EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0195

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013.
Industrie du bois de Vielsalm & Cie (IBV) SA vs Région wallonne.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju).
Direttiva 2004/8/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Koġenerazzjoni u koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja — Artikolu 7 — Skema reġjonali ta’ għajnuna li tipprovdi għall-għoti ta’ ‘ċertifikati ħodor’ lill-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni — Għoti ta’ kwantità ogħla ta’ ċertifikati ħodor lill-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment forom ta’ bijomassa għajr l-injam jew l-iskart tal-injam — Prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni — Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C‑195/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:598

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Direttiva 2004/8/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Koġenerazzjoni u koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja — Artikolu 7 — Skema reġjonali ta’ għajnuna li tipprovdi għall-għoti ta’ ‘ċertifikati ħodor’ lill-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni — Għoti ta’ kwantità ogħla ta’ ċertifikati ħodor lill-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment forom ta’ bijomassa għajr l-injam jew l-iskart tal-injam — Prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni — Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑195/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 2012, fil-proċedura

Industrie du bois de Vielsalm & Cie (IBV) SA

vs

Ir-Reġjun ta’ Wallonie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Industrie du bois de Vielsalm & Cie (IBV) SA, minn E. Lemmens u E. Kiehl, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn L. Depré, avukat,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn J. Rodrigues u A. Tamás, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 3), moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121), u mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Industrie du bois de Vielsalm & Cie SA (iktar ’il quddiem “IBV”) u r-Reġjun ta’ Wallonie dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha l-benefiċċju ta’ skema ta’ għajnuna msaħħa li tipprovdi għall-għoti ta’ “ċertifikati ħodor” addizzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/8

3

Id-Direttiva 2004/8 ġiet adottata taħt il-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent abbażi tal-Artikolu 175(1) KE.

4

Il-premessi 1, 5, 24, 26, 31 u 32 tad-Direttiva 2004/8 jipprovdu:

“(1)

Il-potenzal għal użu tal-koġenerazzjoni bħala miżura biex tfaddal l-enerġija hija sottoutilizzata fil-Komunità fil-preżent. Il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni b’effiċjenza għolja bbażata fuq id-domanda għal sħana utli hija prijorità tal-Komunità minħabba il-benefiċċji potenzali tal-koġenerazzjoni b’rigward lejn it-tfaddil ta’ l-enerġija primarja, tevita telf min-networks u tnaqqas l-emissjonijiet, partikolarment ta’ gassijiet serra. Barra dan, l-użu effiċjenti ta’ l-enerġija bil-koġenerazzjoni jista’ jikkontribwixxi pożittivament ukoll għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija u għas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-potenzal huwa esplojtjat aħjar ġewwa l-kwadru tas-suq intern ta’ l-enerġija.

[...]

(5)

L-użu miżjud tal-koġenerazzjoni mmirat lejn it-tfaddil ta’ enerġija primarja tista’ tikkostitwixxi parti importanti tal-pakkett tal-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Kwadru tal-Konvenzioni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq Kambjamenti tal-Klima [iktar ’il quddiem il-‘Protokoll ta’ Kyoto’] [...]

[...]

(24)

L-appoġġ pubbliku għandu jkun [L-għajnuna pubblika għandha tkun] konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-Komunità fuq għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ta’ l-ambjent [ĠU 2001, C 37, p. 3, iktar ‘’il quddiem il-’Linji gwida Komunitarji’], inkluż fir-rigward ta’ non-kumulazzjoni ta’ l-għajnuna. Dawn il-linji gwida preżentament iħallu ċertu tip ta’ appoġġ pubbliku jekk jista’ jiġi esibit li l-miżuri ta’ appoġġ huma ta’ benefiċċju skond il-protezzjoni ta’ l-ambjent minħabba li l-konverżjoni ta’ l-effiċjenza hija partikolarment għolja, minħabba li l-miżuri ser iħalli l-konsum ta’ l-enerġija jiġi mnaqqas jew minħabba l-proċess ta’ produzzjoni ser ikun inqas ta’ ħsara għall-ambjent. Appoġġ bħal dan ser f’xi każi jkun neċessarju biex tesplojtja iktar il-potenzal għal koġenerazzjoni, partikolarment biex tieħu qies għal bżonn biex tassimila spejjeż esterni.

[...]

(26)

L-Istati Membri iħaddmu mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ għal koġenerazzjoni f’livell nazzjonali, inkluż għajnuna għal investiment, eżenzjonijiet jew riduzzjonijet ta’ taxxa, ċertifikati ħodor u skemi ta’ appoġġ għal prezzijiet diretti. Mezz importanti biex totjeni l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiggarantixxi l-ħidma kif suppost ta’ dawn il-mekkaniżmi, sakemm kwadru armonizzat tal-Komunità jiġi mħaddem, sabiex iżomm l-kunfidenza ta’ l-investitur. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ssegwi s-sitwazzjoni u tirraporta fuq l-esperjenzi akkwistati mill-applikazzjoni ta’ l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali

[...]

(31)

L-effiċjenza totali u s-sostenibbilità tal-koġenerazzjoni hija dipendenti fuq ħafna fatturi, bħal teknoloġija użata, tipi ta’ karburant, load curves, il-qies ta’ l-unità, u ukoll fuq il-proprjetajiet tas-sħana. [...]

(32)

Skond il-prinċipji tas-sussidjarità u l-proporzjonalità kif iddikjarati fl-Artikolu [5 KE], prinċipji ġenerali li jipprovdu kwadru għal promozzjoni tal-koġenerazzjoni fis-suq intern ta’ l-enerġija għandhom jiġu stabbiliti fil-livell Komunitarju, imma l-implimentazzjoni dettaljata għandha titħalla lill-Istati Membri, għalhekk tippermetti lil kull Stat Membru li jagħżel ir-reġim, li l-aħjar jikkorispondi għas-sitwazzjoni tiegħu partikolari. Din id-Direttiva tillimita lilha nnfisha għal minimu rikjest sabiex totjeni dawk l-għanijiet u ma tmurx oltre dak li hu neċessarju għal dak l-iskop.”

5

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/8, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa “li jkabbar l-effiċjenza ta’ l-enerġija u jtejjeb is-sigurtà tal-provvista billi joħloq kwadru għal promozzjoni u żvilupp ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja [b’effiċjenza għolja] ta’ enerġija elettrika u termali bbażata fuq id-domanda għal sħana utli u t-tfaddil ta’ enerġija primarja fis-suq intern ta’ l-enerġija, tieħu qies taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi speċjalment li jikkonċernaw l-kondizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi.”

6

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/8 jipprovdi, taħt l-intestatura “L-Ambitu”, li din id-direttiva “għandha tapplika għal koġenerazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 u teknoloġiji ta’ koġenerazzjoni elenkati fl-Anness I.”

7

Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

‘koġenerazzjoni’ għandha tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta’ enerġija termali u elettrika u/jew enerġija mekkanika;

b)

‘sħana utli’ għandha tfisser sħana prodotta fi proċess ta’ koġenerazzjoni biex tissodisfa domanda ekonomikament ġustifikabbli għal tisħin u tkessiħ;

[...]

i)

‘koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja’ għandha tfisser koġenerazzjoni li tilħaq il-kriterja ta’ l-Anness III;

[...]

l)

‘unità ta’ koġenerazzjoni’ għandha tfisser unità li tista’ topera fil-mod ta’ koġenerazzjoni taħt il-50 kWe(m) [f’modalità ta’ koġenerazzjoni];

[...]

Barra dan, id-definizzjonijiet relevanti fid-Direttiva 2003/54/KE, u fid-Direttiva 2001/77/KE għandhom japplikaw.”

8

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, intitolat “Skemi ta’ appoġġ [għajnuna]”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li appoġġ għal koġenerazzjoni – unitajiet eżisteni u futuri – huwa bbażat fuq id-domanda għal sħana utli u tfaddil ta’ enerġija primarja, fid-dawl ta’ l-opportunitajiet għad-dispożizzjoni għat-tnaqqis fid-domanda ta’ l-enerġija minn miżuri ekonomikament prattiċi jew ambjentalment vantaġġużi oħra bħal miżuri ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija oħra.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli [87 KE] u [88 KE], il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ użati mill-Istati Membri skond liema l-produttur tal-koġenerazzjoni jirċievi, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa minn awtoritajiet pubbliċi, appoġġ dirett jew indirett, li jista’ jkollu l-effett li jirrestrinġi l-kummerċ.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra jekk dawk il-mekkaniżmi jikkontribwixxu għall-insegwiment ta’ l-għanijiet iddikjarati fl-Artikoli [6 KE] u [174(1) KE].”

9

L-Anness III tad-Direttiva 2004/8 jipprovdi, b’mod partikolari:

“a)

Koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja

Għall-fini ta’ din id-Direttiva koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja għandha taderixxi mal-kriterja li ġejja:

Produzzjoni ta’ koġenerazzjoni prodotta minn unitajiet ta’ koġenerazzjoni għandhom jipprovdu tfaddil ta’ enerġija primarja kalkolati skond punt (b) ta’ mill-inqas 10 % komparati mar-referenzi għal produzzjoni separata ta’ sħana u elettriċità,

[...]”

Id-Direttiva 2001/77

10

Id-Direttiva 2001/77 tħassret permezz tad-Direttiva 2009/28 mill-1 ta’ Jannar 2012. Madankollu, l-Artikoli 2 u 4 tagħha, b’mod partikolari, tħassru b’effett mill-1 ta’ April 2010 permezz tal-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

11

Id-Direttiva 2001/77 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE.

12

Il-premessi 1, 2, 8, 14, 15 u 19 tad-Direttiva 2001/77 kienu jipprovdu:

“(1)

Il-potenzjal għall-isfruttament ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli mhux użata biżżejjed fil-preżent. Il-Komunità tirrikonoxxi l-bżonn li tħeġġeġ sorsi ta’ enerġija rinovabbli bħala miżura prioritarja billi l-isfruttment tagħhom jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Barra dan, dan jista’ joħloq ukoll impjiegi lokali, ikollu impatt pożittiv fuq il-koeżjoni ambjentali, jikkontribwixxi għas-sigurezza tal-provista u jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-miri ta’ Kyoto iktar malajr. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun zgurat li dan il-potenzjal huwa sfruttat aħjar fil-qafas tas-suq intern ta’ l-elettriku.

(2)

Il-promozzjoni ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli hija prijorità kbira tal-Komunità [...] għal raġunijiet ta’ sigurtà u diversifikazzjoni tal-provista ta’ l-enerġija, ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ koeżjoni soċjali u ekonomika. [...]

[...]

(8)

Meta jużaw l-iskart bħala sorsi ta’ enerġija, l-Istati Membri għandhom iħarsu l-leġislazzjoni tal-Komunit kurrenti fuq il-ġestjoni ta’ l-iskart. [...] L-appoġġ għals-sorsi ta’ enerġija rinovabbli għandu jkun konsistenti ma’ l-oġġettivi l-oħra tal-Komunità, partikolarment ir-rispett għall-ġerarkija tat-trattament ta’ l-iskart. [...]

[...]

(14)

L-Istati Membri joperaw mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli [fuq livell nazzjonali], inkluż ċertifikati ħodor, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet tat-taxxa jew riduzzjonijiet, rifużjonijiet tat-taxxa u skemi ta’ appoġġ ta’ prezz dirett. Mezz importanti wieħed biex jintlaħaq dan l-għan ta’ din id-Direttiva hija biex tiggarantixxi l-funzjonament xieraq ta’ dawn il-mekkaniżmi, sakemm qafas Komunitarju jitpoġġa fis-seħħ, biex tinżamm il-kunfidenza ta’ l-investitur.

(15)

Għadu kmieni wisq biex ikun deċiż qafas ġewwa l-Komunità kollha dwar skemi ta’ appoġġ [...]

[...]

(19)

Meta jkun qed jiġi favorit l-iżvilupp ta’ suq għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli, jeħtieġ li jitqies l-impatt pożittiv fuq opportunitajiet reġjonali u lokali ta’ żvilupp, prospetti ta’ esportazzjoni, koeżjoni soċjali u opportunitajiet tax-xogħol, speċjalment fir-rigward ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll produtturi ta’ enerġija indipendenti.”

13

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/77, din tal-aħħar għandha l-għan “li tkun promossa żieda fil-kontribuzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli għall-produzzjoni ta’ l-elettriku fis-suq intern għall-elettriku u biex tinħoloq bażi għal qafas tal-Komunità fil-ġejjieni tiegħu [Komunitarju futur f’dan il-qasam]”.

14

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘sorsi ta’ enerġija rinovabbli’ għandha tfisser sorsi ta’ enerġija mhux fossili rinovabbli (riħ, tax-xemx, ġeotermali, mewġ, frugħ, enerġija mill-ilma, biomassa, gass tal-miżbla, gass mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ u bijogassijiet);

b)

‘biomassa’ għandha tfisser il-parti bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inkluż sostanzi veġetali u annimali), selvikoltura u industriji rrelatati, kif ukoll il-parti bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali;

[...]”

15

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa bix jinkoraġġixxu konsum akbar ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli skont il-miri indikattivi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2. Dawn il-passi għandhom ikunu fi proporzjon ma’ l-oġġettiv li għandu jintlaħaq.”

16

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/77, intitolat “Skemi ta’ appoġġ”, kien jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli [87 KE] u [88 KE], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi użati fl-Istati Membri skond liema produttur ta’ l-elettriku, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, jirċievi appoġġ dirett jew indirett, u li jistgħu jkollhom effett li jirrestrinġu l-kummerċ, fuq il-bażi li dawn jikkontribwixxu għall-oġġettivi pprovduti fl-Artikoli [6 KE] u [174 KE].

2.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2005, tippreżenta rapport dokumentat sew fuq l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta’ mekkaniżmi differenti msemmija fil-paragrafu 1. [...] Dan ir-rapport għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat b’proposta għal qafas Komunitarju fir-rigward ta’ skemi ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli.

Kull proposta għal qafas għandha:

[...]

ċ)

tqis il-karatteristiċi tad-diversi sorsi ta’ enerġija rinovabbli, flimkien mat-teknoloġiji differenti, u d-differenzi ġeografiċi;

[...]”

Il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent

17

Skont il-punt 202 tagħhom, il-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU 2008, C 82, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”) għandhom jissostitwixxu, mit-2 ta’ April 2008, il-Linji gwida Komunitarji li għalihom tirreferi l-premessa 24 tad-Direttiva 2004/8.

18

Il-punt 112 tal-Linji gwida, li jinsab fit-Taqsima 3.1.7. ta’ dawn tal-aħħar, intitolata “Għajnuna għall-koġenerazzjoni”, jispeċifika b’mod partikolari dan li ġej:

“Investiment ambjentali u/jew għajnuna ta’ l-operazzjoni għall-koġenerazzjoni għandhom ikunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu [87(3)(c) KE], kemm-il darba l-impjant jissodisfa d-definizzjoni ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja stipulata fil-punt 70(11) […]”

19

Il-punt 70 tal-Linji gwida jaqra kif ġej:

“Għall-għan ta’ dawn il-Linji Gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

11)

koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja tfisser koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ l-Anness III għad-Direttiva 2004/8/KE [...]”

Id-dritt reġjonali ta’ Wallonie

20

L-Artikolu 2(7), (9), (11) u (14) tad-Digriet tar-Reġjun ta’ Wallonie, tat-12 ta’ April 2001, dwar l-organizzazzjoni tas-suq reġjonali tal-elettriku (Moniteur Belge tal-1 ta’ Mejju 2001, p. 14118), kif emendat bid-Digriet tal-4 ta’ Ottubru 2007 (Moniteur belge tas-26 ta’ Ottubru 2007, p. 55517), iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2001”), jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(7)

‘koġenerazzjoni ta’ kwalità’: produzzjoni mħallta ta’ sħana u elettriku, iddiżinjata skont il-bżonnijiet tal-klijent fir-rigward tas-sħana jew tal-kesħa, li twettaq tfaddil ta’ enerġija meta mqabbla mal-produzzjoni separata tal-istess kwantitajiet ta’ sħana, ta’ elettriku u, jekk ikun il-każ, ta’ kesħa f’installazzjonijiet moderni ta’ referenza li l-effiċjenza annwali tal-operat tagħhom hija ddefinita u ppublikata kull sena mill-Kummissjoni ta’ Wallonie għall-enerġija (CWaPE);

[...]

(9)

‘sorsi ta’ enerġija rinnovabbli’: kull sors ta’ enerġija, minbarra l-kombustibbli fossili u l-materjali fissili, li l-konsum tiegħu ma jillimitax l-użu tiegħu fil-futur, b’mod partikolari l-enerġija idrawlika, l-enerġija mir-riħ, l-enerġija solari, l-enerġija ġeotermika u l-bijomassa;

[...]

(11)

‘elettriku aħdar’: elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew minn koġenerazzjoni ta’ kwalità li l-industrija ta’ produzzjoni tiegħu tiġġenera rata minima ta’ 10 % ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju meta mqabbla mal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju, iddefiniti u ppubblikati kull sena mis-CWaPE, ta’ produzzjoni klassika f’installazzjonijiet moderni ta’ referenza bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(7);

[...]

(14)

‘ċertifikat aħdar’: titolu li jista’ jiġi ttrasferit, mogħti lill-produtturi tal-elettriku skont l-Artikolu 38 u intiż, permezz tal-obbligi imposti fuq il-fornituri u l-amministraturi tan-netwerks, sabiex isostni l-iżvilupp ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar”.

21

L-Artikolu 37 tad-Digriet tal-2001, li jaqa’ taħt il-Kapitolu X ta’ dan id-digriet, intitolat “Promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-koġenerazzjoni ta’ kwalità”, jipprovdi:

“Biex jiġi inkuraġġut l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u/jew koġenerazzjoni ta’ kwalità, il-Gvern qed jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikati ħodor.”

22

L-Artikolu 38(2) u (3) tad-Digriet tal-2001 jipprovdi:

“(2)   Għandu jiġi attribwit ċertifikat aħdar għal numru ta’ kWh prodotti li jikkorrispondi għal 1 MWh diviż bir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju.

Ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju hija ddeterminata billi tiġi diviża ż-żieda fid-diossidu tal-karbonju ġġenerata mill-industrija partikolari, bl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tal-industrija tal-elettriku klassika, li l-emissjonijiet tagħha huma ddefinti u ppubblikati kull sena mis-CWaPE. Din ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju hija limitata għal 1 għall-produzzjoni ġġenerata mill-installazzjoni li teċċedi l-kapaċità ta’ 5 MW. Taħt dan il-limitu, ma tistax teċċedi 2.

(3)   Madankollu, meta installazzjoni li tuża prinċipalment il-bijomassa għajr l-injam, li tirriżulta minn attivitajiet industrijali żviluppati fuq is-sit tal-installazzjoni ta’ produzzjoni, timplementa proċess partikolarment innovattiv li jwassal għal żvilupp sostenibbli, il-Gvern jista’, wara opinjoni mis-CWaPE dwar in-natura partikolarment innovattiva tal-proċess użat, jiddeċiedi li jillimita għal 2 ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju għat-totalità tal-produzzjoni tal-installazzjoni li tirriżulta mill-għadd tal-kapaċitajiet żviluppati fuq l-istess sit ta’ produzzjoni, f’limitu li huwa inferjuri għal 20 MW.

[...]”

23

L-Artikolu 57 tad-Digriet tas-17 ta’ Lulju 2008, li jemenda d-Digriet tat-12 ta’ Lulju 2001 dwar l-organizzazzjoni tas-suq reġjonali tal-elettriku, jipprovdi:

“L-Artikolu 38(3) tad-[Digriet tal-2001] għandu jkun interpretat fis-sens li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw l-injam mill-benefiċċju tal-iskema li jistabbilixxi, tirreferi għall-installazzjonijiet li jużaw kwalunkwe materjal linjoċellulożika li joħroġ mis-siġra, kwalunkwe weraq u kull tip ta’ konifera mingħajr eċċezzjoni (inklużi kwalunkwe pjanti u siġar zgħar li jikbru taħt oħrajn kbar u li għandhom rotazzjoni qasira jew qasira ħafna), qabel u/jew wara kwalunkwe tip ta’ pproċessar”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24

IBV twettaq attività ta’ tqattigħ tal-injam u topera impjant ta’ koġenerazzjoni li permezz tiegħu tuża residwi li jirriżultaw prinċipalment minn din l-attività bil-għan li tiżgura l-ġenerazzjoni tal-enerġija li għandha bżonn.

25

Fit-23 ta’ Ġunju 2008, IBV talbet li tikseb iċ-ċertifikati ħodor addizzjonali previsti fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001. Il-Gvern ta’ Wallonie rrifjuta din it-talba permezz ta’ ordni tat-18 ta’ Ġunju 2009, għar-raġuni li l-installazzjoni ta’ IBV ma kinitx tissodisfa tlieta mill-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, peress li, fl-ewwel lok, hija tuża l-injam għall-finijiet tal-koġenerazzjoni, fit-tieni lok, ma timplementax proċess partikolarment innovattiv u, fit-tielet lok, ma twassalx għal żvilupp sostenibbli.

26

Il-Conseil d’État, li quddiemu IBV ressqet rikors għall-annullament tal-imsemmija ordni, iddeċieda li l-Gvern ta’ Wallonie kien għamel żball meta kkunsidra li l-kundizzjonijiet relatati man-natura innovattiva tal-proċess implementat u ma’ jekk l-installazzjoni kkonċernata kinitx twassal għal żvilupp sostenibbli, rispettivament, ma kinux ġew issodisfatti f’dan il-każ.

27

Fir-rigward tal-esklużjoni tal-installazzjoni ta’ IBV mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna addizzjonali inkwistjoni f’din il-kawża u bbażata fuq il-fatt li l-imsemmija installazzjoni tuża l-injam, il-Conseil d’État, li għandu dubji dwar il-kostituzzjonalità ta’ tali esklużjoni, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Cour constitutionnelle:

“L-Artikolu 38(3) tad-[Digriet tal-2001] jikser l-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni peress li jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-installazzjonijiet li jużaw prinċipalment il-bijomassa, fid-dawl tal-fatt li jeskludi mill-benefiċċju tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna [inkwistjoni] l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni bijomassa li jużaw l-injam jew skart tal-injam filwaqt li jinkludi l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni bijomassa li jużaw kwalunkwe tip ieħor ta’ skart?”.

28

Il-Cour constitutionnelle tenfasizza l-fatt li mix-xogħol preparatorju li jirrigwarda l-miżura ta’ għajnuna addizzjonali prevista fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001 jirriżulta li l-proposta inizjali intiża biex tistabbilixxi din il-miżura kellha magħha l-ispjegazzjonijiet li ġejjin. Bil-fatt li għolliet għal 20 MW il-limitu li sa dak iż-żmien kien iffissat għal 5 MW mill-Artikolu 38(2) tad-Digriet tal-2001, l-imsemmija miżura fittxet li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti proġetti kruċjali li jinvolvu teknoloġiji innovattivi jistgħu jeħtieġu għajnuna addizzjonali. Madankollu, b’mod partikolari biex jiġu evitati l-effetti ħżiena ta’ tali miżura fuq l-industrija tal-injam li diġà taffaċċja kompetizzjoni mill-industrija tal-enerġija mill-injam, ġie propost li din l-għajnuna addizzjonali tiġi rriżervata għall-bijomassa għajr l-injam. Barra minn hekk, ġie rrilevat, f’dan ir-rigward, li dan ma kienx każ iżolat billi, fid-diversi Stati Membri, il-mekkaniżmi ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma sikwit iddifferenzjati skont l-industriji.

29

F’opinjoni tal-5 ta’ April 2007, is-CWaPE b’mod partikolari kkunsidrat li aċċess iddifferenzjat għall-iskema ta’ għajnuna skont in-natura tal-bijomassa użata jista’ jirriżulta li jkun diskriminatorju.

30

Il-Gvern ta’ Wallonie madankollu ddeċieda li jadotta l-mekkaniżmu ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li rrileva, b’mod partikolari li, minn naħa, is-sistema li kienet fis-seħħ sa dak iż-żmien kienet suffiċjenti biex tiżgura l-iżvilupp ta’ diversi proġetti ta’ koġenerazzjoni tal-injam, ħaġa li ma kinitx tapplika għal proġetti innovattivi oħra, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li tingħata għajnuna differenti skont l-industrija kkonċernata, il-kombustibbli użat jew il-kapaċità tal-installazzjoni huwa inerenti għas-sistema taċ-ċertifikati ħodor.

31

Barra minn hekk, il-Cour constitutionnelle tenfasizza li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 38 tad-Digriet tal-2001, il-leġiżlatur ta’ Wallonie implementa parzjalment id-Direttivi 2001/77 u 2004/8.

32

F’dan ir-rigward, filwaqt li tosserva li, quddiem il-Conseil d’État, il-partijiet ma qablux dwar il-kwistjoni jekk l-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni li topera IBV tistax tiġi kkunsidrata bħala installazzjoni ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja fis-sens tad-Direttiva 2004/8, il-Cour constitutionnelle tixtieq, fl-ewwel lok, tkun taf jekk l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva japplikax biss fir-rigward tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni ta’ dan it-tip.

33

Fit-tieni lok, il-Cour constitutionnelle tqis li għandha bżonn kjarifika dwar il-punt jekk dan l-istess Artikolu 7 għandux, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jiġi interpretat fis-sens li jimponi, jippermetti jew jipprojbixxi differenza fit-trattament bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Cour constitutionnelle ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2004/8], flimkien, skont il-każ, mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva [2001/77] u mal-Artikolu 22 tad-Direttiva [2009/28], għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, tal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’], bħala:

a)

li ma japplikax biss [li japplika biss] għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja skont l-Anness III tad-Direttiva [2004/8];

b)

li jimponi, jawtorizza jew jipprekludi li miżura ta’ għajnuna, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 38(3) tad-[Digriet tal-2001], tkun aċċessibbli għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment il-bijomassa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-artikolu, bl-eċċezzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment l-injam jew l-iskart tal-injam?

2)

It-tweġiba tkun differenti jekk l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni jużaw biss prinċipalment l-injam jew, għall-kuntrarju, l-iskart tal-injam?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda

35

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li għandhom il-karatteristika li huma installazzjonijiet b’effiċjenza għolja fis-sens ta’ din id-direttiva.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li kif jirriżulta mill-Artikolu 3(a) u (i) tad-Direttiva 2004/8, il-leġiżlatur tal-Unjoni qagħad attent li jiddefinixxi l-kunċetti rispettivi ta’ “koġenerazzjoni” u ta’ “koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

37

Issa l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/8 li l-għan tiegħu huwa, kif tindika l-intestatura tiegħu, li jiddefinixxi l-“ambitu [kamp ta’ applikazzjoni]” ta’ din id-direttiva, jenfasizza li din tal-aħħar tapplika għall-“koġenerazzjoni kif definita fl-Artikolu 3”. Minn din l-indikazzjoni għandu jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jillimita l-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni biss għall-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(i).

38

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 dwar l-iskemi ta’ għajnuna fuq livell nazzjonali jirreferi, kif jirriżulta mit-termini nfushom tal-paragrafu 1 tiegħu, għall-għajnuna għall-“koġenerazzjoni”, dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li għandu kamp ta’ applikazzjoni li huwa limitat biss għall-koġenerazzjoni “ta’ effiċjenza għolja”.

39

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, l-imsemmija interpretazzjoni la tista’ tiġi kkonfutata bir-riferiment li jagħmel l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/8 għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat u lanqas bil-fatt li l-premessa 24 ta’ din id-direttiva tenfasizza li l-għajnuna pubblika għandha tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida Komunitarji, li minn dak iż-żmien ġew issostitwiti bil-Linji gwida, li l-punti 70 u 112 tagħhom jipprovdu li l-għajnuna għall-koġenerazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni meta tikkonċerna unitajiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja fis-sens tal-Anness III tal-imsemmija direttiva.

40

Fil-fatt, meta skema ta’ għajnuna nazzjonali għall-koġenerazzjoni tikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat, hija għandha ċertament, fid-dawl ta’ din il-kwalifika tal-aħħar, tiġi evalwata wkoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat, li, barra minn hekk, id-Direttiva 2004/8 tippreżerva bis-sħiħ l-applikazzjoni tagħhom, kif jenfasizza, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva. Madankollu, tali fatt ma jistax, min-naħa l-oħra, jkollu l-konsegwenza li jaffettwa d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7 li jirriżulta mill-analiżi li saret fil-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma huwiex limitat biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li għandhom il-karatteristika li huma installazzjonijiet b’effiċjenza għolja fis-sens ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda u fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77 u 22 tad-Direttiva 2009/28, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi, jippermetti jew jipprekludi miżura ta’ għajnuna msaħħa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li minnha jistgħu jibbenefikaw l-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment il-bijomassa bl-esklużjoni tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment l-injam u/jew l-iskart tal-injam.

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fatt li l-imsemmija domandi jirreferu kemm għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 kif ukoll għal dawk tal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77 u 22 tad-Direttiva 2009/28 huwa dovut, essenzjalment, għall-fatt li, kif ġie enfasizzat fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-digriet tal-2001 jimplementa flimkien dispożizzjonijiet ta’ dawn id-diversi direttivi f’dak li jirrigwarda r-Reġjun ta’ Wallonie.

44

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 38 tal-imsemmi digriet, li abbażi tiegħu ttieħdet il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li s-sistema marbuta maċ-ċertifikati ħodor li jinħarġu skont dan l-artikolu ġiet stabbilita, kif jirriżulta mill-Artikolu 37 ta’ dan l-istess digriet, biex jiġu inkuraġġuti kemm il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll il-koġenerazzjoni.

45

Issa filwaqt li tippermetti, fis-sens tal-Artikolu 2(a) u (b) tad-Direttiva 2001/77, il-produzzjoni tal-elettriku minn tali sors ta’ enerġija rinnovabbli, f’dan il-każ mill-bijomassa abbażi tal-injam, l-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi wkoll unità ta’ koġenerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(l) tad-Direttiva 2004/8.

46

Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/8, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha li jirrigwarda l-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni, kif ukoll dawk tad-Direttiva 2001/77, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha li jirrigwarda l-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

47

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-ordni li rrifjutat li tippermetti lil IBV tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna addizzjonali prevista fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001 ġiet adottata fit-18 ta’ Ġunju 2009, jiġifieri qabel id-data li fiha daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2009/28, ma jidhirx li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ din il-kawża.

48

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, huwa intiż għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

49

Minn dan isegwi li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, Stat Membru jadotta miżuri ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni u għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jaqgħu f’qafas bħal dak stabbilit, minn naħa, mid-Direttiva 2004/8, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha, u, min-naħa l-oħra, mid-Direttiva 2001/77, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, u b’hekk ikun qed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, huwa għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 20 u 21 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Soukupová, C‑401/11, punt 28).

50

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23; tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C-176/09, Ġabra p. I-3727, punt 31, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Nagy, C-21/10, Ġabra p. I-6769, punt 47).

51

L-eventwali ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament differenti għalhekk jippresupponi li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma paragunabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni sostnew b’mod partikolari li din il-kundizzjoni ma ġietx issodisfatta f’dan il-każ.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arcelor Atlantique et Lorraine et, punt 26, u Il-Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Tali approċċ għandu japplika wkoll, mutatis mutandis, fil-kuntest ta’ eżami li jfittex li jevalwa l-konformità, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ miżuri nazzjonali li jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

54

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-għan u l-finalitaijiet tal-atti tad-dritt tal-Unjoni li fl-ambitu tagħhom taqa’ l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/8, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li titkabbar l-effiċjenza tal-enerġija u li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista billi jinħoloq qafas għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja ta’ enerġija termali u elettrika. Min-naħa tagħhom, il-premessi 1 u 5 ta’ din id-direttiva jenfasizzaw li tali promozzjoni hija prijorità tal-Unjoni fid-dawl tal-benefiċċji potenzjali li tiġġenera l-koġenerazzjoni f’termini ta’ tfaddil ta’ enerġija primarja, ta’ evitar ta’ telf min-netwerks u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, b’mod partikolari ta’ gassijiet serra, ħaġa li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, għall-osservanza tal-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto kif ukoll għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

55

Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2001/77 għandha l-għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tippromwovi żieda fil-kontribuzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku fis-suq intern tal-elettriku u li toħloq bażi għal qafas Komunitarju futur f’dan il-qasam.

56

Kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tal-imsemmija direttiva, tali promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li hija fost l-ogħla prijoritajiet tal-Unjoni hija ġġustifikata fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-isfruttament tal-imsemmija sorsi ta’ enerġija jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u li jista’ jikkontribwixxi għas-sigurtà u għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-miri tal-Protokoll ta’ Kyoto iktar malajr.

57

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni u għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli msemmija fl-Artikoli 7 tad-Direttiva 2004/8 u 4 tad-Direttiva 2001/77, rispettivament, jirriżulta espressament mill-premessa 26 tad-Direttiva 2004/8 u mill-premessa 14 tad-Direttiva 2001/77 li l-fatt li jiġi ggarantit il-funzjonament xieraq tal-imsemmija mekkaniżmi jikkostitwixxi mezz importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet li dawn id-direttivi jfittxu li jilħqu.

58

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-prinċipji u l-għanijiet li jirregolaw il-qasam li minnu jifformaw parti d-Direttivi 2004/8 u 2001/77, għandu jiġi rrilevat li t-tnejn li huma ġew adottati abbażi tal-Artikolu 175(1) KE, jiġifieri abbażi tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

59

F’dan ir-rigward, kemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/8 kif ukoll l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/77 jenfasizzaw ukoll li l-mekkaniżmi ta’ għajnuna nazzjonali previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet iddefiniti fl-Artikoli 6 KE u 174(1) KE.

60

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li telenka l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, tirreferi għas-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, għall-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali u għall-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali.

61

Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-għażliet li għandhom isiru meta jitfasslu skemi nazzjonali ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni u għall-produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li d-Direttivi 2004/8 u 2001/77 għandhom l-għan li jippromwovu, għandu jiġi kkonstatat li minn dawn tal-aħħar jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

62

Fil-fatt, qabel xejn, mill-premessa 32 tad-Direttiva 2004/8 jirriżulta li l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali fuq il-livell tal-Unjoni li jipprovdu qafas għall-promozzjoni tal-koġenerazzjoni fis-suq intern tal-enerġija, filwaqt li l-implementazzjoni dettaljata titħalla lill-Istati Membri, b’mod li kull wieħed minn dawn tal-aħħar ikun jista’ jagħżel l-iskema li tikkorrispondi l-aħjar għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, u filwaqt li, f’dan ir-rigward, kif jirrizulta mill-Artikolu 1 ta’ din l-istess direttiva, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi nazzjonali, speċjalment dawk li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi.

63

Barra minn hekk, għalkemm, kif jirriżulta mill-Artikoli 3(1) u 4 tad-Direttiva 2001/77, l-Istati Membri huma inkoraġġuti jieħdu miżuri xierqa biex jippromwovu konsum ikbar ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fosthom l-iskemi ta’ għajnuna adottati fuq livell nazzjonali, mill-premessa 15 ta’ din id-direttiva jirriżulta f’dan ir-rigward li din tal-aħħar ma tistabbilixxix qafas Komunitarju f’dak li jirrigwarda l-imsemmija skemi.

64

Minbarra dan, f’dak li jirrigwarda l-forma li jista’ jkollhom il-mekkaniżmi ta’ għajnuna, għandu jiġi osservat li l-premessa 26 tad-Direttiva 2004/8 u l-premessa 14 tad-Direttiva 2001/77 jillimitaw ruħhom li jelenkaw id-diversi forom li ġeneralment jużaw l-Istati Membri għal dan l-iskop, jiġifieri ċertifikati ħodor, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa, rifużjonijiet ta’ taxxa jew skemi ta’ għajnuna diretta għall-prezzijiet.

65

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-kontenut ta’ tali skemi ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/8 jillimita ruħu li jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna mogħtija minn dawn tal-aħħar tkun ibbażata fuq id-domanda għal sħana utli u tfaddil ta’ enerġija primarja, fid-dawl tal-opportunitajiet disponibbli għat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija permezz ta’ miżuri oħra ekonomikament fattibbli u vantaġġużi għall-ambjent, bħal miżuri oħra ta’ effiċjenza fl-enerġija. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/77, din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda indikazzjoni partikolari dwar il-miżuri ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli li l-adozzjoni tagħhom hija inkoraġġuta, ħlief għall-indikazzjoni, imfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, dwar il-kontribuzzjoni ta’ tali miżuri għat-twettiq tal-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 174 KE.

66

Mill-punti 62 sa 65 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri huma mistiedna jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet li d-Direttivi 2004/8 u 2001/77 jfittxu li jilħqu u, b’mod iktar ġenerali, tal-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, billi jimplementaw mekkaniżmi ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni u għall-produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, id-dritt tal-Unjoni, fl-istat attwali tiegħu, jirriżerva libertà ta’ għażla kbira lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ tali mekkaniżmi.

67

Fil-kuntest deskritt fil-punti 54 sa 66 ta’ din is-sentenza, xejn ma jippermetti, b’mod partikolari, li mis-sempliċi fatt li fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2001/77 hemm definizzjoni tat-terminu “biomassa” li tinkludi l-parti bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura, li jistgħu jkunu sustanzi veġetali jew annimali, il-parti bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mis-selvikoltura u industriji relatati, kif ukoll il-parti degradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali, jiġi dedott li d-diversi kategoriji ta’ sustanzi hekk elenkati għandhom jiġu ttrattati b’mod simili fil-kuntest tat-tħejjija ta’ miżuri nazzjonali ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni u għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

68

Fil-fatt, diversi indikazzjonijiet li jinsabu fid-Direttivi 2004/8 u 2001/77, kif ukoll l-għanijiet li l-imsemmija miżuri ta’ għajnuna huma mitluba jikkontribwixxu għat-twettiq tagħhom f’dan il-kuntest, iwasslu għall-kunsiderazzjoni li, għall-kuntrarju, huwa inerenti għall-qafas stabbilit minn dawn id-direttivi li d-diversi kategoriji ta’ sustanzi hekk elenkati fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2001/77 jistgħu jiġu evalwati b’mod distint skont kriterji differenti ħafna mill-Istat Membru kkonċernat.

69

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet kontenuti fid-Direttivi 2004/8 u 2001/77, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 31 tad-Direttiva 2004/8 jirriżulta li l-effiċjenza u s-sostenibbiltà globali tal-koġenerazzjoni huma dipendenti fuq ħafna fatturi fosthom, b’mod partikolari, it-“tipi ta’ karburant”.

70

Kif ġie rrilevat fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 1 u mill-premessa 32 tad-Direttiva 2004/8 jirriżulta, barra minn hekk, li l-għażla tal-implementazzjoni dettaljata ta’ din tal-aħħar għandha titħalla lill-Istati Membri, b’mod li kull Stat Membru jkun jista’ jagħżel l-iskema li “l-aħjar jikkorispondi [tikkorrispondi] għas-sitwazzjoni tiegħu partikolari” filwaqt li, f’dan ir-rigward, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-“ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi speċjalment li jikkonċernaw l-kondizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi”.

71

Min-naħa tagħha, il-premessa 19 tad-Direttiva 2001/77 tenfasizza li, fl-azzjoni li tittieħed favur l-iżvilupp ta’ suq għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jeħtieġ li jitqies l-impatt pożittiv ta’ dan tal-aħħar fuq l-“opportunitajiet reġjonali u lokali ta’ żvilupp, prospetti ta’ esportazzjoni, koeżjoni soċjali u opportunitajiet tax-xogħol, speċjalment fir-rigward ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll produtturi ta’ enerġija indipendenti”.

72

L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda b’mod partikolari l-proposta għal qafas Komunitarju fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabli li l-Kummissjoni jista’ jkollha għalfejn tifformula fi stadju ulterjuri, jindika, min-naħa tiegħu, li kull qafas hekk propost għandu b’mod partikolari “tqis [jqis] il-karatteristiċi tad-diversi sorsi ta’ enerġija rinovabbli, flimkien mat-teknoloġiji differenti, u d-differenzi ġeografiċi”.

73

It-tieni nett, l-għanijiet kollha li d-Direttivi 2004/8 u 2001/77 jfittxu li jilħqu u, b’mod iktar ġenerali, l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent huma wkoll iwasslu sabiex jitqies li d-diversi kategoriji ta’ sustanzi msemmija taħt it-terminu “biomassa” fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2001/77 għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu b’mod distint.

74

Huwa f’dan is-sens, b’mod partikolari, li, fuq il-livell innifsu tan-natura rinnovabbli tar-riżorsa u, għaldaqstant, mill-aspett tad-disponibbiltà tagħha, kif ukoll mill-perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli, ta’ użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali u ta’ sigurtà tal-provvista, l-injam, li huwa riżorsa li teħtieġ perijodu twil biex tiġġedded, huwa differenti mill-prodotti tal-agrikoltura jew tal-iskart domestiku u industrijali, li l-produzzjoni tagħhom isseħħ f’tul ta’ żmien kunsiderevolment iqsar.

75

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-impatt ambjentali globali li jġib miegħu l-użu msaħħaħ tal-bijomassa għal finijiet ta’ produzzjoni tal-enerġija li jista’ jirriżulta mill-miżuri ta’ għajnuna jvarja skont il-karatteristiċi speċifiċi għat-tip ta’ bijomassa li tintuża.

76

F’dak li jirrigwarda l-impatt ambjentali li jista’ jirriżulta minn tisħiħ ta’ miżuri ta’ għajnuna għall-użu ta’ injam u/jew skart ta’ injam għal finijiet ta’ produzzjoni tal-enerġija, jista’ għaldaqstant jirriżulta li jkun neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kull deforestazzjoni eċċessiva jew prematura li tista’ tkun inkoraġġuta minn tali miżuri ta’ għajnuna tista’ tikkontribwixxi għal żieda fil-preżenza ta’ diossidu tal-karbonju fl-atmosfera kif ukoll għal ħsara lill-bijodiversità jew lill-kwalità tal-ilmijiet.

77

Min-naħa tiegħu, żvilupp imsaħħaħ tal-prodotti tal-agrikoltura intiżi għall-irkupru tal-enerġija jista’ jżid diversi forom ta’ tniġġis marbuta speċifikament mal-attivitajiet agrikoli u, b’mod partikolari, mal-użu ta’ fertilizzanti u ta’ pestiċidji, bħal ħsara għar-riżorsi tal-ilma.

78

Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-diversi kategoriji ta’ bijomassa elenkati fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2001/77 jinkludu, b’mod partikolari, diversi tipi ta’ skart. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-premessa 8 tad-Direttiva 2001/77 tenfasizza li l-għajnuna li l-Istati Membri jagħtu lis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tkun konsistenti mal-objettivi l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ġerarkija tal-iskart. Huwa paċifiku, pereżempju, li, fid-dawl ta’ din il-ġerarkija, kif speċifikata l-iktar reċentement mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3), sustanzi bħall-parti degradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali li huwa, fil-biċċa l-kbira tiegħu, intiż għar-rimi jew għall-irkupru tal-enerġija, b’mod partikolari permezz tal-koġenerazzjoni, la jistgħu jitqiesu li huma paragunabbli mal-injam li jista’ jintuża bħala materja prima u lanqas mal-iskart tal-injam billi dan tal-aħħar jista’ jintuża mill-ġdid jew jiġi rriċiklat mill-industriji relattivi u billi tali trattamenti, fil-kuntest tal-imsemmija ġerarkija, jistgħu jingħataw prijorità fuq l-irkupru tal-enerġija.

79

Fl-aħħar nett, fatturi bħal, b’mod partikolari, il-kwantità tad-diversi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew l-eventwali livell ta’ żvilupp li jkun diġà ntlaħaq fih f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ sors ta’ enerġija rinnovabbli partikolari għal finijiet tal-koġenerazzjoni jew tal-produzzjoni tal-elettriku jistgħu wkoll jinfluwenzaw l-għażliet li jkunu jridu jsiru fir-rigward tas-selezzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li għandhom jiġu promossi f’dak l-Istat Membru għal finijiet kemm ta’ ħarsien tal-ambjent kif ukoll ta’ sigurtà u ta’ diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet li d-Direttivi 2001/77 u 2004/8 jfittxu li jilħqu u tal-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li dawn id-direttivi jagħtu lill-Istati Membri għall-finijiet tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna intiżi biex jiffavorixxu l-koġenerazzjoni u l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi għad-diversi kategoriji ta’ bijomassa li jistgħu jintużaw fi proċess ta’ koġenerazzjoni, l-imsemmija kategoriji ma għandhomx jiġu kkunsidrati, fil-kuntest ta’ tali skemi ta’ għajnuna, li huma f’sitwazzjoni paragunabbli għall-finijiet tal-eventwali applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li d-dritt tal-Unjoni jiżgura l-osservanza tiegħu.

81

Il-ħtieġa li dawn id-diversi kategoriji ta’ bijomassa jkunu jistgħu jiġu ttrattati b’mod distint u, b’mod partikolari, li, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali differenti, isiru għażliet dwar it-tipi ta’ sustanzi li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna u differenzjazzjonijiet dwar il-modalitajiet konkreti ta’ tali għajnuna, inkluż dwar id-daqs tal-għajnuna, għandha, għall-kuntrarju, titqies li hija inerenti għall-imsemmi kuntest, mingħajr ma jista’ jiġi kkunsidrat, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, li, bil-fatt li qiesu li dawn id-diversi kategoriji ta’ bijomassa ma humiex fl-istess sitwazzjoni, l-Istati Membri eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huma għandhom f’dan il-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51).

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda għandha tkun li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, ma jipprekludix li, meta jistabbilixxu skemi ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni u għall-produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħal dawk previsti fl-Artikoli 7 tad-Direttiva 2004/8 u 4 tad-Direttiva 2001/77, l-Istati Membri jipprovdu miżura ta’ għajnuna msaħħa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li minnha jistgħu jibbenefikaw l-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment il-bijomassa, bl-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw prinċipalment l-injam u/jew l-iskart tal-injam.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma huwiex limitat biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li għandhom il-karatteristika li huma installazzjonijiet b’effiċjenza għolja fis-sens ta’ din id-direttiva.

 

2)

Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jipprekludix li, meta jistabbilixxu skemi ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni u għall-produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħal dawk previsti fl-Artikoli 7 tad-Direttiva 2004/8 u 4 tad-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku, l-Istati Membri jipprovdu miżura ta’ għajnuna msaħħa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li minnha jistgħu jibbenefikaw l-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment il-bijomassa, bl-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw prinċipalment l-injam u/jew l-iskart tal-injam.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top