EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0029

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014.
Global Trans Lodzhistik OOD vs Nachalnik na Mitnitsa Stolichna.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikoli 243 u 245 – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 181a – Deċiżjoni appellabbli – Ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja mingħajr azzjoni amministrattiva minn qabel – Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.
Kawżi magħquda C‑29/13 u C‑30/13.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:140

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 243 u 245 — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikolu 181a — Deċiżjoni appellabbli — Ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja mingħajr azzjoni amministrattiva minn qabel — Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawżi magħquda C‑29/13 u C‑30/13,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-4 ta’ Jannar 2013, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2013, fil-proċeduri

Global Trans Lodzhistik OOD

vs

Nachalnik na Mitnitsa Stolichna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Global Trans Lodzhistik OOD, minn M. Aydarova, advokat,

għan-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, minn S. Zlatkov, bħala aġent,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u D. Drambozova, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Keppenne u S. Petrova kif ukoll minn B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 243 u 245 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3254/94, tad-19 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 326, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 2454/93”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Global Trans Lodzhistik OOD (iktar ’il quddiem, “Global Trans Lodzhistik”) u n-Nachalnik na Minitsa Stolichna (Direttur tal-uffiċċju doganali ta’ Sofia) dwar rikors ippreżentat minn din il-kumpannija intiż għall-annullament ta’ żewġ deċiżjonijiet li jirrettifikaw il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata minnha u li jimponulha aġġustament fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, il-“VAT”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 4(5) tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

5)

‘Deċiżjoni’ tfisser kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali li għandu x’jaqsam ma’ regoli doganali li jagħtu deċiżjoni dwar każ partikolari, dan l-att ikollu effetti legali fuq persuna waħda jew persuni speċifiċi u identifikabbli; dan it-terminu jkopri, inter alia, informazzjoni li torbot fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 12;”.

4

Skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan il-kodiċi:

“Deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet doganali bil-miktub li jew jiċħdu talbiet jew huma detrimentali għall-persuni li lilhom huma indirizzati għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Għandhom jagħmlu referenza għad-dritt ta’ appell li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 243.”

5

Skont l-Artikolu 243 tal-imsemmi kodiċi:

“1.   Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.

[...]

2.   Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:

a)

inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali nominati għal dak l-iskop mill-Istati Membri;

b)

sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.”

6

L-Artikolu 245 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

7

L-Artikolu 181a tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet doganali m’għandhomx għalfejn jistabbilixxu l-valutazzjoni doganali tal-merkanzija importata fuq il-bażi tal-metodu tal-valur tat-transazzjoni jekk, skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, dawn ma jkunux sodisfatti, fuq il-bażi ta’ dubji raġonevoli, li l-valur dikjarat jirrappreżenta l-ammont totali mħallas jew dovut kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi.

2.   Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dubji kif deskritt fil-paragrafu 1 dawn jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 178(4). Jekk dawn id-dubji jippersistu, l-awtoritajiet doganali għandhom, qabel jieħdu deċiżjoni finali, jinnotifikaw lill-persuna interessata, bil-miktub jekk mitlub, dwar ir-raġunijiet għal dawk id-dubbji u jipprovduh bl-opportunità raġonevoli biex jirrispondi. Deċiżjoni finali u l-motivi għaliha għandhom ikunu kkomunikati bil-miktub lill-persuna interessata”.

Id-dritt Bulgaru

8

L-Artikolu 211a tal-Liġi dwar id-dwana (Zakon na mitnitsite, DV Nru 15, tas-6 ta’ Frar 1998, iktar ’il quddiem iz-“ZM”) jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet ta’ rkupru furzat ta’ dejn pubbliku tal-Istat huma atti amministrattivi individwali meħuda mid-direttur tad-dwana fil-ġurisdizzjoni ġeografika li fiha tnissel id-dejn mhux imħallas fit-termini preskritti; dawn l-atti jistabbilixxu li d-dejn doganali u dejn pubbliku ieħor sar eżiġibbli.”

9

Skont l-Artikolu 211f taz-ZM, id-deċiżjoni ta’ rkupru furzat tista’, fi żmien 14-il jum li jibdew jgħoddu min-notifika tagħha, tkun is-suġġett ta’ appell quddiem id-direttur tad-dwana.

10

L-Artikolu 220(1) jipprovdi:

“Kwalunkwe persuna tista’ tippreżenta, kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali li hija tkun is-suġġett tagħhom, appell skont il-modalitajiet previsti mill-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva.”

11

L-Artikolu 148 tal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks, DV Nru 30, tal-11 ta’ April 2006) jipprovdi:

“Kull att amministrattiv jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja, anki meta l-possibbiltà li ssir azzjoni amministrattiva ma tkunx ġiet eżawrita, sakemm dan il-kodiċi jew liġi speċjali ma jipprovdux mod ieħor.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fil-15 (Kawża C‑30/10) u fit-23 ta’ Settembru 2010 (Kawża C‑29/13) rispettivament, Global Trans Lodzhistik ippreżentat żewġ dikjarazzjonijiet doganali għal merkanzija importata mit-Turkija taħt il-proċedura doganali tar-rilaxx għall-konsum u għall-moviment liberu.

13

L-awtoritajiet doganali Bulgari wettqu kontroll tad-dokumenti u eżami tal-merkanzija, skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali. Minħabba dubji li kellhom dwar jekk il-valur iddikjarat kienx jirrappreżenta l-prezz effettivament imħallas jew il-prezz li għandu jitħallas, dawn l-awtoritajiet doganali ġabru kampjuni mill-merkanzija u talbu informazzjoni addizzjonali mingħand Global Trans Lodzhistik, skont l-Artikoli 178(4), u 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93. Fil-15 (Kawża C‑30/13) u fit-23 ta’ Settembru 2010 (Kawża C‑29/13), Global Trans Lozhistik irrispondiet li hija kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni mitluba u indikat li l-kuntratt ta’ bejgħ internazzjonali kien jipprevedi pagament differit tal-merkanzija.

14

Bid-Deċiżjonijiet Nru 9600-0561/01.10.2010 (Kawża C‑29/13) u Nru 9600-541/24.09.2010 (Kawża C‑30/13), in-Nachalnik na Minitsa Stolichna ffissa valur doganali ġdid għal parti mill-merkanzija, li ġie stabbilit abbażi tal-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-valur doganali, dawn id-deċiżjonijiet ordnaw aġġustament fiskali ta’, rispettivament, 3083,38 lev Bulgaru (BGN) u ta’ BGN 2 192.13, fir-rigward tal-VAT dovuta b’mod addizzjonali (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjonijiet inkwistjoni”).

15

Id-deċiżjonijiet inkwistjoni kienu jsemmu speċifikament li, skont l-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali, Global Trans Lodzhistik kienet informata bl-ammont tad-dejn doganali.

16

Global Tranz Lodzhistik ikkontestat id-deċiżjonijiet inkwistjoni direttament quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva ta’ Sofia), mingħajr ma użat il-possibbiltà ta’ stħarriġ amministrattiv minn qabel quddiem in-Nachalnik na Minitsa Stolichna. Global Tranz Lodzhistik sostniet li l-valur doganali ma ġiex stabbilit korrettament u li twettqu difetti proċedurali sa fejn id-dritt tagħha ta’ smigħ u li tagħmel oġġezzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, kif previst mill-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, ma ġiex irrispettat.

17

Il-qorti tar-rinviju ċaħdet iż-żewġ rikors bħala inammissibbli.

18

F’kull wieħed miż-żewġ digrieti ta’ inammissibbiltà, il-qorti tar-rinviju qieset li l-azzjoni amministrattiva minn qabel kienet obbligatorja, peress li l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi proċedura ta’ azzjoni f’żewġ stadji. Għaldaqstant hija ordnat li ż-żewġ kawżi għandhom jintbagħtu lura quddiem in-Nachalnik na Minitsa Stolichna.

19

Il-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema) annullat dawn iż-żewġ digrieti tal-qorti tar-rinviju u bagħtet lura ż-żewġ kawżi quddiemha, għar-raġuni li l-azzjoni amministrattiva ma kinitx obbligatorja f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 243(2) tal-Kodiċi Doganali ma huwiex applikabbli.

20

Filwaqt li bbażat ruħha fuq ġurisprudenza nazzjonali li minnha jirriżulta li d-deċiżjonijiet inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala atti definittivi iżda li jagħmlu parti mill-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru furzat tad-dejn pubbliku tal-Istat, il-qorti tar-rinviju ċaħdet għat-tieni darba bħala inammissibbli r-rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet u kklassifikathom bħala atti preparatorji, peress li kkunsidrathom bħala “komunikazzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali.

21

Il-Varhoven administrativen sad annullat dawn id-digrieti ta’ inammissibbiltà tal-qorti tar-rinviju għaliex id-deċiżjonijiet inkwistjoni, peress li ffissaw valur doganali ġdid, jikkostitwixxu deċiżjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 4(5) tal-Kodiċi Doganali, u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 243(1) ta’ dan il-kodiċi. Il-Varhoven administrativen sad indikat ukoll li l-ġurisprudenza ċċitata mill-qorti tar-rinviju hija applikabbli biss fil-każ li l-att inkwistjoni jikkostitwixxi komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 206 taz-ZM, li tagħmel parti mill-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru furzat ta’ dejn pubbliku tal-Istat.

22

Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha reġgħu ntbagħtu ż-żewġ kawżi għat-tieni darba mill-Varhoven administrativen sad, tistaqsi dwar il-portata tal-Artikoli 243 u 245 tal-Kodiċi Doganali. Din il-qorti tqis, fil-fatt, li l-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi u n-natura obbligatorja tal-azzjoni amministrattiva minn qabel ma jirriżultawx biċ-ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali. Id-determinazzjoni tal-att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konstatazzjoni u ta’ rkupru ta’ dejn doganali tiddependi mill-portata tal-awtonomija proċedurali li tħalliet lill-Istati Membru skont l-Artikolu 245 ta’ dan il-kodiċi.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, jekk id-deċiżjonijiet inkwistjoni għandhomx jitqiesu bħala definittivi, fis-sens tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, b’tali mod li huma jikkostitwixxu atti li, skont id-dritt tal-Unjoni, jistgħu jiġu kkontestati jew jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex atti rregolati mid-dritt nazzjonali, li għandhom jiġu kklassifikati bħala “miżuri” fis-sens tal-Artikolu 232(1)(a) tal-Kodiċi Doganali.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 243(1) tal-[Kodiċi Doganali, moqri] flimkien mal-Artikolu 245 tal-imsemmi kodiċi u [fid-dawl ta]l-prinċipji [tar-rispett] tad-drittijiet tad-difiża u tar-res judicata, għand[u] jiġ[i] interpretat[...] fis-sens li ma jippreklud[i]x leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huma l-Artikoli 220 u 211(a) [taz-ZM], skont liema diversi deċiżjonijiet ta’ awtorità doganali, li jinnotifikaw stima mill-ġdid tal-imsemmija dwana, fid-dawl tal-irkupru sussegwenti tagħha, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors, inkluż meta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fis-sens tal-Artikolu 181a(2) tar-[Regolament Nru 2454/93], huwa possibbli fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tan-notifika tal-imsemmija stima mill-ġdid?

2)

L-Artikolu 243(2) [tal-Kodiċi Doganali], dwar id dritt ta’ appell, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissuġġettax l-ammissibiltà ta’ appell ġudizzjarju kontra deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-Artikolu 181a(2) tar Regolament Nru 2454/93, għall-eżerċizzju ta’ appell amministrattiv, bħala prerekwiżit?

3)

L-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li meta l proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni ma tkunx ġiet osservata f’dak li jirrigwarda id-dritt ta’ smigħ u dak li jitqajmu oġġezzjonijiet, id-deċiżjoni meħuda minn awtorità doganali bi ksur ta’ dawn ir-regoli ma tikkostitwixxix deċiżjoni definittiva fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, iżda biss stadju fil-proċedura tal-adozzjoni tagħha? Sussidjarjament, l-istess dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fis-sens li d-deċiżjoni meħuda [bi] ksur [tad-dispożizzjonijiet] proċedurali [ċċitati iktar ’il fuq] [t]ista’ [t]kun direttament is-suġġett ta’ appell quddiem qorti li jkollha l-obbligu li tiddeċiedi fuq il-mertu?

4)

L-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali u tal-prinċipju ta’ legalità, fis-sens li meta l-proċedura prevista fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ma tiġix osservata f’dak li jirrigwarda id-dritt ta’ smigħ u f’dak li jitqajmu oġġezzjonijiet, id-deċiżjoni meħuda minn awtorità doganali bi ksur ta’ dawn id-drittijiet hija nulla minħabba difett proċedurali sostanzjali, ekwiparabbli għal ksur proċedurali sostanzjali, liema ksur jimplika n-nullità tal-att indipendentement mill-konsegwenzi konkreti tal-ksur, [u...]l-qorti li quddiemha tinstema’ l-kawża għandha tiddeċiedi fuq l-appell ippreżentat minn dan l-att, mingħajr ma tkun tista’ tirrinvija l-kawża quddiem l-awtorità amministrattiva sabiex il-kawża tingħalaq skont ir-regoli [applikabbli]?”

25

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2013, il-Kawżi C‑29/13 u C‑30/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk deċiżjoni, bħal waħda minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala suġġett ir-rettifika, abbażi tal-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, tal-valur doganali ta’ merkanzija bil-konsegwenza tan-notifika lill-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni ta’ aġġustament fiskali fir-rigward tal-VAT, tikkostitwixxix att li jista’ jiġi appellat, fis-sens tal-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali rigward ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-awtorità tar-res judicata, l-Artikolu 245 tal-imsemmi kodiċi jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi żewġ rimedji distinti sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali.

27

Fir-rigward, minn naħa, tal-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni, bħal waħda minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix att li jista’ jiġi appellat, fis-sens tal-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, minn qari flimkien tal-Artikoli 243(1) u 4(5) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li kull persuna għandha d-dritt tappella minn kull deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet doganali li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u li tikkonċernaha direttament u individwalment.

28

Għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet inkwistjoni ġew adottati min-Nachalnik na Minitsa Stolichna u li għandhom bħala suġġett rettifika, abbażi tal-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, tal-valur doganali tal-merkanzija kif iddikjarat inizjalment minn par Global Trans Lodzhistik, bil-konsegwenza tan-notifika ta’ aġġustament fiskali fir-rigward tal-VAT.

29

Għaldaqstant id-deċiżjonijiet inkwistjoni jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u jipproduċu effetti legali diretti fuq Global Trans Lodzhistik, inkwantu huma jagħtu lok għal dejn ta’ piż fuq din il-kumpannija fil-konfront tal-Istat Bulgaru fir-rigward tal-VAT.

30

Minbarra dan, mill-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li d-deċiżjonijiet rigward l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li jkollhom konsegwenzi żvantaġġużi għall-persuni li lilhom huma indirizzati għandhom isemmu l-possibbiltà ta’ appell prevista fl-Artikolu 243 ta’ dan il-kodiċi.

31

Għaldaqstant id-deċiżjonijiet inkwistjoni huma atti li jistgħu jiġu appellati, fis-sens tal-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali.

32

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-awtorità ta’ res judicata, l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija z-ZM, li tipprevedi żewġ rimedji distinti sabiex jiġu appellati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 245 ta’ dan il-kodiċi, id-dispożizzjonijiet relatati mal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ appell jiġu adottati mill-Istati Membri.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom skont id-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa, dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, Ġabra p. I-5669, punt 55, u tat-18 ta’ Ottubru 2012, Pelati, C‑603/10, punt 23).

34

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi osservat li, f’dak li jirrigwarda l-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda element li jqajjem dubju dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

35

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, skont l-Artikolu 220(1) taz-ZM, moqri flimkien mal-Artikolu 148 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, id-debitur ta’ dejn pubbliku jista’ jieħu azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali, anki meta l-possibbiltajiet ta’ azzjoni amministrattiva ma jkunux ġew eżawriti, sakemm il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jew liġi speċjali ma jipprovdux mod ieħor.

36

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 211f taz-ZM, id-debitur ta’ dejn pubbliku għandu wkoll il-possibbiltà li jikkontesta quddiem id-direttur tad-dwana deċiżjoni ta’ rkupru furzat ta’ dejn pubbliku, adottata abbażi tal-Artikolu 211a ta’ din l-istess liġi, fi żmien 14-il jum li jibdew jgħoddu min-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

37

Għaldaqstant id-debitur ta’ dejn pubbliku għandu l-possibbiltà li jinvoka d-drittijiet ta’ difiża tiegħu f’żewġ stadji differenti tal-proċedura doganali. L-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ rimedji sabiex jikkontesta l-atti tal-awtoritajiet doganali ma tirrendix impossibbli jew diffiċli b’mod eżaġerat l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

38

Barra minn hekk, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, għandu jitfakkar li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju għandhom josservaw ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C-2/08, Ġabra p. I-7501, punt 24).

39

F’dak li jirrigwarda l-kawżi prinċipali, minn naħa, il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa osservat peress li ż-żewġ rimedji msemmija fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza huma applikabbli indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-suġġett tat-tilwima jirriżultax mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività hija żgurata ladarba ż-żewġ rimedji jirreferu għal żewġ atti amministrattivi li huma adottati fi stadji differenti tal-proċedura doganali u huma distinti fir-rigward tal-għan u tal-bażi legali tagħhom.

40

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, minn naħa, deċiżjoni, bħal waħda minn dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li għandha bħala suġġett ir-rettifika, abbażi tal-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, tal-valur doganali ta’ merkanzija bil-konsegwenza tan-notifika lill-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni ta’ aġġustament fiskali fir-rigward tal-VAT, tikkostitwixxi att appellabbli, fis-sens tal-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali rigward ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-awtorità tar-res judicata, l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi żewġ rimedji distinti sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali, sakemm din il-leġiżlazzjoni la tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas kontra dak ta’ effettività.

Fuq it-tieni domanda

41

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 għall-kundizzjoni li l-possibbiltajiet ta’ azzjoni amministrattiva kontra dawn id-deċiżjonijiet ikunu ġew eżawriti qabel.

42

Skont l-Artikolu 243(2) tal-Kodiċi Doganali, id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat, inizjalment, quddiem l-awtorità doganali u, fit-tieni stadju, quddiem korp indipendenti li tista’ tkun awtorità ġudizzjarja.

43

Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia (C-1/99, Ġabra p. I-207, punt 36), mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-appell quddiem l-awtorità doganali jikkostitwixxi stadju obbligatorju qabel il-preżentata ta’ appell quddiem il-korp indipendenti.

44

Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-Artikolu 243 ta’ dan il-kodiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi jekk l-operaturi għandhomx, inizjalment, jippreżentaw appell quddiem l-awtorità doganali jew jekk jistgħux jadixxu direttament l-awtorità ġudizzjarja indipendenti (sentenza Kofisa Italia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

45

Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali ma jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 għall-kundizzjoni li l-possibbiltajiet ta’ azzjoni amministrattiva kontra dawn id-deċiżjonijiet ikunu ġew eżawriti qabel.

Fuq it-tielet domanda

46

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ u li tagħmel oġġezzjonijiet, deċiżjoni adottata abbażi ta’ dan l-artikolu tista’ titqies bħala definittiva u jekk, f’ipoteżi parallela, dan id-difett proċedurali jagħtix lill-persuna kkonċernata d-dritt li tadixxi awtorità ġudizzjarja indipendenti b’appell minn din id-deċiżjoni.

47

L-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi li jekk id-dubji tal-awtoritajiet doganali rigward id-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija jibqgħu jeżistu, huma għandhom, qabel ma jieħdu deċiżjoni definittiva, jinformaw lill-persuna kkonċernata bil-motivi li fuqhom huma bbażati dawn id-dubji u jagħtuha opportunità raġonevoli li tagħti risposta. Id-deċiżjoni finali kif ukoll il-motivi relatati magħha għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna kkonċernata bil-miktub.

48

Minkejja li dan l-artikolu jipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet doganali, qabel ma jieħdu deċiżjoni definittiva, li jinformaw lill-persuna kkonċernata bil-motivi li fuqhom huma bbażati dawn id-dubji u jagħtuha opportunità raġonevoli li tispjega ruħha, qabel ma jieħdu deċiżjoni definittiva, il-ksur ta’ dan l-obbligu mill-awtoritajiet doganali ma jistax madankollu jkollu effett fuq in-natura definittiva tad-deċiżjoni u lanqas fuq il-klassifikazzjoni tal-att adottat abbażi tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 bħala deċiżjoni. Fil-fatt, dan l-att adottat mill-awtoritajiet doganali jipproduċi, f’kull każ, effetti legali fil-konfront tad-destinatarju tiegħu, sa fejn huwa jwassal għad-determinazzjoni ta’ valur doganali ġdid tal-merkanzija u jikkostitwixxi b’dan il-mod deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(5) tal-Kodiċi Doganali.

49

Min-naħa l-oħra, il-ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ jivvizzja l-imsemmija deċiżjoni b’illegalità li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell dirett quddiem awtorità ġudizzjarja indipendenti, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza.

50

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni adottata abbażi ta’ dan l-artikolu għandha titqies bħala definittiva u tista’ tkun is-suġġett ta’ appell dirett quddiem awtorità ġudizzjarja indipendenti, anki fil-każ li tkun ġiet adottata bi ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ u li tagħmel oġġezzjonijiet.

Fuq ir-raba’ domanda

51

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ u li tagħmel oġġezzjonijiet previst fl-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, li jwassal għan-nullità tad-deċiżjoni adottata skont dan l-istess artikolu, jobbligax lill-qorti adita bl-appell minn din id-deċiżjoni tiddeċiedi fuq l-imsemmi appell mingħajr ma tkun tista’ tikkunsidra li tibgħat lura l-kawża quddiem l-awtorità amministrattiva.

Fuq l-ammissibbiltà

52

In-Nachalnik na Minitsa Stolichna iqis li l-kwistjoni tal-eventwali nullità tad-deċiżjonijiet inkwistjoni hija ipotetika, għaliex it-tilwimiet fil-kawżi prinċipali ma ġewx eżaminati fuq il-mertu. Din il-kwistjoni hija għaldaqstant inammissibbli.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Apis-Hristovich, C-545/07, Ġabra p. I-1627, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenza Apis-Hristovich, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’elementi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 sabiex tkun tista’ tevalwa, skont id-dritt tal-Unjoni, il-konsegwenzi tal-annullament ta’ deċiżjoni li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipju relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

56

Għaldaqstant id-domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

57

Għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli ladarba l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta kontra persuna att li jippreġudikaha (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, Ġabra p. I-10369, punt 36). Skont dan il-prinċipju, imfakkar b’mod espliċitu fl-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu l-opinjoni tagħhom rigward l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni beħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Għal dan l-għan, huma għandhom jibbenefikaw minn tul ta’ żmien suffiċjenti (sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Jirriżulta, minn naħa, mid-dokumenti fil-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li n-Nachalnik na Minitsa Stolichna ma tax il-possibbiltà lil Global Trans Lodzhistik għal smigħ u li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni. Dawn, għaldaqstant, jistgħu jiġu annullati.

59

Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kodiċi Doganali ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni rigward il-konsegwenzi tal-annullament ta’ “deċiżjoni definittiva” fis-sens tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-awtonomija proċedurali li tħalliet lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-imsemmija konsegwenzi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni u sakemm, minn naħa, il-miżuri adottati f’dan is-sens ikunu tal-istess tip bħal dawk li jibbenefikaw minnhom l-individwi jew l-impriżi f’sitwazzjonijiet ta’ dritt nazzjonali komparabbli u, min-naħa l-oħra, ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni.

61

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ u li tqajjem oġġezzjonijiet previst fl-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni mressaq quddiemha u fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk, ladarba d-deċiżjoni li tkun ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jkollha tiġi annullata għal din ir-raġuni, hijiex marbuta tiddeċiedi fuq l-appell minn din id-deċiżjoni jew jekk tistax tikkunsidra li tibgħat lura t-tilwima quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Minn naħa, deċiżjoni, bħal waħda minn dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li għandha bħala suġġett rettifika, abbażi tal-Artikolu 30(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, tal-valur doganali ta’ merkanzija bil-konsegwenza tan-notifika lill-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni ta’ aġġustament fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tikkostitwixxi att appellabbli, fis-sens tal-Artikolu 243 ta’ dan ir-Regolament Nru 2913/92. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali rigward ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-awtorità tar-res judicata, l-Artikolu 245 tal-imsemmi Regolament Nru 2913/92 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi żewġ rimedji distinti sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali, sakemm din il-leġiżlazzjoni la tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas kontra dak ta’ effettività.

 

2)

L-Artikolu 243 tar-Regolament Nru 2913/92 ma jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet adottati abbażi l-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 3254/94, għall-kundizzjoni li l-possibbiltajiet ta’ azzjoni amministrattiva kontra dawn id-deċiżjonijiet ikunu ġew eżawriti qabel.

 

3)

L-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 3254/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni adottata abbażi ta’ dan l-artikolu għandha titqies bħala definittiva u tista’ tkun is-suġġett ta’ appell dirett quddiem awtorità ġudizzjarja indipendenti, anki fil-każ li tkun ġiet adottata bi ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ u li tagħmel oġġezzjonijiet.

 

4)

Fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ u li tqajjem oġġezzjonijiet previst fl-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 3254/94, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni mressaq quddiemha u fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk, ladarba d-deċiżjoni li tkun ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jkollha tiġi annullata għal din ir-raġuni, hijiex marbuta tiddeċiedi fuq l-appell minn din id-deċiżjoni jew jekk tistax tikkunsidra li tibgħat lura t-tilwima quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top