EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0195

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2013.
Industrie du bois de Vielsalm & Cie (IBV) SA vs Région wallonne.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju).
Direttiva 2004/8/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Koġenerazzjoni u koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja — Artikolu 7 — Skema reġjonali ta’ għajnuna li tipprovdi għall-għoti ta’ ‘ċertifikati ħodor’ lill-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni — Għoti ta’ kwantità ogħla ta’ ċertifikati ħodor lill-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment forom ta’ bijomassa għajr l-injam jew l-iskart tal-injam — Prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni — Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C‑195/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:293

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2013 ( 1 )

Kawża C‑195/12

Industrie du bois de Vielsalm & Cie (IBV) SA

vs

Ir-Reġjun ta’ Wallonie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju)]

“Ambjent — Politika tal-enerġija — Skemi ta’ għajnuna finanzjarja għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni — Nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-injam u l-kombustibbli l-oħra tal-bijomassa”

1. 

Għall-ewwel darba l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tinterpreta d-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KE ( 2 ).

2. 

Il-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija kawża bejn Industrie du bois de Vielsalm & Cie (IBV) SA ( 3 ) u r-Reġjun ta’ Wallonie.

3. 

IBV teżerċita l-attività prinċipali ta’ tqattigħ tal-injam u tuża l-iskart tal-injam li jirriżulta minn din l-attività biex tiżgura l-ġenerazzjoni tal-enerġija li għandha bżonn, permezz tal-installazzjoni tagħha ta’ koġenerazzjoni (produzzjoni simultanja, fi proċess wieħed, ta’ enerġija termali u elettrika u/jew mekkanika). Għall-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/8, ir-Renju tal-Belġju adotta l-mekkaniżmu taċ-ċertifikati ħodor bħala sistema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni. Dawn iċ-ċertifikati jingħataw lill-produtturi tal-elettriku aħdar skont regoli ta’ attribuzzjoni.

4. 

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-Reġjun ta’ Wallonie ċaħad l-għoti, lill-IBV, tal-għajnuna addizzjonali taċ-ċertifikati ħodor doppji li hija tirriżerva għal ċerti installazzjonijiet, għar-raġuni li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti biex wieħed jibbenefika minn tali għajnuna, b’mod partikolari, għal dak li għandu x’jaqsam mas-suġġett ta’ din il-kawża, għaliex l-imsemmija għajnuna tapplika biss għall-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa għajr dik li tirriżulta mill-injam u mill-iskart tal-injam.

5. 

Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour constitutionnelle (il-Belġju) għamlet żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sustanza hija qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, dwar l-iskemi ta’ għajnuna, moqri, skont il-każ, mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77/KE ( 4 ) u 22 tad-Direttiva 2009/28/KE ( 5 ), għandux, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, tal-Artikolu 6 TUE u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, japplika biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u, min-naħa l-oħra, jipprekludi jew ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam u/jew mill-iskart tal-injam. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-risposta għal din it-tieni domanda tkunx differenti skont jekk l-installazzjoni tużax biss l-injam jew, għall-kuntrarju, l-iskart tal-injam.

6. 

F’dawn il-konklużjonijiet ser insostni li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni u mhux biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. Sussegwentement, ser nindika għaliex, fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, dan l-artikolu ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-miżura hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam. Min-naħa l-oħra, ser nagħti r-raġunijiet li għalihom, fl-opinjoni tiegħi, l-imsemmi artikolu jipprekludi tali miżura għal dak li jirrigwarda installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2004/8

7.

Il-premessi 24 sa 26, 31 u 32 tad-Direttiva 2004/8 jaqraw kif ġej:

“(24)

L-appoġġ pubbliku għandu jkun [L-għajnuna pubblika għandha tkun] konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-Komunità fuq għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ta’ l-ambjent [ ( 6 )] […]

(25)

Skemi ta’ appoġġ pubbliċi biex jippromovu koġenerazzjoni għandhom jiffokaw primarjament fuq appoġġ għal koġenerazzjoni bbażata fuq domanda għal tisħin u tkessiħ ekonomikament ġustifikata.

(26)

L-Istati Membri iħaddmu mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ għal koġenerazzjoni f’livell nazzjonali, inkluż […] ċertifikati ħodor […]

[…]

(31)

L-effiċjenza totali u s-sostenibbilità tal-koġenerazzjoni hija dipendenti fuq ħafna fatturi, bħal teknoloġija użata, tipi ta’ karburant, load curves, il-qies ta’ l-unità, u ukoll fuq il-proprjetajiet tas-sħana. […]

(32)

Skond il-prinċipji tas-sussidjarità u l-proporzjonalità kif iddikjarati fl-Artikolu 5 [TUE], prinċipji ġenerali li jipprovdu kwadru għal promozzjoni tal-koġenerazzjoni fis-suq intern ta’ l-enerġija għandhom jiġu stabbiliti fil-livell Komunitarju, imma l-implimentazzjoni dettaljata għandha titħalla lill-Istati Membri, għalhekk tippermetti lil kull Stat Membru li jagħżel ir-reġim, li l-aħjar jikkorispondi għas-sitwazzjoni tiegħu partikolari. Din id-Direttiva tillimita lilha nnfisha għal minimu rikjest sabiex totjeni dawk l-għanijiet u ma tmurx oltre dak li hu neċessarju għal dak l-iskop.”

8.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/8 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jkabbar l-effiċjenza ta’ l-enerġija u jtejjeb is-sigurtà tal-provvista billi joħloq kwadru għal promozzjoni u żvilupp ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja [b’effiċjenza għolja] ta’ enerġija elettrika u termali bbażata fuq id-domanda għal sħana utli u t-tfaddil ta’ enerġija primarja fis-suq intern ta’ l-enerġija, tieħu qies taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi speċjalment li jikkonċernaw l-kondizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi.”

9.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tapplika għall-koġenerazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u għat-teknoloġiji ta’ koġenerazzjoni elenkati fl-Anness I ta’ din tal-aħħar.

10.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/8 jiddefinixxi l-koġenerazzjoni bħala l-ġenerazzjoni simultanja, fi proċess wieħed, ta’ enerġija termali u elettrika u/jew mekkanika, u l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja bħala l-koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji deskritti fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Dan l-Artikolu jispeċifika li d-definizzjonijiet tad-Direttivi 2003/54/KE ( 7 ) u 2001/77 japplikaw ukoll.

11.

L-Anness III tad-Direttiva 2004/8, intitolat “Metodoloġija biex tistabilixxi l-effiċjenza tal-proċess ta’ koġenerazzjoni”, jiddefinixxi l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja bħala waħda li għandha tissodisfa l-kriterji segwenti:

produzzjoni ta’ koġenerazzjoni prodotta minn unitajiet ta’ koġenerazzjoni għandhom jipprovdu tfaddil ta’ enerġija primarja […] ta’ mill-inqas 10 % kkomparati mar-referenzi għal produzzjoni separata ta’ sħana u elettriċità,

produzzjoni minn unitajiet ta’ skala żgħira u mikro- koġenerazzjoni li jipprovdu tfaddil ta’ enerġija primarja jistgħu jikkwalifikaw bħala koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

12.

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skemi ta’ appoġġ [għajnuna]”, jaqra kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li appoġġ għal koġenerazzjoni – unitajiet eżisteni u futuri – huwa bbażat fuq id-domanda għal sħana utli u tfaddil ta’ enerġija primarja, fid-dawl ta’ l-opportunitajiet għad-dispożizzjoni għat-tnaqqis fid-domanda ta’ l-enerġija minn miżuri ekonomikament prattiċi jew ambjentalment vantaġġużi oħra bħal miżuri ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija oħra.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE], il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ użati mill-Istati Membri skond liema l-produttur tal-koġenerazzjoni jirċievi, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa minn awtoritajiet pubbliċi, appoġġ dirett jew indirett, li jista’ jkollu l-effett li jirrestrinġi l-kummerċ.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra jekk dawk il-mekkaniżmi jikkontribwixxu għall-insegwiment ta’ l-għanijiet iddikjarati fl-Artikoli [11 TFUE] u [191](1) [TFUE].

3.   Il-Kummissjoni għandha fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 11 tippreżenta analiżi dokumentata sew fuq l-esperjenza akkwistata bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ differenti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Ir-rapport għandu jistima s-suċċess, inkluż effettiv, taħt il-profil ta’ ġestjoni u ta’ spejjeż, ta’ sistemi ta’ appoġġ fil-promozzjoni ta’ l-użu ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja skond il-potenzali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6. Ir-rapport għandu jkun rivedut iktar f’liema l-iskemi ta’ appoġġ ikkontribwew għall-kreazzjoni ta’ kondizzjonijiet stabbli għall-investiment fil-koġenerazzjoni.”

2. Id-Direttiva 2001/77

13.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/77/KE jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘sorsi ta’ enerġija rinovabbli’ għandha tfisser sorsi ta’ enerġija mhux fossili rinovabbli (riħ, tax-xemx, ġeotermali, mewġ, frugħ, enerġija mill-ilma, biomassa, gass tal-miżbla, gass mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ u bijogassijiet);

b)

‘biomassa’ għandha tfisser il-parti bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inkluż sostanzi veġetali u annimali), selvikoltura u industriji rrelatati, kif ukoll il-parti bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali;

[…]”

14.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skemi ta’ appoġġ”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi użati fl-Istati Membri skond liema produttur ta’ l-elettriku, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, jirċievi appoġġ dirett jew indirett, u li jistgħu jkollhom effett li jirrestrinġu l-kummerċ, fuq il-bażi li dawn jikkontribwixxu għall-oġġettivi pprovduti fl-Artikoli [11 TFUE] u [191 TFUE].

2.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2005, tippreżenta rapport dokumentat sew fuq l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta’ mekkaniżmi differenti msemmija fil-paragrafu 1. Ir-rapport għandu jistma s-suċċess, inkluż l-effettività taħt il-profil ta’ spejjeż, tas-sistemi ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 fil-promozzjoni tal-konsum ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’konformità mal-miri indikattivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(2). Dan ir-rapport għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat b’proposta għal qafas Komunitarju fir-rigward ta’ skemi ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli.

Kull proposta għal qafas għandha:

a)

tikkontribwixxi biex jintlaħqu miri indikattivi nazzjonali;

b)

tkun kompatibbli mal-principji tas-suq intern ta’ l-elettriku;

ċ)

tqis il-karatteristiċi tad-diversi sorsi ta’ enerġija rinovabbli, flimkien mat-teknoloġiji differenti, u d-differenzi ġeografiċi;

d)

tippromwovi l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli b’mod effettiv, u tkun sempliċi u, fl-istess ħin, effiċjenti kemm jista’ jkun, partikolarment f’termini ta’ spiża;

e)

tinkludi perjodi transitorji suffiċjenti għal sistemi ta’ appoġġ nazzjonali għal mill-anqas seba’ snin u żżomm l-kunfidenza ta’ l-investitur.”

3. Il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent

15.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna pubblika, il-premessa 24 tad-Direttiva 2004/8 tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-qafas Komunitarju dwar l-għajnuna tal-Istat għall-ħarsien tal-ambjent li ġie ssostitwit, mit-2 ta’ April 2008, mil-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent ( 8 ).

16.

Il-punt 112 tal-Linji gwida jipprovdi:

“Investiment ambjentali u/jew għajnuna ta’ l-operazzjoni għall-koġenerazzjoni għandhom ikunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu [107](3)(c) [TFUE], kemm-il darba l-impjant jissodisfa d-definizzjoni ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja stipulata fil-punt 70(11) […]”

17.

Il-punt 70(11) ta’ dawn il-Linji gwida jiddefinixxi l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja f’dawn it-termini, jiġifieri “koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ l-Anness III għad-Direttiva 2004/8/KE u […] l-valuri armonizzati ta’ referenza għall-effiċjenza stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE tal-21 ta’ Diċembru 2006 li tistabilixxi valuri armonizzat ta’ referenza għall-effiċjenza għall-produzzjoni separata ta’ elettriku u sħana fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/8[…] [ ( 9 )]”.

B – Id-dritt tar-Reġjun ta’ Wallonie

18.

Id-Digriet tal-Parlament reġjonali ta’ Wallonie tat-12 ta’ April 2001 dwar l-organizzazzjoni tas-suq reġjonali tal-elettriku ( 10 ), kif emendat permezz tad-Digriet tal-Parlament reġjonali ta’ Wallonie tal-4 ta’ Ottubru 2007 ( 11 ), jittrasponi parzjalment id-Direttivi 2001/77, 2003/54 u 2004/8.

19.

Id-Digriet tal-2001 jistabbilixxi, fl-Artikolu 37 tiegħu, li, “[b]iex jiġi inkuraġġut l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u/jew koġenerazzjoni ta’ kwalità, il-Gvern qed jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikati ħodor”.

20.

L-amministrazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ għajnuna ġiet fdata f’idejn il-Kummissjoni ta’ Wallonie għall-enerġija (CWaPE) (iktar ’il quddiem is-“CWaPE”). Mill-aspett prattiku, is-sistema hija s-segwenti. Il-Gvern ta’ Wallonie jistabbilixxi, għal kull sena, il-kwota ta’ ċertifikati ħodor li għandha tiġi applikata. Il-fornituri tal-elettriku u l-amministraturi tan-netwerk jipprovdu dawn iċ-ċertifikati kull tliet xhur, lis-CWaPE, taħt piena ta’ multa (EUR 100 għal kull ċertifikat nieqes). L-imsemmija ċertifikati jinħarġu kull tliet xhur mis-CWaPE lil kull produttur ta’ elettriku aħdar, proporzjonalment għall-kwantità netta ta’ elettriku prodott u skont, minn naħa, l-istima tal-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tal-industrija u, min-naħa l-oħra, l-effiċjenza ambjentali (tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju) li tiġi kkalkolata mill-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni u mqabbla ma’ produzzjonijiet klassiċi ta’ referenza. Iċ-ċertifikati ħodor imbagħad jinbiegħu mill-produtturi lil fornituri jew lil amministraturi tan-netwerk biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-kwota.

21.

L-Artikolu 38 tad-Digriet tal-2001 jipprovdi:

“§ 1.   Wara opinjoni mis-CWaPE, il-Gvern jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni u jistabbilixxi l-metodi u l-proċedura għall-għoti taċ-ċertifikati ħodor attribwiti lill-elettriku aħdar prodott fir-Reġjun ta’ Wallonie bl-osservanza tad-dispożizzjonijiet segwenti.

§ 2.   Għandu jiġi attribwit ċertifikat aħdar għal numru ta’ kWh prodotti li jikkorrispondi għal 1 MWh diviż bir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju.

Ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju hija ddeterminata billi tiġi diviża ż-żieda fid-diossidu tal-karbonju ġġenerata mill-industrija partikolari, bl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tal-industrija tal-elettriku klassika, li l-emissjonijiet tagħha huma ddefinti u ppubblikati kull sena mis-CWaPE. Din ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju hija limitata għal 1 għall-produzzjoni ġġenerata mill-installazzjoni li teċċedi l-kapaċità ta’ 5 MW. Taħt dan il-limitu, ma tistax teċċedi 2.

§ 3.   Madankollu, meta installazzjoni li tuża prinċipalment il-bijomassa għajr l-injam, li tirriżulta minn attivitajiet industrijali żviluppati fuq is-sit tal-installazzjoni ta’ produzzjoni, timplementa proċess partikolarment innovattiv li jwassal għal żvilupp sostenibbli, il-Gvern jista’, wara opinjoni mis-CWaPE dwar in-natura partikolarment innovattiva tal-proċess użat, jiddeċiedi li jillimita għal 2 ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju għat-totalità tal-produzzjoni tal-installazzjoni li tirriżulta mill-għadd tal-kapaċitajiet żviluppati fuq l-istess sit ta’ produzzjoni, f’limitu li huwa inferjuri għal 20 MW.

[…]”

22.

L-Artikolu 57 tad-Digriet tal-Parlament reġjonali ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008 li jemenda d-Digriet tal-2001 dwar l-organizzazzjoni tas-suq reġjonali tal-elettriku ( 12 ) jipprovdi li “[l]-Artikolu 38(3) tad-[Digriet tal-2001] għandu jkun interpretat fis-sens li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw l-injam mill-benefiċċju tal-iskema li jistabbilixxi, tirreferi għall-installazzjonijiet li jużaw kwalunkwe materjal linjoċellulożika li joħroġ mis-siġra, kwalunkwe weraq u kull tip ta’ konifera mingħajr eċċezzjoni (inklużi kwalunkwe pjanti u siġar zgħar li jikbru taħt oħrajn kbar u li għandhom rotazzjoni qasira jew qasira ħafna), qabel u/jew wara kwalunkwe tip ta’ pproċessar”.

II – Il-kawża prinċipali

23.

Fit-23 ta’ Ġunju 2008, IBV talbet il-ħruġ, għall-installazzjoni tagħha, ta’ ċertifikati ħodor doppji skont l-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001 li nfakkar li jirriżerva l-għajnuna addizzjonali ta’ dawn iċ-ċertifikati doppji ħodor għall-installazzjonijiet li jissodisfaw tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li l-installazzjonijiet għandhom jużaw prinċipalment il-bijomassa għajr l-injam jew skart tal-injam, li għandhom iwasslu għal proċess ta’ żvilupp sostenibbli u li għandhom ikunu ta’ natura partikolarment innovattiva.

24.

Permezz ta’ ordni tat-18 ta’ Ġunju 2009, il-Gvern ta’ Wallonie qies li IBV ma kienet tissodisfa l-ebda waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet rikjesti biex tibbenefika minn tali għajnuna.

25.

Il-Conseil d’État, li quddiemu IBV ressqet rikors għall-annullament ta’ din l-ordni, qies li din tal-aħħar kienet tissodisfa l-aħħar żewġ kundizzjonijiet. Peress li kellu xi dubji dwar il-kostituzzjonalità tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel kundizzjoni, iddeċieda li jagħmel id-domanda segwenti lill-Cour constitutionnelle:

“L-Artikolu 38(3) tad-Digriet [tal-]2001 […] jikser l-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni peress li jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-installazzjonijiet li jużaw prinċipalment il-bijomassa, fid-dawl tal-fatt li jeskludi mill-benefiċċju tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni bijomassa li jużaw l-injam jew skart tal-injam filwaqt li jinkludi l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni bijomassa li jużaw kwalunkwe tip ieħor ta’ skart?”

III – Id-domandi preliminari

26.

Wara d-domanda magħmula lilha mill-Conseil d’État, il-Cour constitutionnelle, qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu, qed tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8[…], flimkien, skont il-każ, mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77[…] u mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/28[…], għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, tal-Artikolu 6 [TUE] u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta […], bħala:

a)

li ma japplikax biss [li japplika biss] għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja skont l-Anness III tad-Direttiva [2004/8]

b)

li jimponi, jawtorizza jew jipprekludi li miżura ta’ għajnuna, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet [tal-2001], tkun aċċessibbli għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment il-bijomassa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-artikolu, bl-eċċezzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment l-injam jew l-iskart tal-injam?

2)

It-tweġiba tkun differenti jekk l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni jużaw biss prinċipalment l-injam jew, għall-kuntrarju, l-iskart tal-injam?”

IV – L-analiżi tiegħi

A – Osservazzjonijiet preliminari

27.

Il-Cour constitutionnelle qed titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 flimkien, skont il-każ, mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77 u mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/28. Irid jingħad li din id-direttiva daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2009, jiġifieri wara d-data tal-ordni maħruġa mill-Gvern ta’ Wallonie li kienet qieset li IBV ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti biex tibbenefika mill-mekkaniżmu ta’ għajnuna previst fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001. Konsegwentement, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

28.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-mod ta’ kif ser jiġu ttrattati d-domandi, fl-ewwel lok ser neżamina l-punt (a) tal-ewwel domanda, imbagħad, fit-tieni lok, inkwantu dawn huma konnessi, ser neżamina flimkien il-punt (b) tal-ewwel domanda u t-tieni domanda.

B – Dwar id-domandi preliminari

1. Dwar il-punt (a) tal-ewwel domanda

29.

Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefinita fl-Anness III ta’ din id-direttiva ( 13 ).

30.

Kif isostnu IBV u l-Kummissjoni, naħseb li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 japplika għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni u mhux biss għal dawk ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefinita fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

31.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb, fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, li jiddefinixxi b’mod distint il-“koġenerazzjoni” u l-“koġenerazzjoni ta’ [b’]effiċjenza għolja”. B’hekk seta’ juża terminu wieħed jew l-ieħor għal funzjonijiet u għanijiet preċiżi.

32.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, dwar l-iskemi ta’ għajnuna li l-Istati Membri jimplementaw, ma jispeċifikax li tali skemi għandhom jiġu stabbiliti unikament għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

33.

Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna għall-koġenerazzjoni ( 14 ), għall-unitajiet eżistenti u futuri, għandha tkun ibbażata fuq id-domanda għal sħana utli ( 15 ) u t-tfaddil tal-enerġija primarja ( 16 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni juża t-terminu “koġenerazzjoni”, ma jagħmilx distinzjoni bejn l-unitajiet, ikunux żgħar jew ta’ mikro-koġenerazzjoni, u ma jagħti l-ebda indikazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwantità ta’ tfaddil tal-enerġija primarja.

34.

Bl-istess mod, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/8 lanqas ma jagħti xi indikazzjoni f’dan ir-rigward.

35.

Il-Gvern Belġjan iqis, madankollu, li, fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/8 tal-premessa 24 ta’ din tal-aħħar, kif ukoll tal-Linji gwida, huwa ċar li huma biss l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja li jibbenefikaw mill-iskemi ta’ għajnuna.

36.

Fil-fatt, jiddeduċi minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat u, għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, huma marbuta mal-konformità tal-installazzjonijiet mal-kriterji ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2004/8. Skont il-Gvern Belġjan, dan ma jikkostitwixxix differenza fit-trattament bejn l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni u l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, inkwantu huma l-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat li jipprovdu dan ( 17 ).

37.

Ma nistax nikkondividi l-opinjoni tal-Gvern Belġjan.

38.

Huwa minnu li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/8 jirreferi għar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni li l-Istati Membri għandhom josservaw. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ għajnuna implementati fl-Istati Membri. Meta tagħmel din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk dawn il-mekkaniżmi josservawx ir-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni. Tali evalwazzjoni ssir, fil-fatt, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE]”.

39.

Huwa biss jekk l-iskema ta’ għajnuna tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li l-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni għandha tissodisfa l-kriterju tal-effiċjenza għolja biex tkun kompatibbli mas-suq intern, skont il-punti 112 u 70(11) tal-Linji gwida.

40.

Madankollu, skema ta’ għajnuna tista’ tabilħaqq ma tkunx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat FUE, f’liema każ l-iskema ta’ għajnuna tista’ tiġi indirizzata lil kull installazzjoni ta’ koġenerazzjoni.

41.

Għalhekk ma nistax naqbel mal-konklużjoni tal-Gvern Belġjan li l-installazzjonijiet li jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna jistgħu jkunu biss installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefinita fl-Anness III tad-Direttiva 2004/8.

42.

Barra minn hekk, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/8 jikkonferma l-analiżi tiegħi.

43.

Moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 10 u 11 ta’ din id-direttiva, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna r-rapport tal-Kummissjoni li jevalwa s-suċċess tal-iskemi ta’ għajnuna għall-finijiet tal-promozzjoni tal-użu tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

44.

Skont l-Artikoli 6 u 10 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi tal-potenzjal nazzjonali għall-applikazzjoni tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. Għandhom jevalwaw il-progress miksub fiż-żieda tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. Abbażi ta’ din l-analiżi rrappurtata lill-Kummissjoni, din tal-aħħar, skont l-Artikolu 11 tal-istess direttiva, għandha “[t]eżamina l-esperjenzi akkwistati bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta’ mekkanniżmi ta’ appoġġ għal koġenerazzjoni differenti [ ( 18 )]”.

45.

Lanqas ma jirriżulta, meta wieħed jaqra flimkien dawn l-artikoli, li huma biss l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja li jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi ta’ għajnuna. L-għan tad-Direttiva 2004/8, stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, huwa ċertament iż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u t-titjib fis-sigurtà tal-provvista, billi tistabbilixxi qafas għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, iżda huwa l-intendiment tiegħi li l-effiċjenza għolja hija fil-mira aħħarija ta’ din id-direttiva u ma narax għalfejn l-installazzjonijiet “b’inqas effiċjenza” jistgħu jiġu mċaħħda minn skema ta’ għajnuna inkwantu huma wkoll jikkontribwixxu għall-għan tal-effiċjenza tal-enerġija u t-titjib fis-sigurtà tal-provvista.

46.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni u mhux biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefinita fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

2. Dwar il-punt (b) tal-ewwel domanda u t-tieni domanda

47.

Permezz tal-punt (b) tal-ewwel domanda u tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-fatt, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura ta’ għajnuna, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam u /jew mill-iskart tal-injam.

48.

Fi kliem ieħor, tixtieq tkun taf il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni.

49.

Id-Direttiva 2004/8 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE, li jaqa’ taħt it-titolu dwar l-ambjent, biex twettaq l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 KE, b’mod partikolari dak tal-konservazzjoni tal-kwalità tal-ambjent.

50.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fil-qasam tal-ambjent, ma tfittixx li twettaq armonizzazzjoni sħiħa ( 19 ).

51.

F’qasam ta’ kompetenza kondiviża, bħal dak tal-ħarsien tal-ambjent ( 20 ), huwa l-kompitu tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddetermina l-miżuri li huwa jqis li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet intiżi, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 TUE ( 21 ).

52.

B’hekk il-premessa 32 tad-Direttiva 2004/8 tipprovdi li skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, għandhom jiġu stabbiliti, fil-livell tal-Unjoni, il-prinċipji ġenerali li jipprovdu qafas għall-promozzjoni tal-koġenerazzjoni fis-suq intern tal-enerġija, iżda l-għażla tal-metodi għall-implementazzjoni għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri, b’mod li jippermetti lil kull Stat Membru li jagħżel l-iskema li taqbel l-iktar għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Iżżid tgħid li din id-Direttiva tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex tilħaq dawn l-għanijiet mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

53.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva li dan tal-aħħar ma jagħti l-ebda indikazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mat-tip ta’ skema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni li l-Istati Membri huma inkoraġġuti jadottaw. Din id-dispożizzjoni ssemmi biss li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna għall-koġenerazzjoni, għall-unitajiet eżistenti u futuri, tkun ibbażata fuq id-domanda għal sħana utli u t-tfaddil tal-enerġija primarja u li l-mekkaniżmi ma għandhomx ixekklu l-kompetizzjoni u għandhom ikunu konformi mal-għanijiet iddefiniti fl-Artikoli 11 TFUE u 191(1) TFUE, dwar il-ħarsien tal-ambjent.

54.

Hija biss il-premessa 26 tad-Direttiva 2004/8 li ssemmi l-forma li tista’ tieħu l-iskema ta’ għajnuna, billi tindika li l-Istati Membri għandhom jimplementaw mekkaniżmi differenti ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni fuq livell nazzjonali, inkluż ( 22 ) għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet jew tnaqqis fiskali, ċertifikati ħodor u skemi ta’ għajnuna diretta għall-prezzijiet. Jirriżulta mill-qari ta’ din il-premessa li l-lista tad-diversi mekkaniżmi ta’ għajnuna mhijiex eżawrjenti u b’hekk tħalli lill-Istati Membri possibbiltajiet oħra ta’ mekkaniżmi ta’ għajnuna.

55.

Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni dwar il-forma li tista’ tieħu l-iskema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni.

56.

Barra minn hekk, ma hemm xejn li jindika fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 jew x’imkien ieħor fit-test ta’ din id-direttiva li l-Istati Membri, fil-kuntest tal-għajnuna tagħhom għall-koġenerazzjoni, huma impediti milli jagħtu preċedenza lil tip ta’ kombustibbli fuq ieħor. F’dan ir-rigward, il-premessa 31 ta’ din id-direttiva ssemmi li l-effiċjenza u s-sostenibbiltà globali tal-koġenerazzjoni jiddependu minn diversi fatturi bħalma huma t-tipi ta’ kombustibbli.

57.

It-tip ta’ kombustibbli li għandu jintuża jista’ jiddependi mill-partikolarità ta’ kull territorju, mid-disponibbiltà tiegħu fit-territorju tiegħu. Il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, barra minn hekk, dan l-element, peress li jindika, fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/8, li l-għan ta’ din tal-aħħar għandu jintlaħaq b’qies taċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi, speċjalment dawk li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi ( 23 ).

58.

Bl-istess mod, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fl-opinjoni tiegħu ( 24 ), insista dwar il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi u li jiġi osservat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà f’qasam fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi nazzjonali huma determinanti.

59.

Il-Gvern ta’ Wallonie, fil-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għalhekk tħallietlu, għażel, meta ttraspona parzjalment id-Direttiva 2004/8, li jimplementa s-sistema taċ-ċertifikati ħodor u seta’ b’mod leġittimu jagħti preċedenza lil għajnuna addizzjonali lill-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa fuq installazzjonijiet li jużaw tipi oħra ta’ kombustibbli.

60.

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, skema ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.

61.

Madankollu, fl-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/8, l-Istati Membri huma marbuta, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit bl-Artikolu 20 ta’ din tal-aħħar ( 25 ).

62.

F’din il-kawża, IBV tikkontesta l-esklużjoni tagħha mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, u targumenta li ġiet leża meta mqabbla mal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw il-bijomassa għajr dik li tirriżulta mill-injam u/jew l-iskart tal-injam.

63.

Huwa meħtieġ, għalhekk, li issa jiġi eżaminat jekk il-Gvern ta’ Wallonie, bl-adozzjoni tal-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001, osservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

64.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 26 ).

65.

F’din il-kawża, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk impriżi bħalma hija IBV, li jappartjenu lill-industrija tal-injam, humiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li jinsabu fiha l-impriżi ta’ industriji oħra li jibbenefikaw minn ċertifikat aħdar doppju, skont l-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001.

66.

Dwar dan il-punt ma nikkondividix l-analiżi tal-Gvern Pollakk ( 27 ) u tal-Kummissjoni ( 28 ) li jqisu li l-kategoriji differenti tal-bijomassa ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli u li l-bijomassa li tirriżulta mill-injam għandha karatteristiċi partikolari, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà tagħha u ma’ kemm tħalli qligħ.

67.

Fl-opinjoni tiegħi, u kif ser nuri iktar ’il quddiem ( 29 ), dawn il-kriterji ta’ disponibbiltà u ta’ kemm jitħalla qligħ huma elementi li għandhom, fil-fatt, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli.

68.

Għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, naħseb li l-paragun bejn l-industrija tal-injam u industriji oħra, għandu jiġi mfittex u evalwat fid-dawl tal-għan u tal-mira tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 30 ).

69.

Is-sistema taċ-ċertifikati ħodor ġiet stabbilita mill-awtoritajiet ta’ Wallonie, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/8. Hija għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u/jew minn koġenerazzjoni ta’ kwalità. Il-miżuri adottati mill-Istati Membri abbażi ta’ din id-direttiva jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent, u b’mod partikolari għall-osservanza tal-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima ( 31 ), li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-Unjoni Ewropea.

70.

Il-pakkett “klima-enerġija” tal-Unjoni impona fuq l-Istati Membri għan hekk imsejjaħ “tat-3 × 20” minn issa sas-sena 2020, jiġifieri 20 % ta’ tfaddil ta’ enerġija, 20 % ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u 20 % ta’ enerġiji rinnovabbli fil-produzzjoni tal-enerġija. Id-Direttiva 2004/8 hija eżempju konkret ta’ dan.

71.

Din id-direttiva għalhekk tippromwovi l-koġenerazzjoni bħala prijorità Komunitarja minħabba l-kontribuzzjoni tagħha għas-sigurtà u għad-diversifikazzjoni fil-provvista tal-enerġija, għall-ħarsien tal-ambjent, u b’mod partikolari għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u għall-iżvilupp sostenibbli.

72.

Il-bijomassa hija ddefinita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/77 ( 32 ) bħala l-parti bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inkluż sustanzi veġetali u annimali), selvikoltura u industriji relatati, kif ukoll il-parti bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali.

73.

Hija tipparteċipa fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tikkontribwixxi għaż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, meqjusa bħala l-mezz li l-iktar iħalli qligħ u li l-iktar li jtejjeb malajr is-sigurtà fil-provvista. F’dan ir-rigward, hija tissodisfa bl-istess mod l-għanijiet tad-Direttiva 2004/8 adottata f’din il-perspettiva.

74.

Il-bijomassa, kemm jekk tirriżulta mill-agrikoltura, mis-selvikoltura jew mill-industriji relatati, hija sors ta’ enerġija rinnovabbli u tikkostitwixxi industrija għall-produzzjoni tal-elettriku. Ir-riżorsi fil-forma ta’ bijomassa huma eteroġeni ħafna. Madankollu, tkunx magħmula minn laqx tal-foresta, minn qxur u ċana tal-injam, minn skart domestiku, ħama, pjanti, skart tal-industrija agroalimentari jew inkella mill-alka, hija tibqa’, fi kwalunkwe każ, materja organika li tista’ tikkostitwixxi kombustibbli għall-produzzjoni tal-enerġija.

75.

Inqis għalhekk li fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2004/8 u tal-mira ta’ din tal-aħħar, l-installazzjonijiet li jużaw l-injam u/jew l-iskart tal-injam u dawk li jużaw is-sorsi l-oħra tal-bijomassa, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

76.

Issa huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji, imħaddma mill-Gvern ta’ Wallonie, hijiex ġustifikata.

77.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan li t-trattament ikkonċernat ifittex li jilħaq ( 33 ).

78.

Għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk, fil-kawża prinċipali, l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam u/jew mill-iskart tal-injam hijiex idonea biex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu wieħed jew iktar invokati mill-Gvern ta’ Wallonie u jekk din teċċedix dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq tali għan. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun idonea biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk tirrifletti b’mod ġenwin l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku.

79.

Ser niddistingwi l-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament skont jekk l-installazzjoni tużax il-bijomassa li tirriżulta mill-injam jew skont jekk tużax il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam, għaliex, fl-opinjoni tiegħi, l-isfidi mhumiex l-istess fir-rigward tar-rekwiżiti ambjentali rilevanti.

80.

F’din il-kawża, il-Gvern ta’ Wallonie ressaq diversi argumenti biex isostni l-ġustifikazzjoni tal-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw l-injam u/jew l-iskart tal-injam, mill-mekkaniżmu taċ-ċertifikati ħodor doppji previst fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001. Dawn l-argumenti kollha ġew ikkontestati minn IBV.

81.

Dan il-gvern jinvoka, b’mod partikolari, il-ħtieġa tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u li dawn jiġu rriżervati għall-industrija tal-injam li tużahom bħala materjal għall-produzzjoni ( 34 ). Biex isostni dan l-argument, huwa jibbaża ruħu fuq studji li jgħidu li l-industrija tal-ipproċessar tal-injam tkun għalkollox insuffiċjenti fir-Reġjun ta’ Wallonie li jkollu jirrikorri għall-importazzjoni. Il-Gvern ta’ Wallonie jsostni li l-għoti ta’ ċertifikat aħdar doppju lill-industrija li tuża l-injam għall-enerġija, jista’ jipprovoka żieda qawwija fil-prezzijiet tal-materja prima.

82.

L-argument imressaq mill-Gvern ta’ Wallonie jidhirli li huwa leġittimu, inkwantu huwa intiż sabiex jiġu kkonservati l-foresti u l-materja prima tal-injam. Jidher għalhekk li huwa ġġustifikat abbażi tal-interess ġenerali għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent ( 35 ), li l-Artikolu 191 TFUE u l-Artikolu 37 tal-Karta ( 36 ) jistabbilixxu bħala għan tal-Unjoni ( 37 ).

83.

Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li jivverifika, abbażi tal-elementi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, jekk il-miżura inkwistjoni hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam.

84.

Jekk wieħed jitlaq mill-premessa li l-miżura inkwistjoni tilħaq tali għan, allura għandha tiġi eżaminata l-proporzjonalità ta’ din il-miżura.

85.

Fl-opinjoni tiegħi, tidher li hija proporzjonata, inkwantu l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam mhumiex totalment esklużi mill-iskema ta’ għajnuna, peress li xorta jibbenefikaw miċ-ċertifikati ħodor “sempliċi” bis-saħħa tal-Artikolu 38(2) tad-Digriet tal-2001.

86.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-miżura hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam.

87.

Għandu issa jiġi eżaminat jekk l-imsemmija miżura hijiex iġġustifikata għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam, bħalma hija dik ta’ IBV.

88.

Għalkemm il-miżura inkwistjoni hija ġġustifikata għall-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam minħabba l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-industrija tal-injam, min-naħa l-oħra, din il-ġustifikazzjoni ma jidhirlix li hija leġittima fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

89.

Bħal IBV ( 38 ), naħseb li l-iskart tal-injam ma jistax jintuża mill-industrija tal-injam.

90.

Id-Direttiva 2008/98/KE ( 39 ), fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tagħha, tiddefinixxi l-iskart bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”. L-iskart tal-injam jikkonsisti fir-residwu tal-injam li diġà ntuża. Huwa dak li jibqa’ mill-materjal li ma għandux użu ulterjuri.

91.

Kif korrettament jirrileva l-Gvern Pollakk, l-użu tal-iskart tal-injam ma għandu influwenza diretta la fuq il-protezzjoni tal-foresti u lanqas fuq il-kompetittività tal-industrija tal-injam ( 40 ).

92.

Għalkemm l-ewwel preokkupazzjoni tal-politiki ambjentali kienet, għal bosta snin, it-trattament, l-eliminazzjoni, l-iżvilupp u l-prevenzjoni tal-iskart, l-użu tiegħu sar għan maġġuri tal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ proċessi bħall-koġenerazzjoni li tuża l-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam, jidher li jwieġeb għall-ħtiġijiet ambjentali.

93.

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2005 dwar il-pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-bijomassa ( 41 ), il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal offrut mill-forom kollha ta’ produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa li jħallu qligħ. Hija tirrileva li, fl-impenn tagħhom biex josservaw l-għanijiet tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jidher li huwa impossibbli li dawn l-Istati jkollhom suċċess, jekk ma jirrikorrux iktar għall-bijomassa ( 42 ). Għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-imsemmija Stati jisfruttaw il-potenzjal offrut mill-forom kollha ta’ produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa li jħallu qligħ ( 43 ). Barra minn hekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskart, hija tqis li dan jikkostitwixxi sors ta’ enerġija li mhux sfruttat biżżejjed. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi, f’dan ir-rigward, l-investiment favur tekniki b’effiċjenza għolja ta’ enerġija għall-użu tal-iskart bħala kombustibbli ( 44 ).

94.

Għaldaqstant, li wieħed ma jiffavorixxix il-possibbiltà tal-użu tal-iskart tal-injam għall-enerġija, ma jidhirx li huwa koerenti mal-għanijiet tal-politika tal-ambjent li l-Unjoni tfittex li tilħaq u jidher li jmur saħansitra kontra dawn l-għanijiet.

95.

Il-Gvern ta’ Wallonie jispjega li l-miżura inkwistjoni tidħol perfettament fil-ġerarkija tal-modi ta’ mmaniġġjar tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98, li jipprovdi li r-riċiklaġġ għandu jkollu preferenza fuq l-irkupru tal-enerġija. Dan l-argument jidhirli li huwa kontestabbli fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u inkwantu l-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifika li “[f]l-applikazzjoni tal-ġerarkija ta’ l-iskart imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-għażliet li jagħtu l-aqwa riżultat ambjentali ġenerali. Dan jista’ jeħtieġ li xi tipi speċifiċi ta’ skart ma jsegwux il-ġerarkija fejn dan ikun ġustifikat mill-kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fuq l-impatti ġenerali tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġjar ta’ tali skart”. Il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/98 saħansitra tipprovdi li “jeħtieġ li wieħed jinkoraġixxi l-irkupru ta’ l-iskart”.

96.

Dan huwa iktar u iktar iġġustifikat meta l-irkupru tal-iskart tal-injam isir fuq il-post, kif inhuwa l-każ f’din il-kawża, peress li IBV tirkupra r-residwi tal-injam li jirriżultaw mill-attività prinċipali tagħha ta’ tqattigħ direttament fuq is-sit tagħha. B’hekk jiġi evitat it-trasport, u għalhekk l-effetti negattivi tat-tniġġis. L-irkupru tal-iskart tal-injam b’hekk jikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent stabbiliti bl-Artikoli 11 TFUE u 191(1) TFUE u għall-osservanza tal-Artikolu 37 tal-Karta.

97.

Kif jenfasizza, barra minn hekk, il-Gvern Pollakk, fil-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2006 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea favur il-foresti ( 45 ), il-Kummissjoni tirrakkomanda l-użu ta’ injam għajr dak li jista’ jiġi totalment sfruttat u ser tiffaċilita studji u l-iskambju ta’ esperjenza dwar l-isfruttament ta’ injam b’valur dgħajjef, ta’ biċċiet żgħar u ta’ residwi tal-injam biex tiġi prodotta l-enerġija ( 46 ).

98.

Nikkondividi wkoll l-opinjoni tal-Gvern Pollakk li jirrileva li għandu jsir sforz biex jiġi sfruttat il-laqx mill-qtugħ tal-foresti ( 47 ) u biex dan il-potenzjal mhux użat jiġi dirett lejn il-produzzjoni tal-enerġija ( 48 ).

99.

L-iskart tal-injam jikkostitwixxi potenzjal “inattiv” li għandu jiġi mmaniġġjat bl-iktar mod effikaċi u bl-ikbar rispett għal dak li għandu x’jaqsam mal-politika ambjentali. Jippermetti li jiġu kkombinati żewġ temi prinċipali ta’ din il-politika, jiġifieri t-titjib permanenti fl-immaniġġjar tal-iskart, minn naħa, u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, min-naħa l-oħra.

100.

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam, mill-benefiċċju tal-mekkaniżmu taċ-ċertifikati ħodor doppji previst fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001, mhuwiex oġġettivament iġġustifikat mill-Gvern ta’ Wallonie.

101.

Għalhekk, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

102.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fl-opinjoni tiegħi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-miżura hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam. Min-naħa l-oħra, huwa jipprekludi tali miżura għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

V – Konklużjoni

103.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Cour constitutionnelle:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

japplika għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni u mhux biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefiniti fl-Anness III tad-Direttiva 2004/8;

ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji, l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-miżura hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam. Min-naħa l-oħra, huwa jipprekludi tali miżura għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 3.

( 3 )   Iktar ’il quddiem “IBV”.

( 4 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121).

( 5 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16).

( 6 )   ĠU 2001, C 37, p. 3.

( 7 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).

( 8 )   ĠU C 82, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”.

( 9 )   ĠU 2007, L 32, p. 183.

( 10 )   Moniteur belge tal-1 ta’ Mejju 2001, p. 14118.

( 11 )   Moniteur belge tas-26 ta’ Ottubru 2007, p. 55517, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2001”.

( 12 )   Moniteur belge tas-7 ta’ Awwissu 2008, p. 41321.

( 13 )   Infakkar li, għall-finijiet ta’ dan l-anness, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin, jiġifieri li l-produzzjoni permezz tal-koġenerazzjoni tal-unitajiet ta’ koġenerazzjoni għandha tiżgura t-tfaddil tal-enerġija primarja għall-inqas b’10 % meta mqabbla mad-data ta’ referenza għall-produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku, u li l-produzzjoni tal-unitajiet żgħar ta’ koġenerazzjoni u tal-unitajiet ta’ mikro-koġenerazzjoni li jiżguraw it-tfaddil tal-enerġija primarja tista’ taqa’ fl-ambitu tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

( 14 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 15 )   Is-sħana utli hija s-sħana prodotta fi proċess ta’ koġenerazzjoni biex tissodisfa domanda ekonomikament ġustifikabbli għal tisħin jew tkessiħ [l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2004/8]. Domanda ekonomikament ġustifikabbli hija domanda li ma taqbiżx il-bżonnijiet għal tisħin jew tkessiħ u li, fin-nuqqas, kienet tkun sodisfatta taħt il-kundizzjonijiet tas-suq permezz ta’ proċessi ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija għajr il-koġenerazzjoni [l-Artikolu 3(ċ) ta’ din id-direttiva].

( 16 )   Ara wkoll il-premessa 25 tad-Direttiva 2004/8 li tipprovdi li l-iskemi ta’ għajnuna pubblika biex jippromwovu l-koġenerazzjoni għandhom jiffokaw primarjament fuq għajnuna għall-koġenerazzjoni bbażata fuq domanda għal tisħin u tkessiħ ekonomikament ġustifikabbli.

( 17 )   Punt 67 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan.

( 18 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 19 )   Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2000, Fornasar et (C-318/98, Ġabra p. I-4785, punt 46) u tal-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe (C-6/03, Ġabra p. I-2753, punt 27).

( 20 )   L-Artikolu 4(2) TFUE.

( 21 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑505/09 P, punt 81).

( 22 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 23 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 24 )   Opinjoni dwar “Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-koġenerazzjoni abbażi tad-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija” (ĠU 2003, C 95, p. 12).

( 25 )   Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Soukupová (C‑401/11, punt 28).

( 26 )   Ibidem (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 )   Punt 37 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk.

( 28 )   Punt 50 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 29 )   Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 )   Dan il-protokoll daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005.

( 32 )   L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/8 jipprovdi li d-definizzjonijiet tad-Direttivi 2003/54 u 2001/77 japplikaw ukoll.

( 33 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 )   Ix-xogħol preparatorju tad-Digriet tal-2001 iġġustifika l-fatt li l-vantaġġ taċ-ċertifikati ħodor doppji jiġi rriżervat biss għall-bijomassa għajr dik li tirriżulta mill-injam, biex jiġu evitati l-effetti perversi ta’ tali miżura fuq l-industrija tal-injam, li diġà tinsab f’kompetizzjoni mal-industrija “tal-enerġija mill-injam” (punt 10 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 35 )   Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C-379/08 u C-380/08, Ġabra p. I-2007, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 )   L-Artikolu 37 tal-Karta jistabbilixxi li “[l]ivell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politika ta’ l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli”.

( 37 )   Ara wkoll l-Artikolu 11 TFUE.

( 38 )   Punt 54 tal-osservazzjonijiet ta’ IBV.

( 39 )   Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3).

( 40 )   Punt 40 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk.

( 41 )   COM(2005) 628 finali.

( 42 )   Ibidem (p. 9).

( 43 )   Ibidem (p. 10).

( 44 )   Ibidem (p. 14).

( 45 )   COM(2006) 302 finali.

( 46 )   Ibidem (p. 5).

( 47 )   Bħalma huwa l-laqx tal-foresta miksub minn tqattigħ fi bċejjeċ żgħar tal-injam li ma jistax jintuża mill-industrija tal-injam.

( 48 )   Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-injam bħala sors ta’ enerġija f’Ewropa mkabbra” (ĠU 2006, C 110, p. 60).

Top

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2013 ( 1 )

Kawża C‑195/12

Industrie du bois de Vielsalm & Cie (IBV) SA

vs

Ir-Reġjun ta’ Wallonie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju)]

“Ambjent — Politika tal-enerġija — Skemi ta’ għajnuna finanzjarja għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni — Nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-injam u l-kombustibbli l-oħra tal-bijomassa”

1. 

Għall-ewwel darba l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tinterpreta d-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KE ( 2 ).

2. 

Il-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija kawża bejn Industrie du bois de Vielsalm & Cie (IBV) SA ( 3 ) u r-Reġjun ta’ Wallonie.

3. 

IBV teżerċita l-attività prinċipali ta’ tqattigħ tal-injam u tuża l-iskart tal-injam li jirriżulta minn din l-attività biex tiżgura l-ġenerazzjoni tal-enerġija li għandha bżonn, permezz tal-installazzjoni tagħha ta’ koġenerazzjoni (produzzjoni simultanja, fi proċess wieħed, ta’ enerġija termali u elettrika u/jew mekkanika). Għall-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/8, ir-Renju tal-Belġju adotta l-mekkaniżmu taċ-ċertifikati ħodor bħala sistema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni. Dawn iċ-ċertifikati jingħataw lill-produtturi tal-elettriku aħdar skont regoli ta’ attribuzzjoni.

4. 

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-Reġjun ta’ Wallonie ċaħad l-għoti, lill-IBV, tal-għajnuna addizzjonali taċ-ċertifikati ħodor doppji li hija tirriżerva għal ċerti installazzjonijiet, għar-raġuni li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti biex wieħed jibbenefika minn tali għajnuna, b’mod partikolari, għal dak li għandu x’jaqsam mas-suġġett ta’ din il-kawża, għaliex l-imsemmija għajnuna tapplika biss għall-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa għajr dik li tirriżulta mill-injam u mill-iskart tal-injam.

5. 

Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour constitutionnelle (il-Belġju) għamlet żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sustanza hija qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, dwar l-iskemi ta’ għajnuna, moqri, skont il-każ, mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77/KE ( 4 ) u 22 tad-Direttiva 2009/28/KE ( 5 ), għandux, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, tal-Artikolu 6 TUE u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, japplika biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u, min-naħa l-oħra, jipprekludi jew ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam u/jew mill-iskart tal-injam. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-risposta għal din it-tieni domanda tkunx differenti skont jekk l-installazzjoni tużax biss l-injam jew, għall-kuntrarju, l-iskart tal-injam.

6. 

F’dawn il-konklużjonijiet ser insostni li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni u mhux biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. Sussegwentement, ser nindika għaliex, fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, dan l-artikolu ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-miżura hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam. Min-naħa l-oħra, ser nagħti r-raġunijiet li għalihom, fl-opinjoni tiegħi, l-imsemmi artikolu jipprekludi tali miżura għal dak li jirrigwarda installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2004/8

7.

Il-premessi 24 sa 26, 31 u 32 tad-Direttiva 2004/8 jaqraw kif ġej:

“(24)

L-appoġġ pubbliku għandu jkun [L-għajnuna pubblika għandha tkun] konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-Komunità fuq għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ta’ l-ambjent [ ( 6 )] […]

(25)

Skemi ta’ appoġġ pubbliċi biex jippromovu koġenerazzjoni għandhom jiffokaw primarjament fuq appoġġ għal koġenerazzjoni bbażata fuq domanda għal tisħin u tkessiħ ekonomikament ġustifikata.

(26)

L-Istati Membri iħaddmu mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ għal koġenerazzjoni f’livell nazzjonali, inkluż […] ċertifikati ħodor […]

[…]

(31)

L-effiċjenza totali u s-sostenibbilità tal-koġenerazzjoni hija dipendenti fuq ħafna fatturi, bħal teknoloġija użata, tipi ta’ karburant, load curves, il-qies ta’ l-unità, u ukoll fuq il-proprjetajiet tas-sħana. […]

(32)

Skond il-prinċipji tas-sussidjarità u l-proporzjonalità kif iddikjarati fl-Artikolu 5 [TUE], prinċipji ġenerali li jipprovdu kwadru għal promozzjoni tal-koġenerazzjoni fis-suq intern ta’ l-enerġija għandhom jiġu stabbiliti fil-livell Komunitarju, imma l-implimentazzjoni dettaljata għandha titħalla lill-Istati Membri, għalhekk tippermetti lil kull Stat Membru li jagħżel ir-reġim, li l-aħjar jikkorispondi għas-sitwazzjoni tiegħu partikolari. Din id-Direttiva tillimita lilha nnfisha għal minimu rikjest sabiex totjeni dawk l-għanijiet u ma tmurx oltre dak li hu neċessarju għal dak l-iskop.”

8.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/8 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jkabbar l-effiċjenza ta’ l-enerġija u jtejjeb is-sigurtà tal-provvista billi joħloq kwadru għal promozzjoni u żvilupp ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja [b’effiċjenza għolja] ta’ enerġija elettrika u termali bbażata fuq id-domanda għal sħana utli u t-tfaddil ta’ enerġija primarja fis-suq intern ta’ l-enerġija, tieħu qies taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi speċjalment li jikkonċernaw l-kondizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi.”

9.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tapplika għall-koġenerazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u għat-teknoloġiji ta’ koġenerazzjoni elenkati fl-Anness I ta’ din tal-aħħar.

10.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/8 jiddefinixxi l-koġenerazzjoni bħala l-ġenerazzjoni simultanja, fi proċess wieħed, ta’ enerġija termali u elettrika u/jew mekkanika, u l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja bħala l-koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji deskritti fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Dan l-Artikolu jispeċifika li d-definizzjonijiet tad-Direttivi 2003/54/KE ( 7 ) u 2001/77 japplikaw ukoll.

11.

L-Anness III tad-Direttiva 2004/8, intitolat “Metodoloġija biex tistabilixxi l-effiċjenza tal-proċess ta’ koġenerazzjoni”, jiddefinixxi l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja bħala waħda li għandha tissodisfa l-kriterji segwenti:

produzzjoni ta’ koġenerazzjoni prodotta minn unitajiet ta’ koġenerazzjoni għandhom jipprovdu tfaddil ta’ enerġija primarja […] ta’ mill-inqas 10 % kkomparati mar-referenzi għal produzzjoni separata ta’ sħana u elettriċità,

produzzjoni minn unitajiet ta’ skala żgħira u mikro- koġenerazzjoni li jipprovdu tfaddil ta’ enerġija primarja jistgħu jikkwalifikaw bħala koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

12.

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skemi ta’ appoġġ [għajnuna]”, jaqra kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li appoġġ għal koġenerazzjoni – unitajiet eżisteni u futuri – huwa bbażat fuq id-domanda għal sħana utli u tfaddil ta’ enerġija primarja, fid-dawl ta’ l-opportunitajiet għad-dispożizzjoni għat-tnaqqis fid-domanda ta’ l-enerġija minn miżuri ekonomikament prattiċi jew ambjentalment vantaġġużi oħra bħal miżuri ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija oħra.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE], il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ użati mill-Istati Membri skond liema l-produttur tal-koġenerazzjoni jirċievi, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa minn awtoritajiet pubbliċi, appoġġ dirett jew indirett, li jista’ jkollu l-effett li jirrestrinġi l-kummerċ.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra jekk dawk il-mekkaniżmi jikkontribwixxu għall-insegwiment ta’ l-għanijiet iddikjarati fl-Artikoli [11 TFUE] u [191](1) [TFUE].

3.   Il-Kummissjoni għandha fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 11 tippreżenta analiżi dokumentata sew fuq l-esperjenza akkwistata bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ differenti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Ir-rapport għandu jistima s-suċċess, inkluż effettiv, taħt il-profil ta’ ġestjoni u ta’ spejjeż, ta’ sistemi ta’ appoġġ fil-promozzjoni ta’ l-użu ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja skond il-potenzali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6. Ir-rapport għandu jkun rivedut iktar f’liema l-iskemi ta’ appoġġ ikkontribwew għall-kreazzjoni ta’ kondizzjonijiet stabbli għall-investiment fil-koġenerazzjoni.”

2. Id-Direttiva 2001/77

13.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/77/KE jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘sorsi ta’ enerġija rinovabbli’ għandha tfisser sorsi ta’ enerġija mhux fossili rinovabbli (riħ, tax-xemx, ġeotermali, mewġ, frugħ, enerġija mill-ilma, biomassa, gass tal-miżbla, gass mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ u bijogassijiet);

b)

‘biomassa’ għandha tfisser il-parti bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inkluż sostanzi veġetali u annimali), selvikoltura u industriji rrelatati, kif ukoll il-parti bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali;

[…]”

14.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skemi ta’ appoġġ”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi użati fl-Istati Membri skond liema produttur ta’ l-elettriku, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, jirċievi appoġġ dirett jew indirett, u li jistgħu jkollhom effett li jirrestrinġu l-kummerċ, fuq il-bażi li dawn jikkontribwixxu għall-oġġettivi pprovduti fl-Artikoli [11 TFUE] u [191 TFUE].

2.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2005, tippreżenta rapport dokumentat sew fuq l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta’ mekkaniżmi differenti msemmija fil-paragrafu 1. Ir-rapport għandu jistma s-suċċess, inkluż l-effettività taħt il-profil ta’ spejjeż, tas-sistemi ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 fil-promozzjoni tal-konsum ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’konformità mal-miri indikattivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(2). Dan ir-rapport għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat b’proposta għal qafas Komunitarju fir-rigward ta’ skemi ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli.

Kull proposta għal qafas għandha:

a)

tikkontribwixxi biex jintlaħqu miri indikattivi nazzjonali;

b)

tkun kompatibbli mal-principji tas-suq intern ta’ l-elettriku;

ċ)

tqis il-karatteristiċi tad-diversi sorsi ta’ enerġija rinovabbli, flimkien mat-teknoloġiji differenti, u d-differenzi ġeografiċi;

d)

tippromwovi l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli b’mod effettiv, u tkun sempliċi u, fl-istess ħin, effiċjenti kemm jista’ jkun, partikolarment f’termini ta’ spiża;

e)

tinkludi perjodi transitorji suffiċjenti għal sistemi ta’ appoġġ nazzjonali għal mill-anqas seba’ snin u żżomm l-kunfidenza ta’ l-investitur.”

3. Il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent

15.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna pubblika, il-premessa 24 tad-Direttiva 2004/8 tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-qafas Komunitarju dwar l-għajnuna tal-Istat għall-ħarsien tal-ambjent li ġie ssostitwit, mit-2 ta’ April 2008, mil-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent ( 8 ).

16.

Il-punt 112 tal-Linji gwida jipprovdi:

17.

Il-punt 70(11) ta’ dawn il-Linji gwida jiddefinixxi l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja f’dawn it-termini, jiġifieri “koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ l-Anness III għad-Direttiva 2004/8/KE u […] l-valuri armonizzati ta’ referenza għall-effiċjenza stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE tal-21 ta’ Diċembru 2006 li tistabilixxi valuri armonizzat ta’ referenza għall-effiċjenza għall-produzzjoni separata ta’ elettriku u sħana fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/8[…] [ ( 9 )]”.

B – Id-dritt tar-Reġjun ta ’ Wallonie

18.

Id-Digriet tal-Parlament reġjonali ta’ Wallonie tat-12 ta’ April 2001 dwar l-organizzazzjoni tas-suq reġjonali tal-elettriku ( 10 ), kif emendat permezz tad-Digriet tal-Parlament reġjonali ta’ Wallonie tal-4 ta’ Ottubru 2007 ( 11 ), jittrasponi parzjalment id-Direttivi 2001/77, 2003/54 u 2004/8.

19.

Id-Digriet tal-2001 jistabbilixxi, fl-Artikolu 37 tiegħu, li, “[b]iex jiġi inkuraġġut l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u/jew koġenerazzjoni ta’ kwalità, il-Gvern qed jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikati ħodor”.

20.

L-amministrazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ għajnuna ġiet fdata f’idejn il-Kummissjoni ta’ Wallonie għall-enerġija (CWaPE) (iktar ’il quddiem is-“CWaPE”). Mill-aspett prattiku, is-sistema hija s-segwenti. Il-Gvern ta’ Wallonie jistabbilixxi, għal kull sena, il-kwota ta’ ċertifikati ħodor li għandha tiġi applikata. Il-fornituri tal-elettriku u l-amministraturi tan-netwerk jipprovdu dawn iċ-ċertifikati kull tliet xhur, lis-CWaPE, taħt piena ta’ multa (EUR 100 għal kull ċertifikat nieqes). L-imsemmija ċertifikati jinħarġu kull tliet xhur mis-CWaPE lil kull produttur ta’ elettriku aħdar, proporzjonalment għall-kwantità netta ta’ elettriku prodott u skont, minn naħa, l-istima tal-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tal-industrija u, min-naħa l-oħra, l-effiċjenza ambjentali (tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju) li tiġi kkalkolata mill-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni u mqabbla ma’ produzzjonijiet klassiċi ta’ referenza. Iċ-ċertifikati ħodor imbagħad jinbiegħu mill-produtturi lil fornituri jew lil amministraturi tan-netwerk biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-kwota.

21.

L-Artikolu 38 tad-Digriet tal-2001 jipprovdi:

“§ 1.   Wara opinjoni mis-CWaPE, il-Gvern jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni u jistabbilixxi l-metodi u l-proċedura għall-għoti taċ-ċertifikati ħodor attribwiti lill-elettriku aħdar prodott fir-Reġjun ta’ Wallonie bl-osservanza tad-dispożizzjonijiet segwenti.

§ 2.   Għandu jiġi attribwit ċertifikat aħdar għal numru ta’ kWh prodotti li jikkorrispondi għal 1 MWh diviż bir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju.

Ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju hija ddeterminata billi tiġi diviża ż-żieda fid-diossidu tal-karbonju ġġenerata mill-industrija partikolari, bl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tal-industrija tal-elettriku klassika, li l-emissjonijiet tagħha huma ddefinti u ppubblikati kull sena mis-CWaPE. Din ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju hija limitata għal 1 għall-produzzjoni ġġenerata mill-installazzjoni li teċċedi l-kapaċità ta’ 5 MW. Taħt dan il-limitu, ma tistax teċċedi 2.

§ 3.   Madankollu, meta installazzjoni li tuża prinċipalment il-bijomassa għajr l-injam, li tirriżulta minn attivitajiet industrijali żviluppati fuq is-sit tal-installazzjoni ta’ produzzjoni, timplementa proċess partikolarment innovattiv li jwassal għal żvilupp sostenibbli, il-Gvern jista’, wara opinjoni mis-CWaPE dwar in-natura partikolarment innovattiva tal-proċess użat, jiddeċiedi li jillimita għal 2 ir-rata ta’ tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju għat-totalità tal-produzzjoni tal-installazzjoni li tirriżulta mill-għadd tal-kapaċitajiet żviluppati fuq l-istess sit ta’ produzzjoni, f’limitu li huwa inferjuri għal 20 MW.

[…]”

22.

L-Artikolu 57 tad-Digriet tal-Parlament reġjonali ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008 li jemenda d-Digriet tal-2001 dwar l-organizzazzjoni tas-suq reġjonali tal-elettriku ( 12 ) jipprovdi li “[l]-Artikolu 38(3) tad-[Digriet tal-2001] għandu jkun interpretat fis-sens li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw l-injam mill-benefiċċju tal-iskema li jistabbilixxi, tirreferi għall-installazzjonijiet li jużaw kwalunkwe materjal linjoċellulożika li joħroġ mis-siġra, kwalunkwe weraq u kull tip ta’ konifera mingħajr eċċezzjoni (inklużi kwalunkwe pjanti u siġar zgħar li jikbru taħt oħrajn kbar u li għandhom rotazzjoni qasira jew qasira ħafna), qabel u/jew wara kwalunkwe tip ta’ pproċessar”.

II – Il-kawża prinċipali

23.

Fit-23 ta’ Ġunju 2008, IBV talbet il-ħruġ, għall-installazzjoni tagħha, ta’ ċertifikati ħodor doppji skont l-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001 li nfakkar li jirriżerva l-għajnuna addizzjonali ta’ dawn iċ-ċertifikati doppji ħodor għall-installazzjonijiet li jissodisfaw tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li l-installazzjonijiet għandhom jużaw prinċipalment il-bijomassa għajr l-injam jew skart tal-injam, li għandhom iwasslu għal proċess ta’ żvilupp sostenibbli u li għandhom ikunu ta’ natura partikolarment innovattiva.

24.

Permezz ta’ ordni tat-18 ta’ Ġunju 2009, il-Gvern ta’ Wallonie qies li IBV ma kienet tissodisfa l-ebda waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet rikjesti biex tibbenefika minn tali għajnuna.

25.

Il-Conseil d’État, li quddiemu IBV ressqet rikors għall-annullament ta’ din l-ordni, qies li din tal-aħħar kienet tissodisfa l-aħħar żewġ kundizzjonijiet. Peress li kellu xi dubji dwar il-kostituzzjonalità tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel kundizzjoni, iddeċieda li jagħmel id-domanda segwenti lill-Cour constitutionnelle:

III – Id-domandi preliminari

26.

Wara d-domanda magħmula lilha mill-Conseil d’État, il-Cour constitutionnelle, qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu, qed tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8[…], flimkien, skont il-każ, mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77[…] u mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/28[…], għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, tal-Artikolu 6 [TUE] u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta […], bħala:

a)

li ma japplikax biss [li japplika biss] għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja skont l-Anness III tad-Direttiva [2004/8]

b)

li jimponi, jawtorizza jew jipprekludi li miżura ta’ għajnuna, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet [tal-2001], tkun aċċessibbli għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment il-bijomassa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-artikolu, bl-eċċezzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw prinċipalment l-injam jew l-iskart tal-injam?

2)

It-tweġiba tkun differenti jekk l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni jużaw biss prinċipalment l-injam jew, għall-kuntrarju, l-iskart tal-injam?”

IV – L-analiżi tiegħi

A – Osservazzjonijiet preliminari

27.

Il-Cour constitutionnelle qed titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 flimkien, skont il-każ, mal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2001/77 u mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/28. Irid jingħad li din id-direttiva daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2009, jiġifieri wara d-data tal-ordni maħruġa mill-Gvern ta’ Wallonie li kienet qieset li IBV ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti biex tibbenefika mill-mekkaniżmu ta’ għajnuna previst fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001. Konsegwentement, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

28.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-mod ta’ kif ser jiġu ttrattati d-domandi, fl-ewwel lok ser neżamina l-punt (a) tal-ewwel domanda, imbagħad, fit-tieni lok, inkwantu dawn huma konnessi, ser neżamina flimkien il-punt (b) tal-ewwel domanda u t-tieni domanda.

B – Dwar id-domandi preliminari

1. Dwar il-punt (a) tal-ewwel domanda

29.

Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefinita fl-Anness III ta’ din id-direttiva ( 13 ).

30.

Kif isostnu IBV u l-Kummissjoni, naħseb li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 japplika għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni u mhux biss għal dawk ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefinita fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

31.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb, fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, li jiddefinixxi b’mod distint il-“koġenerazzjoni” u l-“koġenerazzjoni ta’ [b’]effiċjenza għolja”. B’hekk seta’ juża terminu wieħed jew l-ieħor għal funzjonijiet u għanijiet preċiżi.

32.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, dwar l-iskemi ta’ għajnuna li l-Istati Membri jimplementaw, ma jispeċifikax li tali skemi għandhom jiġu stabbiliti unikament għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

33.

Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna għall-koġenerazzjoni ( 14 ), għall-unitajiet eżistenti u futuri, għandha tkun ibbażata fuq id-domanda għal sħana utli ( 15 ) u t-tfaddil tal-enerġija primarja ( 16 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni juża t-terminu “koġenerazzjoni”, ma jagħmilx distinzjoni bejn l-unitajiet, ikunux żgħar jew ta’ mikro-koġenerazzjoni, u ma jagħti l-ebda indikazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwantità ta’ tfaddil tal-enerġija primarja.

34.

Bl-istess mod, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/8 lanqas ma jagħti xi indikazzjoni f’dan ir-rigward.

35.

Il-Gvern Belġjan iqis, madankollu, li, fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/8 tal-premessa 24 ta’ din tal-aħħar, kif ukoll tal-Linji gwida, huwa ċar li huma biss l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja li jibbenefikaw mill-iskemi ta’ għajnuna.

36.

Fil-fatt, jiddeduċi minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat u, għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, huma marbuta mal-konformità tal-installazzjonijiet mal-kriterji ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2004/8. Skont il-Gvern Belġjan, dan ma jikkostitwixxix differenza fit-trattament bejn l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni u l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, inkwantu huma l-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat li jipprovdu dan ( 17 ).

37.

Ma nistax nikkondividi l-opinjoni tal-Gvern Belġjan.

38.

Huwa minnu li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/8 jirreferi għar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni li l-Istati Membri għandhom josservaw. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ għajnuna implementati fl-Istati Membri. Meta tagħmel din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk dawn il-mekkaniżmi josservawx ir-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni. Tali evalwazzjoni ssir, fil-fatt, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE]”.

39.

Huwa biss jekk l-iskema ta’ għajnuna tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li l-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni għandha tissodisfa l-kriterju tal-effiċjenza għolja biex tkun kompatibbli mas-suq intern, skont il-punti 112 u 70(11) tal-Linji gwida.

40.

Madankollu, skema ta’ għajnuna tista’ tabilħaqq ma tkunx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat FUE, f’liema każ l-iskema ta’ għajnuna tista’ tiġi indirizzata lil kull installazzjoni ta’ koġenerazzjoni.

41.

Għalhekk ma nistax naqbel mal-konklużjoni tal-Gvern Belġjan li l-installazzjonijiet li jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna jistgħu jkunu biss installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefinita fl-Anness III tad-Direttiva 2004/8.

42.

Barra minn hekk, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/8 jikkonferma l-analiżi tiegħi.

43.

Moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 10 u 11 ta’ din id-direttiva, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna r-rapport tal-Kummissjoni li jevalwa s-suċċess tal-iskemi ta’ għajnuna għall-finijiet tal-promozzjoni tal-użu tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

44.

Skont l-Artikoli 6 u 10 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi tal-potenzjal nazzjonali għall-applikazzjoni tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. Għandhom jevalwaw il-progress miksub fiż-żieda tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. Abbażi ta’ din l-analiżi rrappurtata lill-Kummissjoni, din tal-aħħar, skont l-Artikolu 11 tal-istess direttiva, għandha “[t]eżamina l-esperjenzi akkwistati bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta’ mekkanniżmi ta’ appoġġ għal koġenerazzjoni differenti [ ( 18 )]”.

45.

Lanqas ma jirriżulta, meta wieħed jaqra flimkien dawn l-artikoli, li huma biss l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja li jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi ta’ għajnuna. L-għan tad-Direttiva 2004/8, stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, huwa ċertament iż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u t-titjib fis-sigurtà tal-provvista, billi tistabbilixxi qafas għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, iżda huwa l-intendiment tiegħi li l-effiċjenza għolja hija fil-mira aħħarija ta’ din id-direttiva u ma narax għalfejn l-installazzjonijiet “b’inqas effiċjenza” jistgħu jiġu mċaħħda minn skema ta’ għajnuna inkwantu huma wkoll jikkontribwixxu għall-għan tal-effiċjenza tal-enerġija u t-titjib fis-sigurtà tal-provvista.

46.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni u mhux biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefinita fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

2. Dwar il-punt (b) tal-ewwel domanda u t-tieni domanda

47.

Permezz tal-punt (b) tal-ewwel domanda u tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-fatt, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura ta’ għajnuna, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam u /jew mill-iskart tal-injam.

48.

Fi kliem ieħor, tixtieq tkun taf il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni.

49.

Id-Direttiva 2004/8 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE, li jaqa’ taħt it-titolu dwar l-ambjent, biex twettaq l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 KE, b’mod partikolari dak tal-konservazzjoni tal-kwalità tal-ambjent.

50.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fil-qasam tal-ambjent, ma tfittixx li twettaq armonizzazzjoni sħiħa ( 19 ).

51.

F’qasam ta’ kompetenza kondiviża, bħal dak tal-ħarsien tal-ambjent ( 20 ), huwa l-kompitu tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddetermina l-miżuri li huwa jqis li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet intiżi, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 TUE ( 21 ).

52.

B’hekk il-premessa 32 tad-Direttiva 2004/8 tipprovdi li skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, għandhom jiġu stabbiliti, fil-livell tal-Unjoni, il-prinċipji ġenerali li jipprovdu qafas għall-promozzjoni tal-koġenerazzjoni fis-suq intern tal-enerġija, iżda l-għażla tal-metodi għall-implementazzjoni għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri, b’mod li jippermetti lil kull Stat Membru li jagħżel l-iskema li taqbel l-iktar għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Iżżid tgħid li din id-Direttiva tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex tilħaq dawn l-għanijiet mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

53.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva li dan tal-aħħar ma jagħti l-ebda indikazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mat-tip ta’ skema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni li l-Istati Membri huma inkoraġġuti jadottaw. Din id-dispożizzjoni ssemmi biss li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna għall-koġenerazzjoni, għall-unitajiet eżistenti u futuri, tkun ibbażata fuq id-domanda għal sħana utli u t-tfaddil tal-enerġija primarja u li l-mekkaniżmi ma għandhomx ixekklu l-kompetizzjoni u għandhom ikunu konformi mal-għanijiet iddefiniti fl-Artikoli 11 TFUE u 191(1) TFUE, dwar il-ħarsien tal-ambjent.

54.

Hija biss il-premessa 26 tad-Direttiva 2004/8 li ssemmi l-forma li tista’ tieħu l-iskema ta’ għajnuna, billi tindika li l-Istati Membri għandhom jimplementaw mekkaniżmi differenti ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni fuq livell nazzjonali, inkluż ( 22 ) għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet jew tnaqqis fiskali, ċertifikati ħodor u skemi ta’ għajnuna diretta għall-prezzijiet. Jirriżulta mill-qari ta’ din il-premessa li l-lista tad-diversi mekkaniżmi ta’ għajnuna mhijiex eżawrjenti u b’hekk tħalli lill-Istati Membri possibbiltajiet oħra ta’ mekkaniżmi ta’ għajnuna.

55.

Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni dwar il-forma li tista’ tieħu l-iskema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni.

56.

Barra minn hekk, ma hemm xejn li jindika fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 jew x’imkien ieħor fit-test ta’ din id-direttiva li l-Istati Membri, fil-kuntest tal-għajnuna tagħhom għall-koġenerazzjoni, huma impediti milli jagħtu preċedenza lil tip ta’ kombustibbli fuq ieħor. F’dan ir-rigward, il-premessa 31 ta’ din id-direttiva ssemmi li l-effiċjenza u s-sostenibbiltà globali tal-koġenerazzjoni jiddependu minn diversi fatturi bħalma huma t-tipi ta’ kombustibbli.

57.

It-tip ta’ kombustibbli li għandu jintuża jista’ jiddependi mill-partikolarità ta’ kull territorju, mid-disponibbiltà tiegħu fit-territorju tiegħu. Il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, barra minn hekk, dan l-element, peress li jindika, fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/8, li l-għan ta’ din tal-aħħar għandu jintlaħaq b’qies taċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi, speċjalment dawk li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi ( 23 ).

58.

Bl-istess mod, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fl-opinjoni tiegħu ( 24 ), insista dwar il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi u li jiġi osservat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà f’qasam fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi nazzjonali huma determinanti.

59.

Il-Gvern ta’ Wallonie, fil-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għalhekk tħallietlu, għażel, meta ttraspona parzjalment id-Direttiva 2004/8, li jimplementa s-sistema taċ-ċertifikati ħodor u seta’ b’mod leġittimu jagħti preċedenza lil għajnuna addizzjonali lill-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa fuq installazzjonijiet li jużaw tipi oħra ta’ kombustibbli.

60.

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, skema ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.

61.

Madankollu, fl-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/8, l-Istati Membri huma marbuta, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit bl-Artikolu 20 ta’ din tal-aħħar ( 25 ).

62.

F’din il-kawża, IBV tikkontesta l-esklużjoni tagħha mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, u targumenta li ġiet leża meta mqabbla mal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jużaw il-bijomassa għajr dik li tirriżulta mill-injam u/jew l-iskart tal-injam.

63.

Huwa meħtieġ, għalhekk, li issa jiġi eżaminat jekk ir-Reġjun ta’ Wallonie, bl-adozzjoni tal-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001, osservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

64.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 26 ).

65.

F’din il-kawża, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk impriżi bħalma hija IBV, li jappartjenu lill-industrija tal-injam, humiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li jinsabu fiha l-impriżi ta’ industriji oħra li jibbenefikaw minn ċertifikat aħdar doppju, skont l-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001.

66.

Dwar dan il-punt ma nikkondividix l-analiżi tal-Gvern Pollakk ( 27 ) u tal-Kummissjoni ( 28 ) li jqisu li l-kategoriji differenti tal-bijomassa ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli u li l-bijomassa li tirriżulta mill-injam għandha karatteristiċi partikolari, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà tagħha u ma’ kemm tħalli qligħ.

67.

Fl-opinjoni tiegħi, u kif ser nuri iktar ’il quddiem ( 29 ), dawn il-kriterji ta’ disponibbiltà u ta’ kemm jitħalla qligħ huma elementi li għandhom, fil-fatt, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli.

68.

Għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, naħseb li l-paragun bejn l-industrija tal-injam u industriji oħra, għandu jiġi mfittex u evalwat fid-dawl tal-għan u tal-mira tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 30 ).

69.

Is-sistema taċ-ċertifikati ħodor ġiet stabbilita mill-awtoritajiet ta’ Wallonie, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/8. Hija għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u/jew minn koġenerazzjoni ta’ kwalità. Il-miżuri adottati mill-Istati Membri abbażi ta’ din id-direttiva jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent, u b’mod partikolari għall-osservanza tal-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima ( 31 ), li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-Unjoni Ewropea.

70.

Il-pakkett “klima-enerġija” tal-Unjoni impona fuq l-Istati Membri għan hekk imsejjaħ “tat-3 × 20” minn issa sas-sena 2020, jiġifieri 20 % ta’ tfaddil ta’ enerġija, 20 % ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u 20 % ta’ enerġiji rinnovabbli fil-produzzjoni tal-enerġija. Id-Direttiva 2004/8 hija eżempju konkret ta’ dan.

71.

Din id-direttiva għalhekk tippromwovi l-koġenerazzjoni bħala prijorità Komunitarja minħabba l-kontribuzzjoni tagħha għas-sigurtà u għad-diversifikazzjoni fil-provvista tal-enerġija, għall-ħarsien tal-ambjent, u b’mod partikolari għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u għall-iżvilupp sostenibbli.

72.

Il-bijomassa hija ddefinita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/77 ( 32 ) bħala l-parti bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inkluż sustanzi veġetali u annimali), selvikoltura u industriji relatati, kif ukoll il-parti bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali.

73.

Hija tipparteċipa fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tikkontribwixxi għaż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, meqjusa bħala l-mezz li l-iktar iħalli qligħ u li l-iktar li jtejjeb malajr is-sigurtà fil-provvista. F’dan ir-rigward, hija tissodisfa bl-istess mod l-għanijiet tad-Direttiva 2004/8 adottata f’din il-perspettiva.

74.

Il-bijomassa, kemm jekk tirriżulta mill-agrikoltura, mis-selvikoltura jew mill-industriji relatati, hija sors ta’ enerġija rinnovabbli u tikkostitwixxi industrija għall-produzzjoni tal-elettriku. Ir-riżorsi fil-forma ta’ bijomassa huma eteroġeni ħafna. Madankollu, tkunx magħmula minn laqx tal-foresta, minn qxur u ċana tal-injam, minn skart domestiku, ħama, pjanti, skart tal-industrija agroalimentari jew inkella mill-alka, hija tibqa’, fi kwalunkwe każ, materja organika li tista’ tikkostitwixxi kombustibbli għall-produzzjoni tal-enerġija.

75.

Inqis għalhekk li fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2004/8 u tal-mira ta’ din tal-aħħar, l-installazzjonijiet li jużaw l-injam u/jew l-iskart tal-injam u dawk li jużaw is-sorsi l-oħra tal-bijomassa, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

76.

Issa huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji, imħaddma mill-Gvern ta’ Wallonie, hijiex ġustifikata.

77.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan li t-trattament ikkonċernat ifittex li jilħaq ( 33 ).

78.

Għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk, fil-kawża prinċipali, l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam u/jew mill-iskart tal-injam hijiex idonea biex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu wieħed jew iktar invokati mill-Gvern ta’ Wallonie u jekk din teċċedix dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq tali għan. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun idonea biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk tirrifletti b’mod ġenwin l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku.

79.

Ser niddistingwi l-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament skont jekk l-installazzjoni tużax il-bijomassa li tirriżulta mill-injam jew skont jekk tużax il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam, għaliex, fl-opinjoni tiegħi, l-isfidi mhumiex l-istess fir-rigward tar-rekwiżiti ambjentali rilevanti.

80.

F’din il-kawża, il-Gvern ta’ Wallonie ressaq diversi argumenti biex isostni l-ġustifikazzjoni tal-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw l-injam u/jew l-iskart tal-injam, mill-mekkaniżmu taċ-ċertifikati ħodor doppji previst fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001. Dawn l-argumenti kollha ġew ikkontestati minn IBV.

81.

Dan il-gvern jinvoka, b’mod partikolari, il-ħtieġa tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u li dawn jiġu rriżervati għall-industrija tal-injam li tużahom bħala materjal għall-produzzjoni ( 34 ). Biex isostni dan l-argument, huwa jibbaża ruħu fuq studji li jgħidu li l-industrija tal-ipproċessar tal-injam tkun għalkollox insuffiċjenti fir-Reġjun ta’ Wallonie li jkollu jirrikorri għall-importazzjoni. Il-Gvern ta’ Wallonie jsostni li l-għoti ta’ ċertifikat aħdar doppju lill-industrija li tuża l-injam għall-enerġija, jista’ jipprovoka żieda qawwija fil-prezzijiet tal-materja prima.

82.

L-argument imressaq mill-Gvern ta’ Wallonie jidhirli li huwa leġittimu, inkwantu huwa intiż sabiex jiġu kkonservati l-foresti u l-materja prima tal-injam. Jidher għalhekk li huwa ġġustifikat abbażi tal-interess ġenerali għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent ( 35 ), li l-Artikolu 191 TFUE u l-Artikolu 37 tal-Karta ( 36 ) jistabbilixxu bħala għan tal-Unjoni ( 37 ).

83.

Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li jivverifika, abbażi tal-elementi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, jekk il-miżura inkwistjoni hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam.

84.

Jekk wieħed jitlaq mill-premessa li l-miżura inkwistjoni tilħaq tali għan, allura għandha tiġi eżaminata l-proporzjonalità ta’ din il-miżura.

85.

Fl-opinjoni tiegħi, tidher li hija proporzjonata, inkwantu l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam mhumiex totalment esklużi mill-iskema ta’ għajnuna, peress li xorta jibbenefikaw miċ-ċertifikati ħodor “sempliċi” bis-saħħa tal-Artikolu 38(2) tad-Digriet tal-2001.

86.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-miżura hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam.

87.

Għandu issa jiġi eżaminat jekk l-imsemmija miżura hijiex iġġustifikata għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam, bħalma hija dik ta’ IBV.

88.

Għalkemm il-miżura inkwistjoni hija ġġustifikata għall-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam minħabba l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-industrija tal-injam, min-naħa l-oħra, din il-ġustifikazzjoni ma jidhirlix li hija leġittima fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

89.

Bħal IBV ( 38 ), naħseb li l-iskart tal-injam ma jistax jintuża mill-industrija tal-injam.

90.

Id-Direttiva 2008/98/KE ( 39 ), fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tagħha, tiddefinixxi l-iskart bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”. L-iskart tal-injam jikkonsisti fir-residwu tal-injam li diġà ntuża. Huwa dak li jibqa’ mill-materjal li ma għandux użu ulterjuri.

91.

Kif korrettament jirrileva l-Gvern Pollakk, l-użu tal-iskart tal-injam ma għandu influwenza diretta la fuq il-protezzjoni tal-foresti u lanqas fuq il-kompetittività tal-industrija tal-injam ( 40 ).

92.

Għalkemm l-ewwel preokkupazzjoni tal-politiki ambjentali kienet, għal bosta snin, it-trattament, l-eliminazzjoni, l-iżvilupp u l-prevenzjoni tal-iskart, l-użu tiegħu sar għan maġġuri tal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ proċessi bħall-koġenerazzjoni li tuża l-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam, jidher li jwieġeb għall-ħtiġijiet ambjentali.

93.

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2005 dwar il-pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-bijomassa ( 41 ), il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal offrut mill-forom kollha ta’ produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa li jħallu qligħ. Hija tirrileva li, fl-impenn tagħhom biex josservaw l-għanijiet tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jidher li huwa impossibbli li dawn l-Istati jkollhom suċċess, jekk ma jirrikorrux iktar għall-bijomassa ( 42 ). Għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-imsemmija Stati jisfruttaw il-potenzjal offrut mill-forom kollha ta’ produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa li jħallu qligħ ( 43 ). Barra minn hekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskart, hija tqis li dan jikkostitwixxi sors ta’ enerġija li mhux sfruttat biżżejjed. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi, f’dan ir-rigward, l-investiment favur tekniki b’effiċjenza għolja ta’ enerġija għall-użu tal-iskart bħala kombustibbli ( 44 ).

94.

Għaldaqstant, li wieħed ma jiffavorixxix il-possibbiltà tal-użu tal-iskart tal-injam għall-enerġija, ma jidhirx li huwa koerenti mal-għanijiet tal-politika tal-ambjent li l-Unjoni tfittex li tilħaq u jidher li jmur saħansitra kontra dawn l-għanijiet.

95.

Il-Gvern ta’ Wallonie jispjega li l-miżura inkwistjoni tidħol perfettament fil-ġerarkija tal-modi ta’ mmaniġġjar tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98, li jipprovdi li r-riċiklaġġ għandu jkollu preferenza fuq l-irkupru tal-enerġija. Dan l-argument jidhirli li huwa kontestabbli fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u inkwantu l-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifika li “[f]l-applikazzjoni tal-ġerarkija ta’ l-iskart imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-għażliet li jagħtu l-aqwa riżultat ambjentali ġenerali. Dan jista’ jeħtieġ li xi tipi speċifiċi ta’ skart ma jsegwux il-ġerarkija fejn dan ikun ġustifikat mill-kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fuq l-impatti ġenerali tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġjar ta’ tali skart”. Il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/98 saħansitra tipprovdi li “jeħtieġ li wieħed jinkoraġixxi l-irkupru ta’ l-iskart”.

96.

Dan huwa iktar u iktar iġġustifikat meta l-irkupru tal-iskart tal-injam isir fuq il-post, kif inhuwa l-każ f’din il-kawża, peress li IBV tirkupra r-residwi tal-injam li jirriżultaw mill-attività prinċipali tagħha ta’ tqattigħ direttament fuq is-sit tagħha. B’hekk jiġi evitat it-trasport, u għalhekk l-effetti negattivi tat-tniġġis. L-irkupru tal-iskart tal-injam b’hekk jikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent stabbiliti bl-Artikoli 11 TFUE u 191(1) TFUE u għall-osservanza tal-Artikolu 37 tal-Karta.

97.

Kif jenfasizza, barra minn hekk, il-Gvern Pollakk, fil-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2006 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea favur il-foresti ( 45 ), il-Kummissjoni tirrakkomanda l-użu ta’ injam għajr dak li jista’ jiġi totalment sfruttat u ser tiffaċilita studji u l-iskambju ta’ esperjenza dwar l-isfruttament ta’ injam b’valur dgħajjef, ta’ biċċiet żgħar u ta’ residwi tal-injam biex tiġi prodotta l-enerġija ( 46 ).

98.

Nikkondividi wkoll l-opinjoni tal-Gvern Pollakk li jirrileva li għandu jsir sforz biex jiġi sfruttat il-laqx mill-qtugħ tal-foresti ( 47 ) u biex dan il-potenzjal mhux użat jiġi dirett lejn il-produzzjoni tal-enerġija ( 48 ).

99.

L-iskart tal-injam jikkostitwixxi potenzjal “inattiv” li għandu jiġi mmaniġġjat bl-iktar mod effikaċi u bl-ikbar rispett għal dak li għandu x’jaqsam mal-politika ambjentali. Jippermetti li jiġu kkombinati żewġ temi prinċipali ta’ din il-politika, jiġifieri t-titjib permanenti fl-immaniġġjar tal-iskart, minn naħa, u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, min-naħa l-oħra.

100.

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam, mill-benefiċċju tal-mekkaniżmu taċ-ċertifikati ħodor doppji previst fl-Artikolu 38(3) tad-Digriet tal-2001, mhuwiex oġġettivament iġġustifikat mill-Gvern ta’ Wallonie.

101.

Għalhekk, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

102.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fl-opinjoni tiegħi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-miżura hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam. Min-naħa l-oħra, huwa jipprekludi tali miżura għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

V – Konklużjoni

103.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Cour constitutionnelle:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

japplika għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni u mhux biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, kif iddefiniti fl-Anness III tad-Direttiva 2004/8;

ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna reġjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju taċ-ċertifikati ħodor doppji, l-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-injam, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-miżura hijiex idonea biex tilħaq l-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-injam u tas-salvagwardja tal-industrija tal-injam. Min-naħa l-oħra, huwa jipprekludi tali miżura għal dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa li tirriżulta mill-iskart tal-injam.

( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 3.

( 3 )   Iktar ’il quddiem “IBV”.

( 4 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121).

( 5 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16).

( 6 )   ĠU 2001, C 37, p. 3.

( 7 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).

( 8 )   ĠU C 82, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”.

( 9 )   ĠU 2007, L 32, p. 183.

( 10 )   Moniteur belge tal-1 ta’ Mejju 2001, p. 14118.

( 11 )   Moniteur belge tas-26 ta’ Ottubru 2007, p. 55517, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2001”.

( 12 )   Moniteur belge tas-7 ta’ Awwissu 2008, p. 41321.

( 13 )   Infakkar li, għall-finijiet ta’ dan l-anness, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin, jiġifieri li l-produzzjoni permezz tal-koġenerazzjoni tal-unitajiet ta’ koġenerazzjoni għandha tiżgura t-tfaddil tal-enerġija primarja għall-inqas b’10 % meta mqabbla mad-data ta’ referenza għall-produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku, u li l-produzzjoni tal-unitajiet żgħar ta’ koġenerazzjoni u tal-unitajiet ta’ mikro-koġenerazzjoni li jiżguraw it-tfaddil tal-enerġija primarja tista’ taqa’ fl-ambitu tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

( 14 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 15 )   Is-sħana utli hija s-sħana prodotta fi proċess ta’ koġenerazzjoni biex tissodisfa domanda ekonomikament ġustifikabbli għal tisħin jew tkessiħ [l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2004/8]. Domanda ekonomikament ġustifikabbli hija domanda li ma taqbiżx il-bżonnijiet għal tisħin jew tkessiħ u li, fin-nuqqas, kienet tkun sodisfatta taħt il-kundizzjonijiet tas-suq permezz ta’ proċessi ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija għajr il-koġenerazzjoni [l-Artikolu 3(ċ) ta’ din id-direttiva].

( 16 )   Ara wkoll il-premessa 25 tad-Direttiva 2004/8 li tipprovdi li l-iskemi ta’ għajnuna pubblika biex jippromwovu l-koġenerazzjoni għandhom jiffokaw primarjament fuq għajnuna għall-koġenerazzjoni bbażata fuq domanda għal tisħin u tkessiħ ekonomikament ġustifikabbli.

( 17 )   Punt 67 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan.

( 18 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 19 )   Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2000, Fornasar et (C‑318/98, Ġabra p. I‑4785, punt 46) u tal-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe (C‑6/03, Ġabra p. I‑2753, punt 27).

( 20 )   L-Artikolu 4(2) TFUE.

( 21 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑505/09 P, punt 81).

( 22 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 23 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 24 )   Opinjoni dwar “Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-koġenerazzjoni abbażi tad-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija” (ĠU 2003, C 95, p. 12).

( 25 )   Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Soukupová (C‑401/11, punt 28).

( 26 )   Ibidem (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 )   Punt 37 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk.

( 28 )   Punt 50 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 29 )   Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 )   Dan il-protokoll daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005.

( 32 )   L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/8 jipprovdi li d-definizzjonijiet tad-Direttivi 2003/54 u 2001/77 japplikaw ukoll.

( 33 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 )   Ix-xogħol preparatorju tad-Digriet tal-2001 iġġustifika l-fatt li l-vantaġġ taċ-ċertifikati ħodor doppji jiġi rriżervat biss għall-bijomassa għajr dik li tirriżulta mill-injam, biex jiġu evitati l-effetti perversi ta’ tali miżura fuq l-industrija tal-injam, li diġà tinsab f’kompetizzjoni mal-industrija “tal-enerġija mill-injam” (punt 10 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 35 )   Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, Ġabra p. I‑2007, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).