1997:70, punt 17, u tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 19).

40

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li dan l-Artikolu 23(1)(ċ) jippermetti li l-eżistenza ta’ dan il-kunsens titqies li hija stabbilita meta jkun hemm f’dan ir-rigward użanzi kummerċjali fil-qasam ikkunsidrat tal-kummerċ internazzjonali, użanzi li bihom dawn l-istess partijiet jafu jew huma mistennija li jafu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, MSG, C-106/95, EU:C:1997:70, punt 19, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punti 2021).

41

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kuntratt inkwistjoni jidħolx fl-ambitu tal-kummerċ internazzjonali u tivverifika l-eżistenza ta’ użanza fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali li fih il-partijiet inkwistjoni joperaw, kif ukoll l-għarfien effettiv jew preżunt ta’ din l-użanza min-naħa tagħhom. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindikalha l-elementi oġġettivi u neċessarji għal tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, MSG, C-106/95, EU:C:1997:70, punt 21, u tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 23).

42

Fir-rigward tal-ewwel punt, huwa stabbilit li, fil-kawża prinċipali, il-kuntratt jaqa’ fl-ambitu tal-kummerċ internazzjonali.

43

Fir-rigward tat-tieni punt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ użanza ma għandhiex tiġi ddeterminata b’riferiment għal-liġi ta’ wieħed mill-Istati kontraenti u għandha tiġi kkonstatata mhux b’paragun mal-kummerċ internazzjonali inġenerali, iżda fil-qasam kummerċjali li fih il-partijiet kontraenti jeżerċitaw l-attività tagħhom (sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, MSG, C-106/95, EU:C:1997:70, punt 23, u tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 25).

44

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li jkun hemm użanza fil-qasam kummerċjali kkunsidrat meta, speċifikament, ċertu aġir ikun segwit b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi f’dak il-qasam mal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ ċertu tip (sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, MSG, C-106/95, EU:C:1997:70, punt 23, u tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 26).

45

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma huwiex neċessarju li tali aġir jiġi stabbilit f’pajjiżi determinati jew, b’mod partikolari, fl-Istati kontraenti kollha. Il-fatt li prattika tkun osservata b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi tal-pajjiżi li jokkupaw pożizzjoni dominanti fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali inkwistjoni jista’ jikkostitwixxi indizju li jiffaċilita l-prova tal-eżistenza ta’ użanza. Madankollu, il-kriterju determinanti jibqa’ l-kwistjoni ta’ jekk l-aġir inkwistjoni jkunx segwit b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali li fih joperaw il-partijiet kontraenti (sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 27).

46

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li peress li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-forom ta’ reklamar, għandu jiġi kkunsidrat li r-reklamar eventwali li jista’ jingħata permezz ta’ assoċjazzjonijiet jew organi speċjalizzati fil-formoli stampati minn qabel li jinkludu klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, filwaqt li huwa ta’ natura li jiffaċilita l-prova ta’ prattika segwita b’mod ġenerali u regolari, ma jistax ikun rikjest sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ użanza (sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 28).

47

Barra minn hekk, aġir li jiġbor fih l-elementi kostituttivi ta’ użanza ma jitlifx il-kwalità tiegħu ta’ użanza minħabba l-fatt li jkun suġġett għal kontestazzjonijiet quddiem il-qrati, tkun xi tkun il-portata ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, peress li dan jibqa’ xorta waħda jkun segwit b’mod ġenerali u regolari fis-settur tal-attività kkonċernata għat-tip ta’ kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 29).

48

Fir-rigward, finalment, tal-għarfien effettiv jew preżunt tal-użanza mill-partijiet, jirriżulta mill-ġurisprudenza li dan jista’ jiġi stabbilit, b’mod partikolari, billi jintwera li l-partijiet qabel kellhom relazzjonijiet kummerċjali bejniethom jew ma’ partijiet oħrajn li joperaw fis-settur ikkunsidrat, jew li, f’dan is-settur, ċertu aġir huwa suffiċjentement magħruf, minħabba li huwa segwit b’mod ġenerali u regolari fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ ċertu tip, b’tali mod li jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala prattika kkonsolidata (sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, MSG, C-106/95, EU:C:1997:70, punt 24 u tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, EU:C:1999:142, punt 43).

49

Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat, fil-kawża prinċipali, jekk l-inklużjoni fil-prospett ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tikkostitwixxix użanza fis-settur li fih joperaw il-partijiet, li biha dawn kienu jafu jew kienu mistennija li jkunu jafu, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni partikolarment il-fatt li dan il-prospett ġie approvat mill-Borża ta’ Dublin u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit tal-internet ta’ din tal-aħħar, li ma jidhirx li ġie kkontestat min-naħa ta’ Profit fl-istanza fil-mertu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa paċifiku li Profit hija impriża attiva fil-qasam tal-investimenti finanzjarji u kif ukoll ir-relazzjonijiet kummerċjali li hija possibbilment kellha fil-passat mal-partijiet l-oħra inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-Qorti nazzjonali għandha tivverifika wkoll jekk il-ħruġ ta’ titoli ta’ bonds fis-suq huwiex, f’dan is-settur ta’ attività, akkumpanjat b’mod ġenerali u regolari minn prospett li jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni u jekk tali prattika hijiex suffiċjentement magħrufa sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “kkonsolidata”.

50

Konsegwentement, għat-tielet parti tat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-inklużjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds tista’ titqies bħala forma aċċettata minn użanza tal-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li tippermetti li jiġi preżunt il-kunsens ta’ dik il-parti li l-klawżola tkun qed tiġi invokata kontriha, sakemm dan huwa speċifikament stabbilit, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, minn naħa, li tali aġir huwa segwit b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi fis-settur ikkunsidrat waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ dan it-tip u, min-naħa l-oħra, jew li l-partijiet kellhom relazzjonijiet kummerċjali bejniethom jew ma’ partijiet oħrajn li joperaw fis-settur ikkunsidrat, jew li l-aġir inkwistjoni huwa magħruf biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat bħala prattika kkonsolidata.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għat-tieni domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Ir-rekwiżit tal-kitba stipulat fl-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tiġi inkluża fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds, ikun issodisfatt biss jekk il-kuntratt iffirmat mill-partijiet mal-ħruġ tat-titoli fis-suq primarju isemmi l-aċċettazzjoni ta’ din il-klawżola jew jinkludi riferiment espress għal dan il-prospett;

klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds redatt mill-persuna li toħroġ dawn it-titoli tista’ tiġi invokata kontra terz li kiseb dawn it-titoli mingħand intermedjarju finanzjarju, jekk huwa stabbilit, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, qabelxejn, li din il-klawżola hija valida fir-relazzjoni bejn il-persuna li toħroġ it-titoli u dan l-intermedjarju finanzjarju, sussegwentement, li dan it-terz, billi ssottoskriva fis-suq sekondarju għat-titoli inkwistjoni, issuċċeda lil dan l-intermedjarju fid-drittijiet u fl-obbligi marbuta ma’ dawn it-titoli skont id-dritt nazzjonali applikabbli u, finalment, li t-terz ikkonċernat kellu l-possibbiltà li jieħu konjizzjoni tal-prospett li jinkludi din il-klawżola, u

l-inklużjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds tista’ titqies bħala forma aċċettata minn użanza tal-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li tippermetti l-preżunzjoni tal-kunsens ta’ dik il-persuna li fil-konfront tagħha tkun qed tiġi invokata, sakemm dan ikun speċifikament stabbilit, li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, minn naħa, li tali aġir huwa segwit b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi fis-settur ikkunsidrat waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ dan it-tip u, min-naħa l-oħra, li preċedentement il-partijiet kellhom relazzjonijiet kummerċjali bejniethom jew ma’ partijiet oħrajn li joperaw fis-settur ikkunsidrat, jew li l-aġir inkwistjoni huwa suffiċjentement magħruf sabiex jitqies li huwa prattika kkonsolidata.

Fuq it-tielet domanda

52

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni intiża għall-ksib tal-annullament ta’ kuntratt u r-restituzzjoni tas-somom imħallsa fuq il-bażi ta’ att li n-nullità tiegħu hija stabbilita għandha titqies bħala li taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

53

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jitfakkar li l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax jinftiehem li jirreferi għall-klassifikazzjoni li l-liġi nazzjonali applikabbli tagħti lir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali. B’mod kuntrarju, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte, C-26/13, EU:C:1992:268, punt 10; tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C-419/11, EU:C:2013:165, punt 45, u tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C-375/13, EU:C:2015:37, punt 37).

54

Mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1982, Effer (38/81, EU:C:1982:79), jirriżulta li l-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi kwistjonijiet marbuta ma’ kuntratt tinkludi dik sabiex tevalwa l-eżistenza tal-elementi kostituttivi tal-kuntratt innifsu, billi tali evalwazzjoni hija indispensabbli sabiex tippermetti lill-qorti nazzjonali adita tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament Nru 44/2001. Li kieku dan ma jkunx il-każ, ikun hemm riskju li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ikunu mċaħħda mill-portata ġuridika tagħhom, peress li wieħed ikun qed jaċċetta li jkun suffiċjenti li wieħed mill-partijiet jallega li l-kuntratt ma jeżistix sabiex jissorpassa r-regola inkluża f’dawn id-dispożizzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-osservanza tal-għanijiet u tal-ispirtu tar-Regolament Nru 44/2001 teżiġi interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tali li l-qorti mitluba biex tiddeċiedi tilwima li toriġina minn kuntratt tkun tista’ tivverifika, anki ex officio, il-kundizzjonijiet essenzjali tal-ġurisdizzjoni tagħha, fid-dawl tal-provi konklużivi u rilevanti pprovduti mill-parti interessata, li jistabbilixxu l-eżistenza jew l-ineżistenza tal-kuntratt.

55

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rabta bejn l-azzjoni għal annullament u r-restituzzjoni tal-indebitu, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, kif l-Avukat Ġenerali fakkar fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, li kieku ma kienx hemm rabta kuntrattwali liberament maħluqa bejn il-partijiet, l-obbligu ma kienx jiġi eżegwit u ma kienx ikun hemm dritt għal restituzzjoni. Din ir-rabta ta’ kawżalità bejn id-dritt għal restituzzjoni u r-rabta kuntrattwali hija suffiċjenti sabiex l-azzjoni għal restituzzjoni tiddaħħal fil-qasam kuntrattwali.

56

Fil-kawża prinċipali, minkejja li ma hemmx dubju li Profit u Redi huma marbuta b’kuntratt, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, kif espost fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, jekk Profit issuċċedietx lil Redi fid-drittijiet u l-obbligi marbuta mat-titoli inkwistjoni skont id-dritt nazzjonali, b’mod li bejn Profit u Commerzbank hemm relazzjoni ta’ natura kuntrattwali.

57

Mill-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, Profit tibbenefika fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Redi u, mingħajr ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju kif espost fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Commerzbank, mill-forum tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, anki jekk il-formazzjoni tal-kuntratt li hija l-oriġini tal-azzjoni hija inkwistjoni bejn il-partijiet.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjonijiet intiżi għall-annullament ta’ kuntratt u għar-restituzzjoni tas-somom indebitament imħallsa fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt jaqgħu taħt il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ewwel domanda

59

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ żewġ azzjonijiet imressqa kontra diversi konvenuti, li għandhom suġġett u bażi differenti u ma humiex relatati ma’ xulxin b’rabta ta’ sussidjarjetà jew ta’ inkompatibbiltà, huwa suffiċjenti li l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom jista’ potenzjalment jaffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-każ tal-oħra sabiex ikun hemm riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

60

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li, sabiex jiġu evitati ġudizzji li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu ġġudikati separatament, konvenut jista’ jiġi mfittex, fil-każ ta’ diversi konvenuti, fil-qorti tal-post fejn wieħed minnhom ikun domiċiljat, ladarba t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun hemm interess li dawn jinstemgħu u jiġu deċiżi fl-istess ħin.

61

Fir-rigward tal-għan tagħha, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tirrifletti, konformement mal-premessi 12 u 15 ta’ dan ir-regolament, il-ħtieġa li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġu għalhekk evitati ġudizzji li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament (ara, partikolarment, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 77, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay, C-616/10, EU:C:2012:445, punt 19).

62

Barra minn hekk, din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandha tiġi interpretata fid-dawl, minn naħa, tal-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001, li tipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà u għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut u li din il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli, ħlief għal ftit każijiet iddefiniti sewwa fejn is-suġġett inkwistjoni jew l-awtonomija tal-partijiet tiġġustifika kriterju ieħor ta’ konnessjoni (ara, partikolarment, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C-98/06, EU:C:2007:595, punt 36, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay, C-616/10, EU:C:2012:445, punt 20).

63

Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, sa fejn tidderoga mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-forum tad-domiċilju tal-konvenut stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, għandha, min-naħa l-oħra, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, u ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara, partikolarment, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C-145/10, EU:C:2011:798, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay, C-616/10, EU:C:2012:445, punt 21).

64

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet imressqa quddiemha, jiġifieri tar-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli f’każ li l-imsemmija talbiet jiġu deċiżi separatament, u, f’dan ir-rigward, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha neċessarji tal-proċess (ara, partikolarment, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C-98/06, EU:C:2007:595, punt 41; tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C-145/10, EU:C:2011:798, punt 83, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay, C-616/10, EU:C:2012:445, punt 23).

65

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, f’dan ir-rigward, li sabiex deċiżjonijiet jitqiesu li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex suffiċjenti li tkun teżisti diverġenza fis-soluzzjoni tat-tilwima, iżda huwa meħtieġ ukoll li din id-diverġenza tkun taqa’ fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt (ara, partikolarment, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et, C-539/03, EU:C:2006:458, punt 26; tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C-98/06, EU:C:2007:595, punt 40; tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C-145/10, EU:C:2011:798, punt 79, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay, C-616/10, EU:C:2012:445, punt 24).

66

Sabiex tiġi evalwata, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet mressqa quddiemha u għaldaqstant tar-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk dawn it-talbiet jiġu deċiżi separatament, hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, partikolarment, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 95 sa 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-differenza fil-fatt u fid-dritt bejn, minn naħa, il-proċedura għad-danni li toriġina minn amministrazzjoni ħażina u, min-naħa l-oħra, il-proċedura għall-annullament ta’ wieħed mill-kuntratti u għar-restituzzjoni tal-indebitu li r-riżultati tagħhom huma indipendenti. F’dan ir-rigward, il-fatt biss li r-riżultat ta’ waħda minn dawn il-proċeduri jista’ jinfluwenza dak tal-oħra, partikolarment, l-effett potenzjali tal-ammont li għandu jiġi rrestitwit fil-kuntest ta’ talba għal annullament u għar-restituzzjoni tal-indebitu fuq l-evalwazzjoni tad-dannu eventwali fil-kuntest ta’ talba għad-danni ma huwiex suffiċjenti sabiex id-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri jiġu kklassifikati bħala “irrikonċiljabbli” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ żewġ azzjonijiet imressqa kontra diversi konvenuti, li għandhom suġġett u bażi differenti u ma humiex relatati ma’ xulxin b’rabta ta’ sussidjarjetà jew ta’ inkompatibbiltà, ma huwiex suffiċjenti li l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom jista’ potenzjalment jaffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-każ tal-oħra sabiex ikun hemm riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ir-rekwiżit tal-kitba stipulat fl-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tiġi inkluża fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds, ikun issodisfatt biss jekk il-kuntratt iffirmat mill-partijiet mal-ħruġ tat-titoli fis-suq primarju jsemmi l-aċċettazzjoni ta’ din il-klawżola jew jinkludi riferiment espress għal dan il-prospett;

klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds redatt mill-persuna li toħroġ dawn it-titoli tista’ tiġi invokata kontra terz li kiseb dawn it-titoli mingħand intermedjarju finanzjarju jekk huwa stabbilit, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, qabelxejn, li din il-klawżola hija valida fir-relazzjoni bejn il-persuna li toħroġ it-titoli u dan l-intermedjarju finanzjarju, sussegwentement, li dan it-terz, billi ssottoskriva fis-suq sekondarju għat-titoli inkwistjoni, issuċċeda lil dan l-intermedjarju fid-drittijiet u fl-obbligi marbuta ma’ dawn it-titoli skont id-dritt nazzjonali applikabbli u, finalment, li t-terz ikkonċernat kellu l-possibbiltà li jieħu konjizzjoni tal-prospett li jinkludi din il-klawżola, u

l-inklużjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds tista’ titqies bħala forma aċċettata minn użanza tal-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li tippermetti l-preżunzjoni tal-kunsens ta’ dik il-persuna li fil-konfront tagħha tkun qed tiġi invokata, sakemm dan ikun speċifikament stabbilit, li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, minn naħa, li tali aġir huwa segwit b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi fis-settur ikkunsidrat waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ dan it-tip u, min-naħa l-oħra, li preċedentement il-partijiet kellhom relazzjonijiet kummerċjali bejniethom jew ma’ partijiet oħrajn li joperaw fis-settur ikkunsidrat, jew li l-aġir inkwistjoni huwa suffiċjentement magħruf sabiex jitqies li huwa prattika kkonsolidata.

 

2)

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjonijiet intiżi għall-annullament ta’ kuntratt u għar-restituzzjoni tas-somom indebitament imħallsa fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt jaqgħu taħt il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

3)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ żewġ azzjonijiet imressqa kontra diversi konvenuti, li għandhom suġġett u bażi differenti u ma humiex relatati ma’ xulxin b’rabta ta’ sussidjarjetà jew ta’ inkompatibbiltà, ma huwiex suffiċjenti li l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom jista’ potenzjalment jaffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-każ tal-oħra sabiex ikun hemm riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top