EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0133

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Frar 2014.
Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Għajnuna mill-Istat — Skemi ta’ għajnuna mogħtija favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali — Deċiżjoni ta’ kompatibbiltà — Impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Interess ġuridiku — Locus standi — Benefiċjarji kkonċernati individwalment u direttament — Kunċett ta’ ‘ċirku magħluq’.
Kawża C‑133/12 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:105

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Skemi ta’ għajnuna mogħtija favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali — Deċiżjoni ta’ kompatibbiltà — Impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Interess ġuridiku — Locus standi — Benefiċjarji kkonċernati individwalment u direttament — Kunċett ta’ ‘ċirku magħluq’”

Fil-Kawża C‑133/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Frar 2012,

Stichting Woonlinie, stabbilita f’Woudrichem (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Stichting Allee Wonen, stabbilita f’Roosendaal (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Woningstichting Volksbelang, stabbilita f’Wijk bij Duurstede (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Stichting WoonInvest, stabbilita f’Leidschendam-Voorburg (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Stichting Woonstede, stabbilita f’Ede (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn P. Glazener u E. Henny, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet, S. Noë u S. Thomas, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Stichting Woonlinie, Stichting Allee Wonen, Woningstichting Volksbelang, Stichting WoonInvest u Stichting Woonstede jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni (T‑202/10, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li bih dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, marbuta mal-għajnuna mill-Istat E 2/2005 u N 642/2009 — il-Pajjiżi l-Baxxi — Għajnuna eżistenti u għajnuna speċifika għal proġetti favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 14 tad-digriet appellat bil-mod segwenti:

“1

Ir-rikorrenti [...] huma kumpanniji ta’ akkomodazzjoni (woningcorporaties, iktar ’il quddiem il-‘wocos’) stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-wocos huma organi mingħajr skop ta’ lukru li għandhom il-funzjoni li jixtru, jibnu u joffru għall-kiri bini residenzjali intiż essenzjalment għal persuni żvantaġġati u għal gruppi soċjalment żvantaġġati. Il-wocos jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra, bħall-bini u l-offerta għall-kiri ta’ appartamenti b’kera ogħla, il-bini ta’ appartamenti intiżi għall-bejgħ u l-bini u l-offerta għall-kiri ta’ proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali.

2

Fl-2002, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat intiża għall-wocos. Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ta’ finanzjament tal-wocos setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna eżistenti, l-awtoritajiet Olandiżi rtiraw in-notifika tagħhom.

3

Fl-14 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet Olandiżi abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [107 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li fiha kklassifikat l-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa favur il-wocos bħala għajnuna eżistenti u esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Preliminarjament, il-Kummissjoni indikat li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom jemendaw il-funzjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lill-wocos, b’mod li l-akkomodazzjoni soċjali tkun intiża għal grupp identifikat, iddefinit b’mod ċar, ta’ persuni żvantaġġati jew ta’ gruppi soċjalment żvantaġġati. Hija rrilevat li l-attivitajiet kummerċjali kollha tal-wocos kellhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet tas-suq u ma setgħux jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. Finalment, hija indikat li l-offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali kellha tkun adattata għad-domanda tal-persuni żvantaġġati jew tal-gruppi soċjalment żvantaġġati.

4

Wara li ntbagħtet din l-ittra, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi bdew negozjati sabiex l-iskema ta’ għajnuna titqiegħed f’konformità mal-Artikolu 106(2) TFUE.

5

Fis-16 ta’ April 2007, l-Assoċjazzjoni tal-investituri istituzzjonali fil-proprjetà immobbli tal-Pajjiżi l-Baxxi (Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland [...]) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni dwar l-għajnuna mogħtija lill-wocos. F’Ġunju 2009, Vesteda Groep BV assoċjat ruħha ma’ dan l-ilment.

6

B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009, l-awtoritajiet Olandiżi ipproponew lill-Kummissjoni xi impenji intiżi sabiex jemendaw l-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat favur il-wocos.

7

Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni [kkontestata]. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-impenji tal-awtoritajiet Olandiżi li jikkonċernaw l-għajnuna E 2/2005, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 659/1999.

8

Il-miżuri li jinsabu fl-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa mir-[Renju tal-] Pajjiżi l-Baxxi favur il-wocos u li għalihom tirreferi l-proċedura E 2/2005 huma s-segwenti:

a)

garanziji tal-Istat għal self mogħti mill-Fond ta’ garanzija għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali;

b)

għajnuna mill-Fond ċentrali tal-akkomodazzjoni, għajnuna skont il-proġett jew għajnuna għar-razzjonalizzazzjoni fil-forma ta’ self b’rati preferenzjali jew ta’ sussidji diretti;

ċ)

bejgħ mill-muniċipalitajiet ta’ artijiet bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq;

d)

id-dritt li jingħata self mill-Bank Nederlandse Gemeenten.

9

Fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni kklassifikat kull waħda minn dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat u kkunsidrat li l-iskema Olandiża ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, billi nħolqot qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fil-Pajjiżi l-Baxxi u billi r-riformi sussegwenti ma ġabux magħhom tibdil sostanzjali.

10

Fil-premessa 41 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni indikat:

’L-awtoritajiet Olandiżi ntrabtu li jemendaw il-funzjonament tal-wocos u l-miżuri li jagħtuhom vantaġġi. Fir-rigward tad-diversi emendi, l-awtoritajiet Olandiżi ressqu abbozzi ta’ dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Ir-regoli l-ġodda huma s-suġġett ta’ digriet ministerjali ġdid li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 u ta’ liġi ġdida dwar l-akkomodazzjoni li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011. [...]’

11

Il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna E 2/2005 dwar sistema ta’ finanzjament tal-wocos kif emendata wara l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi. Hija kkonkludiet, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni [kkontestata], li ’l-għajnuna mogħtija abbażi tal-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri marbuta mal-kostruzzjoni u l-offerta għall-kiri ta’ abitazzjonijiet maħsuba għal individwi, inkluż il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi awżiljarji, [...] huma kompatibbli mal-Artikolu 106(2)TFUE’. Konsegwentement, il-Kummissjoni aċċettat l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

3

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw, skont l-Artikolu 263 KE, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005.

4

Ir-rikorrenti invokaw diversi motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

5

Mingħajr ma qajmet formalment eċċezzjoni f’dan is-sens, il-Kummissjoni madankollu kkontestat, preliminarjament, l-ammissibbiltà ta’ din it-talba billi sostniet li r-rikorrenti ma kinux ikkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar hija marbuta mal-għajnuna E 2/2005.

6

Għalhekk, f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm lok li tingħata deċiżjoni minn qabel dwar din il-kwistjoni.

7

Peress li kkonstatat li r-rikorrenti ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna E 2/2005 u peress li tfakkar, fil-punt 27 tad-digriet appellat, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, impriża ma għandhiex il-kapaċità li tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk din l-impriża tkun kkonċernata minn tali deċiżjoni biss minħabba li tkun tifforma parti mis-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 28 ta’ dan id-digriet, li dan kollu japplika wkoll fir-rigward tar-rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali, tkun iddikjarat kompatibbli mas-suq intern it-tibdiliet li jkunu saru fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

8

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 29 u 30 tad-digriet appellat, li l-kwalità tal-wocos ingħatat skont kriterji oġġettivi, li setgħu jiġu sodisfatti minn numru indeterminat ta’ operaturi bħala benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna E 2/2005 msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

9

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kwalità tagħhom ta’ wocos waħidha ma kinitx tippermetti lir-rikorrenti li jqisu li dawn tal-aħħar kienu affettwati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna E 2/2005.

10

Sussegwentement, fil-punti 36 sa 48 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali sempliċiment ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti.

11

Qabel xejn, hija indikat li l-każijiet li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja invokati mir-rikorrenti insostenn tal-opinjoni tagħhom, jiġifieri s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207), kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479), huma differenti minn dak li kienet adita bih il-Qorti Ġenerali, peress li, fil-kuntest ta’ dawk iż-żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti kienu jifformaw parti minn grupp li d-daqs tiegħu ma setgħax jikber wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni.

12

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti ma setgħux isostnu li r-riskju ta’ approvazzjoni ġdida ta’ istituzzjoni bħala woco kien minimu u lanqas li l-wocos approvati minn qabel kienu identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hija fakkret, li l-possibbiltà li jiġi ddeterminat n-numru jew anki l-identità tal-persuni suġġetti li għalihom tapplika l-miżura ma timplikax li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn dik il-miżura.

13

Bi tweġiba għall-argument tar-rikorrenti li l-wocos eżistenti ma humiex affettwati bl-istess mod mid-deċiżjoni kkontestata bħall-wocos li ser jiġu approvati fil-futur, il-Qorti Ġenerali enfasizzat qabel xejn li l-iskema ta’ għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni ġiet iddikjarata kompatibbli, għall-futur, mas-suq intern. Sussegwentement, hija fakkret li l-fatt, li operatur ikun iktar affettwat ekonomikament minn miżura meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu ma jippermettix l-individwalizzazzjoni ta’ dak l-operatur. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti jifformaw parti minn kategorija ta’ operaturi ekonomiċi definiti skont kriterji oġġettivi li ma humiex distinti minnhom.

14

Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 50 tad-digriet appellat li r-rikorrenti ma kinux ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna E 2/2005.

15

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli.

It-talbiet tal-partijiet

16

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

18

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq evalwazzjoni ineżatta tal-fatti rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali issuġġettat l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005, fuq il-kwistjoni tal-kwalità tal-benefiċjarji effettivi jew potenzjali tar-rikorrenti. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq evalwazzjoni ineżatta tal-fatti rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005, li r-rikorrenti ma kinux jifformaw parti minn “ċirku magħluq” ta’ wocos eżistenti.

19

Peress li ż-żewġ aggravji insostenn tal-appell huma diretti kontra l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali marbuta mal-locus standi tal-appellanti, hemm lok li jiġu eżaminati flimkien.

L-argumenti tal-partijiet

20

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li, billi kienu benefiċjarji tal-għajnuna E 2/2005 qabel it-tibdil tagħha permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ibbażat ruħha, b’mod żbaljat, fil-punti 42 u 43 tad-digriet appellat, fuq il-kwalità tagħhom ta’ benefiċjarji potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna mibdula sabiex iċċaħħadhom mill-kwalità ta’ partijiet ikkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni. Fil-fatt, is-sitwazzjoni preċedenti tagħhom hija ampjament ikkontestata mill-kundizzjonijiet il-ġodda għall-għoti tal-għajnuna, kif dawn jirriżultaw mit-tibdil miġjub bid-deċiżjoni kkontestata.

21

Minn naħa, is-self eżistenti mogħti abbażi tal-iskema l-antika u li jilħaq l-iskadenza tiegħu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kieku kellu jerġa jiġi ffinanzjat mill-ġdid, seta’ jiġi ggarantit biss jekk il-woco tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mill-ġdid fil-kuntest tal-għajnuna E 2/2005.

22

Min-naħa l-oħra, jekk self li jikkonċerna investimenti li qabel kienu eliġibbli li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jibqgħux ammissibbli għall-finanzjament iggarantit mill-fondi, dawn l-investimenti jkollhom, mal-iskadenza tal-imsemmi self, jiġu ffinanzjati mill-ġdid permezz ta’ fondi esterni mingħajr garanzija.

23

Minn dan jirriżulta li s-sitwazzjoni fattwali tal-appellanti hija differenti minn dik tal-wocos li ma kinux ġew approvati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

24

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq id-definizzjoni stretta wisq tal-kunċett ta “ċirku magħluq”.

25

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, fil-punt 44 tad-digriet appellat, billi kklassifikatha bħala konġettura, iċ-ċirkustanza li mhux ser ikun hemm fil-futur istituzzjoni approvata oħra bħala woco fil-Pajjiżi l-Baxxi.

26

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżiġiet, fil-punt 49 tad-digriet appellat, li r-rikorrenti jiddistingwu ruħhom minn wocos oħra li kienu jeżistu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

27

Il-Kummissjoni ssostni li l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi jikkonċernaw biss il-perijodu ta’ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inizjali tal-appellanti ma hijiex affettwata minn din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma talbitx ir-rimbors tal-ammonti mħallsa abbażi tal-iskema inizjali tal-għajnuna.

28

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-leġiżlazzjoni Olandiża tipprovdi għall-approvazzjoni ta’ istituzzjonijiet ġodda abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Għaldaqstant, l-appellanti neċessarjament jifformaw parti minn ċirku ta’ operaturi ekonomiċi li jista’ jikber.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-15 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat KE.

30

Fost emendi oħra, it-Trattat ta’ Lisbona, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, irrilassa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għall-annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti tal-Unjoni Ewropea billi żied fih it-tielet parti tas-sentenza. Fil-fatt, din il-parti tas-sentenza, mingħajr ma tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-persuni fiżiċi jew morali għall-kundizzjoni marbuta mal-interess individwali, tiftaħ ukoll dan ir-rimedju fir-rigward ta’ atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni u li jirrigwardaw lir-rikorrent direttament (ara f’dan is-sens is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs I-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, punt 57).

31

Għaldaqstant, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att jinteressaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni jekk dan tal-aħħar ikun jirrigwardaha direttament (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, punt 19).

32

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li l-kriterju li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li hija ma hijiex id-destinatarja tagħha għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jeżaminaw f’kull stadju tal-proċedura, u anki ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Markku Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni, C-362/06 P, Ġabra p. I-2903, punt 22).

33

Issa, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali sempliċiment eżaminat il-kundizzjoni tal-interess individwali tar-rikorrenti sabiex tiddikjara r-rikors tagħhom inammissibbli fis-sens tat-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li naqset milli twettaq analiżi tal-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors fid-dawl ta’ kundizzjonijiet oħra, inqas stretti, previsti mit-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-imsemmi Artikolu 263 TFUE, u li l-eżami tagħha ma kien bl-ebda mod ippreġudikat mill-konstatazzjoni tal-assenza ta’ interess individwali.

34

B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

35

Madankollu, tali żball huwa ineffettiv jekk jirriżulta li r-rikors tar-rikorrenti ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fit-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

36

Skont id-dispożizzjoni suesposta, ir-rimedju tal-annullament huwa disponibbli partikolarment fir-rigward ta’ atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni u li jirrigwardaw lir-rikorrenti direttament.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal rimedju skont it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

38

Barra minn hekk, sabiex jiġi vverifikat jekk l-att ikkontestat jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, jeħtieġ li jsir riferiment esklużiv għas-suġġett tar-rikors (sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

39

F’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonferma l-kompatibbiltà tal-għajnuna E 2/2005 mas-suq komuni, wara impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi li jbiddlu l-iskema ta’ għajnuna li jibbenefikaw minnha r-rikorrenti. Għalhekk, mill-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn l-impenji sejrin jiġu implementati permezz ta’ digriet ministerjali ġdid u permezz ta’ liġi ġdida dwar l-akkomodazzjoni.

40

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tiddefinixxix il-konsegwenzi speċifiċi u konkreti tal-applikazzjoni tal-impenji tal-awtoritajiet Olandiżi fil-kuntest tal-għajnuna E 2/2005 fuq l-attivitajiet tar-rikorrenti. Dawn il-konsegwenzi jimmaterjalizzaw ruħhom permezz ta’ atti implementati bid-digriet ministerjali u bil-liġi l-ġdida dwar l-akkomodazzjoni, li jikkostitwixxu bħala tali miżuri ta’ implementazzjoni li tinvolvi d-deċiżjoni kkontestata fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

41

Minħabba dan kollu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex “att regolatorju”, fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, l-appell tal-appellanti ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fit-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, billi naqset milli teżamina l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors ukoll fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet l-oħra, huwa ineffettiv.

42

Ġaladarba dan ġie ppreċiżat, jeħtieġ li jitwettaq eżami tal-aggravji tal-appellanti insostenn tal-appell tagħhom.

43

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata għandha bħala d-destinatarja tagħha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

44

Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 26 tad-digriet appellat, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati biss minn deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-298/00, Ġabra p. I-4087, punt 36; Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, kif ukoll Telefónica vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

45

F’dan ir-rigward, huwa veru, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tad-digriet appellat li s-sempliċi possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika l-miżura msemmija b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura sa fejn huwa stabbilit li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara s-sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

46

Madankollu minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att sa fejn ikunu jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi u li dan jista’ jsir, b’mod partikolari, meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet miksuba mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C-125/06 P, Ġabra p. I-1451, punti 71 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tad-digriet appellat, peress li l-kwalità ta’ wocos tingħata tramite sistema ta’ approvazzjoni permezz ta’ digriet irjali, in-numru u l-identità tagħhom kienu ddeterminati bi preċiżjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

48

Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li d-deċiżjoni kkontestata kellha bħala effett li tbiddel sa mill-1 ta’ Jannar 2011, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida dwar l-akkomodazzjoni, l-iskema ta’ għajnuna li minnha kienu bbenefikaw il-wocos approvati sa dik id-data, u dan billi rendiet il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom inqas favorevoli meta mqabbla ma’ qabel, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, kif enfasizzaw l-appellanti waqt is-seduta, skont l-iskema mibdula, il-marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-għażla tal-inkwilini eliġibbli għall-akkomodazzjoni amministrata mill-wocos hija ridotta u l-fond ta’ garanzija għas-self li kienu jibbenefikaw minnu spiċċa.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti jifformaw parti minn ċirku magħluq ta’ operaturi, fatt li jindividwalizzahom inkonnessjoni ma’ din id-deċiżjoni, sa fejn din hija marbuta mal-għajnuna E 2/2005.

50

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinux ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din hija marbuta mal-għajnuna E 2/2005.

51

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-digriet appellat għandu jiġi annullat sa fejn ġie deċiż permezz tiegħu li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din hija marbuta mal-għajnuna E 2/2005.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

52

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

53

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan l-istadju tal-proċeduri, ma hijiex f’pożizzjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, hija għall-kuntrarju tiddisponi mill-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna E 2/2005.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna għandha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina NV, C-519/07 P, Ġabra p. I-8495, punt 63).

55

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti għandhom, skont it-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ikunu kkonċernati mhux biss individwalment iżda wkoll direttament mill-att li jkunu qegħdin jitolbu l-annullament tiegħu, fis-sens li dan tal-aħħar għandu jinċidi direttament fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dawn il-partijiet u ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet inkarigati mill-implementazzjoni tal-imsemmi att, liema implementazzjoni jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mid-dritt Komunitarju mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49).

56

F’dan il-każ, minn naħa, sa fejn jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza li t-tibdil tal-iskema ta’ għajnuna E 2/2005 jirrendi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-wocos inqas favorevoli meta mqabbla ma’ qabel, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-imsemmija skema jirriżulta fiż-żamma tal-kundizzjonijiet preċedenti iktar favorevoli għall-wocos approvati.

57

Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti għandhom interess leġittimu fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna E 2/2005.

58

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-premessa 74 ta’ dik id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

59

Issa, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timplementa l-proposti tal-Istat Membru li tirrendi l-imsemmija dispożizzjoni vinkolanti.

60

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li t-tibdil implementat permezz tad-deċiżjoni kkontestata ġie riprodott mil-leġiżlazzjoni Olandiża ma tippermettix li tiġi kkontestata din il-konstatazzjoni. Fil-fatt kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punti 94 u 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma għandux setgħa diskrezzjonali fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

61

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi deċiż li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna E 2/2005, tinċidi direttament fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

62

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, sa fejn dawn tal-aħħar għandhom, minn naħa, interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din hija marbuta mal-għajnuna E 2/2005, u huma, min-naħa l-oħra, ikkonċernati individwalment u direttament mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din hija marbuta mal-għajnuna E 2/2005.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tordna:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (T‑202/10), huwa annullat sa fejn dan jiddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament ta’ Stichting Woonlinie, Stichting Allee Wonen, Woningstichting Volksbelang, Stichting WoonInvest u Stichting Woonstede kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, marbuta mal-għajnuna mill-Istat E 2/2005 u N 642/2009 — il-Pajjiżi l-Baxxi — Għajnuna eżistenti u għajnuna speċifika għal proġetti favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005.

 

2)

Ir-rikors għal annullament ta’ Stichting Woonpunt et, imsemmi fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv huwa ammissibbli.

 

3)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors għal annullament imsemmi fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top