EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0009

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 25 ta' April 2013.
Corman-Collins SA vs La Maison du Whisky SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de commerce de Verviers - il-Belġju.
Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Artikolu 2 - Artikolu 5(1)(a) u (b) - Ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali - Kunċetti ta’ ‘bejgħ ta’ oġġetti’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ - Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ta’ oġġetti.
Kawża C-9/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:273

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-25 ta’ April 2013 ( 1 )

Kawża C‑9/12

Corman‑Collins SA

vs

La Maison du Whisky SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de commerce de Verviers (il-Belġju)]

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 2 — Artikolu 5(1)(a) u 5(1)(b) — Ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali — Kunċetti ta’ ‘bejgħ ta’ oġġetti’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ — Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ta’ oġġetti — Obbligu li jifforma l-bażi tat-talba”

I – Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, imressqa mit-Tribunal de commerce de Verviers (il-Belġju), tirrigwarda prinċipalment l-interpretazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista f’materji kuntrattwali fl-Artikolu 5(1)(a) u 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ), normalment imsejjaħ “Regolament Brussell I”.

2.

Din it-talba taqa’ fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minn Corman‑Collins SA (iktar ’il quddiem “Corman-Collins”), kumpannija stabbilita fil-Belġju, kontra La Maison du Whisky Whisky SA (iktar ’il quddiem “La Maison du Whisky”), kumpannija stabbilita fi Franza, abbażi tal-ksur minn din tal-aħħar ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ta’ oġġetti li, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kien jorbot lill-partijiet.

3.

Il-kumpannija Franċiża tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani biex jiddeċiedu din il-kawża, kif ukoll l-istess eżistenza ta’ kuntratt ta’ din in-natura bejn il-partijiet. Hija tibbaża l-eċċezzjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fuq l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdi li konvenut stabbilit fi Stat Membru ( 3 ) għandu normalment jiġi mħarrek quddiem il-qrati ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, fuq il-possibbiltà ta’ inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regola tad-dritt internazzjonali privat Belġjan li tipprovdi għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani meta r-rikorrent ikun konċessjonarju stabbilit fil-Belġju li jargumenta dwar ir-rexissjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ esklużiv li jipproduċi l-effetti tiegħu fit-territorju nazzjonali.

4.

It-tieni nett, u hawnhekk jinsab l-interess essenzjali tal-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qegħda tiġi mitluba taqta’ u tiddeċiedi, essenzjalment, jekk kuntratt ta’ konċessjoni, li bis-saħħa tiegħu parti tixtri prodotti minn parti oħra fi Stat Membru bil-għan li terġa’ tbigħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandux jiġi kklassifikat bħala “bejgħ ta’ oġġetti” jew bħala “provista ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, liema domanda tat lok għall-adozzjoni ta’ pożizzjonijiet diverġenti kemm fid-duttrina kif ukoll fil-ġurisprudenza ta’ diversi Stati Membri ( 4 ). Jekk l-ebda waħda minn dawn il-klassifikazzjonijiet ma jkollha tiġi adottata, dawn it-tip ta’ kuntratti jistgħu jaqgħu taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-imsemmi punt 1(a), skont l-ordni ta’ applikazzjoni stabbilita fl-istess punt 1(ċ).

5.

Finalment, l-aħħar domanda preliminari, li l-kontenut tagħha jista’ biss jiġi mifhum kompletament fid-dawl tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-każ li japplika l-punt (a) u mhux il-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2011 għal azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk “l-obblig[u] [li jifforma l-bażi tat-talba]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwiex dak tal-bejjiegħ‑konċedent jew dak tax-xerrej‑konċessjonarju.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 44/2001

6.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 1, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II tal-imsemmi Regolament, dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni, jipprovdi l-prinċipju li “bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

7.

Skont il-kliem tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, […] ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)

jekk is-subparagrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a)”.

2. Ir-Regolament Ruma I

8.

Skont il-Premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) ( 5 ), “[l]-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament […] Nru 44/2001”.

9.

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:

a)

kuntratt għall-bejgħ ta’ merkanzija għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-bejjiegħ ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

b)

kuntratt għall-forniment ta’ servizzi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

[…]

f)

kuntratt tad-distribuzzjoni għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih id-distributur ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

[…]”

B – Id-dritt Belġjan

10.

Il-Liġi tas-27 ta’ Lulju 1961 dwar ir-rexissjoni unilaterali tal-konċessjonijiet ta’ bejgħ esklużiv ta’ żmien indefinit ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961”), fl-Artikolu 1(2) tagħha, tiddefinixxi l-“konċessjoni ta’ bejgħ” bħala “kwalunkwe ftehim li bis-saħħa tiegħu konċedent jirriżerva, għal konċessjonarju wieħed jew iktar, id-dritt li jbigħu, f’isimhom proprju u għalihom innifishom, il-prodotti li huwa jimmanifattura jew jiddistribwixxi”.

11.

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi:

“Matul rexissjoni ta’ konċessjoni ta’ bejgħ li tipproduċi l-effetti tagħha fit-territorju Belġjan kollu jew f’parti minnu, il-konċessjonarju li sofra dannu jista’, fi kwalunkwe każ, iħarrek lill-konċedent, fil-Belġju, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu stess, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tas-sede tal-konċedent.

Fil-każ li t-tilwima tinġieb quddiem qorti Belġjana, din għandha tapplika esklużivament il-liġi Belġjana.”

III – Il-kontroversja fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.

Għal għexur ta’ snin, Corman-Collins, kumpannija stabbilita fil-Belġju, u La Maison du Whisky, kumpannija stabbilita fi Franza, żammew bejniethom relazzjonijiet kummerċjali li fil-kuntest tagħhom din tal-ewwel kienet tixtri mingħand din tal-aħħar wiskis ta’ diversi marki, li kienu jinġabru minnha mill-imħażen tal-kumpannija Franċiża, sabiex tbigħhom fit-territorju Belġjan.

13.

Matul dan il-perijodu kollu, Corman-Collins għamlet użu mill-isem “Maison du Whisky Belgique” u minn sit Internet bl-isem “www.whisky.be”, mingħajr ma dan qajjem reazzjoni minn naħa ta’ La Maison du Whisky. Barra minn hekk, id-dettalji ta’ Corman-Collins kienu jissemmew fir-rivista Whisky Magazine editjat minn sussidjarja ta’ La Maison du Whisky.

14.

F’Diċembru 2010, din tal-aħħar ipprekludiet lil Corman-Collins milli tuża l-imsemmi isem u waqfet l-imsemmi sit. Fi Frar 2011, din informatha li sa mill-1 ta’ April u mill-1 ta’ Settembru 2011 rispettivament, hija kienet ser tikkonċedi d-distribuzzjoni esklużiva ta’ żewġ marki tal-prodotti tagħha lil kumpannija Belġjana oħra, li bl-intervent tagħha Corman-Collins ġiet mistiedna tgħaddi l-ordnijiet tagħha minn dak iż-żmien ’il quddiem.

15.

Fid-9 ta’ Marzu 2011, Corman-Collins ħarrket lil La Maison du Whisky quddiem it-Tribunal de commerce de Verviers, prinċipalment sabiex din tiġi kkundannata, abbażi tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, għall-ħlas ta’ indennizz kumpensatorju ta’ preavviż u ta’ kumpens addizzjonali.

16.

La Maison du Whisky ikkontestat il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita, minħabba li kienu l-qrati Franċiżi li kellhom ġurisdizzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2011. Corman‑Collins irrispondiet għal din l-oġġezzjoni billi invokat l-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi Belġjana.

17.

Barra minn hekk, il-partijiet ma qablux bejniethom dwar il-klassifikazzjoni li kellha tingħata lir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, filwaqt li qablu li huma qatt ma kienu kkonkludew bil-miktub kuntratt-qafas li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ dawn ir-relazzjonijiet. Corman-Collins sostniet li kien hemm kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ esklużiv fis-sens tal-istess liġi Belġjana, filwaqt li La Maison du Whisky sostniet li kien hemm sempliċi kuntratti ta’ bejgħ, konklużi abbażi ta’ ordnijiet ta’ kull ġimgħa, skont ix-xewqat espressi minn Corman-Collins.

18.

Skont il-kliem tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunal de commerce de Verviers tindika, b’mod espress, li Corman-Collins u La Maison du Whisky “kienu marbuta b’kuntratt verbali” u li “abbażi tal-[…] Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, ir-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet tista’ tiġi analizzata bħala kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, sa fejn ir-rikorrenti kienet awtorizzata tbigħ mill-ġdid, fit-territorju Belġjan, il-prodotti mixtrija mingħand il-konvenuta”.

19.

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tqajjem dubji dwar il-possibbiltà li tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tar-regola prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, fir-rigward tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li, fil-fehma tagħha, japplika kemm ratione loci kif ukoll ratione materiae. Din tirrileva li skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, il-qrati Franċiżi għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, iżda jista’ jiġi applikat ukoll l-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament. F’dan ir-rigward, din tistaqsi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 7 ), dwar jekk kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ għandux jitqies bħala kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti u/jew kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Din iżżid li huwa biss jekk l-ebda waħda minn dawn il-klassifikazzjonijiet ma tkun tista’ tiġi adottata għal dan it-tip ta’ kuntratt li jkun hemm lok li jiġi determinat x’inhu l-obbligu inkwistjoni li jservi ta’ bażi għat-talba fil-kawża prinċipali, liema kwistjoni tirrigwarda impliċitament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

20.

F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni ppreżentata fis-6 ta’ Jannar 2012, it-Tribunal de commerce de Verviers iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament 44/2001 , possibilment flimkien mal-Artikoli 5(1)(a) jew (b), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi regola ta’ ġurisdizzjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 4 tal-liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani, meta l-konċessjonarju huwa stabbilit fil-Belġju u meta l-konċessjoni ta’ bejgħ tipproduċi l-effetti kollha tagħha jew parti minnhom f’dan l-istess territorju, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tal-konċedent, meta dan tal-aħħar huwa konvenut?

2)

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ta’ merkanzija, li permezz tiegħu parti tixtri prodotti mingħand oħra, sabiex jerġgħu jinbigħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor?

3)

Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirreferi għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, bħal dak inkwistjoni bejn il-partijiet?

4)

Jekk ir-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti tkun fin-negattiv, l-obbligu kontenzjuż fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ huwa dak tal-bejjiegħ-konċedent jew dak tax-xerrej-konċessjonarju?”

21.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Corman-Collins u La Maison Du Whisky, mir-Renju tal-Belġju u mill-Konfederazzjoni Svizzera, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

22.

Waqt is-seduta tal-31 ta’ Jannar 2013, Corman-Collins, La Maison du Whisky, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati.

IV – Analiżi

A – Il-preklużjoni mir-Regolament Nru 44/2001 tar-regola ta ’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana tas-27 ta ’ Lulju 1961 (l-ewwel domanda)

23.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk regola ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, tistax tiġi applikata kontra konvenut li jkollu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor, minkejja d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

24.

Dan jeżiġi li jiġi determinat jekk, b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, il-qrati Belġjani jistgħux ikollhom ġurisdizzjoni meta konċessjonarju li jkollu d-domiċilju tiegħu fit-territorju Belġjan iħarrek lill-konċedent abbażi tar-rexissjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ tagħhom, meta l-kuntratt inkwistjoni jipproduċi l-effetti tiegħu fit-totalità jew f’parti ta’ dan l-istess territorju, indipendentement mill-post li fih jinsab id-domiċilju jew l-uffiċċju prinċipali tal-konvenut.

25.

Fil-każ preżenti, Corman-Collins tippretendi li tista’ tħarrek lil La Maison du Whisky quddiem qorti Belġjana abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, għalkemm l-uffiċċju prinċipali ta’ din tal-aħħar jinsab fit-territorju Franċiż.

26.

Apparti Corman-Collins, il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet jaqblu li jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja li twieġeb li l-implementazzjoni ta’ tali regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq il-liġi tal-forum hija eskluża f’ċirkustanzi bħal dawn, għaliex dawn jifformaw parti mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione loci tar-Regolament Nru 44/2001.

27.

Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan, b’mod partikolari ( 8 ), li jiddefinixxi b’mod uniformi l-ġurisdizzjoni fil-kontroversji kollha li jkollhom fattur barrani li s-suġġett tagħhom ikun marbut mal-materja koperta minnu ( 9 ). Mill-Premessa 8 ta’ dan ir-regolament jirriżulta b’mod ċar li meta l-konvenut ikun domiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri marbuta bl-imsemmi regolament, ir-regoli komuni provduti minnu fil-qasam tal-ġurisdizzjoni għandhom normalment japplikaw u jipprevalu fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fis-seħħ f’dawn id-diversi Stati.

28.

Permezz ta’ dawn in-normi unifikati, jekk il-konvenut fl-azzjoni kkontemplata jkun domiċiljat fi Stat Membru, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, ir-rikorrent ikun normalment marbut li jadixxi l-qrati ta’ dan l-Istat, skont ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali provduta fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001.

29.

Mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-uniċi eċċezzjonijiet adottati għal din ir-regola huma dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tas-sezzjonijiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament fuq il-ġurisdizzjoni. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ relazzjoni kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tapplika r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali provduta fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi Regolament, b’mod alternattiv għal dik misjuba fl-Artikolu 2 ( 10 ) tiegħu, u mhux ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li joħorġu mid-dritt tal-Istati Membri.

30.

Il-paragrafu (2) ta’ dan l-istess Artikolu 3 jsaħħaħ l-idea li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jeskludi l-implementazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali f’sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ( 11 ), għaliex dan jipprovdi espliċitament li tali regoli ma jistgħux jitqajjmu kontra konvenut domiċiljat fi Stat Membru.

31.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li meta l-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx dak li fih tippresjedi l-qorti adita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludu regola ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961.

B – Il-klassifikazzjoni ta ’ kuntratt ta ’ konċessjoni ta ’ bejgħ fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (it-tieni u t-tielet domandi)

1. Osservazzjonijiet preliminari

32.

Jidhirli li t-tieni u t-tielet domandi ma sarux b’mod ċar peress li jidher li l-qorti tar-rinviju ħawwdet id-diversi tipi ta’ ġurisdizzjoni misjuba fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-mod li bih dawn huma organizzati bejniethom ( 12 ).

33.

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk japplikax il-punt (a) jew inkella l-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex tiġi determinata l-qorti kompetenti biex tiddeċiedi azzjoni ġudizzjarja bbażata fuq kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ.

34.

Sabiex din tingħatalha risposta b’mod utli, fid-dawl tal-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ domandi, nikkunsidra li dawn għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt u fuq kollox, fid-dawl tal-ġerarkija stabbilita fil-punt (ċ) tal-imsemmi Artikolu 5(1), li tiġi inversa l-ordni tagħhom b’tali mod li l-ewwel tiġi trattata t-tielet domanda, relattiva għall-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, u sussegwentement it-tieni domanda, relattiva għall-punt (a) tal-istess dispożizzjoni ( 13 ).

35.

Preliminarjament, infakkar li sabiex jiġi interpretat ir-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 relattiva għall-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali ( 14 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) hija rilevanti meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti, peress li l-imsemmi Regolament ħa post din il-Konvenzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri ( 15 ).

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, minn naħa, li teżisti identità rigoruża bejn il-kliem tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 u dak tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u, min-naħa l-oħra, li kontinwità fl-interpretazzjoni bejn dawn iż-żewġ strumenti kienet mhux biss espressament mixtieqa mil-leġiżlatur Komunitarju ( 16 ) iżda din hija wkoll konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li minnu jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikollhom portata identika ( 17 ).

37.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, it-tagħlim li għandu jittieħed mis-sentenzi li interpretaw il-Konvenzjoni ta’ Brussell huwa inqas dirett għaliex ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni misjuba fl-imsemmi punt (b) huma ġodda. Fil-fatt, il-karatteristika partikolari ta’ din id-dispożizzjoni ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl kemm tax-xogħlijiet preparatorji tal-imsemmi regolament, kif ukoll tal-istruttura tal-Artikolu 5(1) tiegħu ( 18 ), u minn dan hija ddeduċiet li “il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jippreżerva, fir-rigward tal-kuntratti kollha minbarra dawk li jikkonċernaw il-bejgħ tal-merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell” ( 19 ) (enfażi tiegħi).

38.

Inżid li jidhirli li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li l-imsemmi punt (b) ikun suġġett għal interpretazzjoni wiesgħa meta mqabbel mal-imsemmi punt (a) minħabba l-għan ta’ simplifikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet li kienu jeżistu fil-Konvenzjoni ta’ Brussell. Mix-xogħlijiet preparatorji ta’ dan ir-Regolament ( 20 ), kif ukoll mir-rapport tal-Professur Pocar dwar il-Konvenzjoni msejħa “Lugano I” ( 21 ) li d-dispożizzjonijiet tagħha ġew adottati fl-istess sens, jirriżulta li r-regoli speċifiċi ta’ dan il-punt (b) inħolqu biex jiġu evitati d-diffikultajiet ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ dan il-punt (a) li jirriżultaw mill-ġurisprudenza relattiva għas-sentenzi Industrie Tessili Italiana Como u De Bloos ( 22 ). Madankollu, jidher li fis-sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq ( 23 ), il Qorti tal-Ġustizzja għażlet approċċ relattivament restrittiv għall-istess punt (b).

39.

Huwa importanti li tittieħed inkunsiderazzjoni regola oħra ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri dik marbuta mal-ħtieġa li l-kunċetti li stabbiliti fih, b’mod partikolari dawk relattivi għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni pprovduti minnu, jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment billi jsir riferiment għall-istruttura u għall-għanijiet tal-imsemmi Regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha ( 24 ). Dan jimplika, minn naħa, li normalment ma għandux isir riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, b’mod partikolari għal dak tal-qorti adita ( 25 ) u, min-naħa l-oħra, li ma għandhiex issir assimilazzjoni li ma tkunx ġustifikata bejn l-imsemmija kunċetti u dawk użati f’normi oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 26 ).

40.

Dan ir-raġunar huwa iktar u iktar importanti fil-kuntest tal-kawża preżenti peress li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ” użat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha ( 27 ) ma huwiex kunċett li ġie definit fid-dritt tal-Unjoni ( 28 ) u jista’ jirreferi għal realtajiet differenti fil-liġi tal-Istati Membri, jekk wieħed jissoponi li dawn kollha jirrikonoxxu din il-forma ta’ kuntratt ( 29 ). Barra minn hekk nirrileva li fis-sentenza De Bloos, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet diġà tirrigwarda d-determinazzjoni tal-qorti kompetenti biex tisma’ talba għal kumpens għal nuqqas ta’ preavviż għar-rexissjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni li kien jirrigwarda parti Belġjana u parti Franċiża, la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas l-Avukat Ġenerali ma kienu ddefinixxew dan il-kunċett, kemm fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali kkonċernati jew b’mod ġenerali u astratt.

41.

Fid-dawl tad-diversità tal-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, huwa iktar faċli li tingħata definizzjoni negattiva ( 30 ) minn pożittiva. Madankollu, jistgħu jiġu identifikati ċerti fatturi li huma tipikament assoċjati ma’ dan it-tip ta’ kuntratti ( 31 ), jiġifieri, li l-konċessjoni jkollha bħala l-għan tagħha l-bejgħ tal-prodotti kkonċernati fit-territorju konċess; li l-konċessjonarju jkun magħżul mill-konċedent; li l-konċessjonarju jkun minn tal-inqas awtorizzat li jerġa’ jbigħ il-prodotti tal-konċedent jew saħansitra jibbenefika minn dritt riżervat; li r-relazzjoni kuntrattwali tkun durabbli; li tista’ teżisti esklużività fil-provvista u/jew fil-kunsinna għall-konċedent; li jista’ jeżisti obbligu ta’ xiri jew ta’ bejgħ fuq il-konċessjonarju; u li l-partijiet jistgħu jagħżlu li jimplementaw b’mod konġunt metodi promozzjonali ( 32 ).

42.

Inżid li, għalkemm il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni ġuridika inkwistjoni bħala kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, mogħtija mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-liġi Belġjana, hija s-suġġett ta’ kontestazzjoni minn La Maison du Whisky, u din tista’ tiġi diskussa fid-dawl tal-fatturi marbuta mal-każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tevalwa jew tikklassifika hija stess il-fatti jew id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali marbuta magħhom ( 33 ).

43.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandha tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

44.

Fil-fehma tiegħi, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 teżiġi li, filwaqt li tiġi osservata l-ordni definita fil-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, jiġi eżaminat jekk kuntratt transkonfinali ta’ konċessjoni ta’ bejgħ jidħolx fil-kategorija ta’ bejgħ ta’ oġġetti fis-sens tal-ewwel inċiż tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu (1), jew f’dik ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt (b) tal-imsemmi paragrafu (1), jew fin-nuqqas ta’ dan, jekk jaqax taħt forom oħra ta’ kuntratti li jkunu rregolati mill-punt (a) tal-istess paragrafu (1). Nirrileva mill-bidu li naħseb li għandha tiġi adottata t-tieni waħda minn dawn it-tliet għażliet, u dan għar-raġunijiet li ġejjin iktar ’il quddiem.

2. Ċaħda tal-klassifikazzjoni bħala kuntratt ta ’ bejgħ ta ’ oġġetti fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001

45.

L-applikabbiltà tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni hija sostnuta minn La Maison du Whisky. Wara li fakkret li, sabiex issir id-distinzjoni bejn kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti u kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi għandu jsir riferiment għall-obbligu karatteristiku ta’ dawn il-kuntratti ( 34 ), La Maison du Whisky ssostni li l-kuntratt ta’ konċessjoni huwa kkaratterizzat mill-obbligu tal-konċedent li jipprovdi lill-konċessjonarju l-prodotti li huma s-suġġett tal-konċessjoni, liema obbligu jikkostitwixxi l-korrispettiv tad-dritt tal-konċessjonarju li jbigħ dawn il-prodotti f’territorju speċifiku. Minn dan hija tiddeduċi li kuntratt ta’ konċessjoni jista’ jirrigwarda biss il-bejgħ ta’ oġġetti, li għandu jwassal, fil-fehma tagħha, li titwarrab definittivament il-klassifikazzjoni bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi. Tali approċċ jikkorrispondi għal dak li ġie adottat mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) ( 35 ), li bbażat ruħha prinċipalment fuq il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ffirmata fi Vjenna fil-11 ta’ April 1980 ( 36 ), kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda minn qrati nazzjonali oħra ( 37 ).

46.

Peress li, sabiex kuntratt jiġi kklassifikat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament adottat kriterju bbażat fuq it-tfittix tal-obbligu li jikkaratterizza dan il-kuntratt ( 38 ), ikun meħtieġ li, sabiex tali kuntratt jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-imsemmi punt b), l-att li jikkonsisti fil-bejgħ ikun dak li jikkostitwixxi l-element kostituttiv ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ.

47.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ fid-dawl, minn naħa, tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq dwar il-fatturi li tipikament jikkostitwixxu kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li dan jeskludi l-karatteristika marbuta mal-eżistenza abitwali f’dawn it-tip ta’ relazzjonijiet kummerċjali ta’ ftehim qafas ta’ konċessjoni li jiddistingwi ruħu mill-kuntratti ta’ bejgħ sussegwenti ( 39 ).

48.

Nenfasizza li l-prova tal-konklużjoni ta’ tali ftehim qafas ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni stabbli riflessa f’bejgħ suċċessiv, mingħajr ftehim bil-miktub jew orali. Barra minn hekk, jista’ jkun li ftehim qafas milħuq bejn manifattur u grossista, jew bejn grossista u bejjiegħ bl-imnut, ma jiġix klassifikat bħala konċessjoni ta’ bejgħ ( 40 ).

49.

Għalhekk, nikkunsidra li jekk jiġi stabbilit li l-partijiet verament ikkonkludew kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, il-qorti li tkun adita b’kawża relattiva għal tali relazzjoni kuntrattwali ma għandhiex tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-fattur ta’ konnessjoni marbut mal-post tal-kunsinna tal-oġġetti mibjugħa, b’applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

3. Aċċettazzjoni tal-klassifikazzjoni bħala kuntratt ta ’ provvista ta ’ servizzi fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001

50.

Il-Kummissjoni targumenta favur l-applikabbiltà tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni, jekk wieħed jissuponi li hawnhekk hemm tassew kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ u mhux sempliċi relazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ natura stabbli. Jiena ser nerġa’ neżamina din id-differenza essenzjali.

51.

Fis-sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “provista ta’ servizzi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u ddeċidiet li “il-kunċett ta’ servizzi jimplika, minn tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom [minn naħa] twettaq attività partikolari [u dan, min-naħa l-oħra] inkambju għal remunerazzjoni” ( 41 ).

52.

Sa fejn naf jien, din il-kawża tikkostitwixxi l-ewwel okkażjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li timplementa l-kriterji ta’ applikazzjoni żviluppati minnha f’dan is-sens, u, jekk ikun il-każ, li tippreċiża l-portata tagħhom ( 42 ).

53.

Jiena naħseb li, bil-għan li jkun hemm koerenza fil-ġurisprudenza, l-elementi tad-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza għandhom jiġu osservati, iżda madankollu mingħajr ma jiġi adottat approċċ wisq restrittiv tal-kunċett inkwistjoni ( 43 ), b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet li kienu jeżistu waqt l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li l-persuni li abbozzaw ir-Regolament Nru 44/2001 kellhom l-għan li jissimplifikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni relattivi għall-materji kuntrattwali ( 44 ), ma għandux jintilef l-effett utli tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 5(1)(b), li għandhom l-għan li jevitaw l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu kumpless marbut mal-implementazzjoni tar-regola iktar ġenerali misjuba fl-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmi regolament.

54.

Fir-rigward tal-ewwel kriterju pprovdut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kliem imfakkar iktar ’il fuq, dan jeżiġi t-twettiq ta’ atti pożittivi, bl-esklużjoni ta’ sempliċi astensjonijiet ( 45 ). F’dan ir-rigward jidhirli li l-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ jissodisfa din l-eżiġenza ( 46 ) fir-rigward tal-provvista essenzjali li titwettaq mill-konċessjonarju favur il-konċedent, jiġifieri li tiġi żgurata d-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ dan tal-aħħar b’tali mod li l-konċedent ma jkollux għalfejn joħloq in-netwerk ta’ distribuzzjoni tiegħu stess fit-territorju konċess jew jerġa’ jpoġġihom għall-bejgħ permezz ta’ partijiet indipendenti. Nenfasizza li fil-kuntest tar-relazzjonijiet privileġġati li huwa jkollu mal-konċedent, il-konċessjonarju jipprovdi valur miżjud meta mqabbel mal-attivitajiet ta’ sempliċi bejjiegħ peress li, b’mod ġenerali, dan joffri kontinwità ta’ provvista għall-prodotti tal-konċedent grazzi għall-ħażna, jiżgura servizz ta’ wara l-bejgħ jekk dawn l-oġġetti jkunu durabbli u/jew jista’ jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-imsemmija prodotti permezz ta’ offerti speċjali ( 47 ).

55.

Fir-rigward tat-tieni kriterju, marbut mar-“remunerazzjoni” li trid tingħata inkambju għal tali attività, nikkunsidra li dak li jista’ jimplika l-ħlas ta’ remunerazzjoni finanzjarja ma għandux jiġi mifhum f’sens limitat, peress li tali approċċ jiċħad l-eżistenza tas-servizzi li jingħataw mingħajr kumpens ta’ natura finanzjarja, li ma jistax jiġi kkontestat li dawn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “provista ta’ servizzi” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 48 ).

56.

Fir-rigward tal-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ bejgħ b’mod partikolari, jiena naħseb li l-korrispettiv ekonomiku li minnu jibbenefika l-konċessjonarju, inkambju għall-attività tiegħu imsemmija iktar ’il fuq, jirriżulta normalment mill-vantaġġ karatteristiku li jingħata lilu mill-konċedent, jiġifieri esklużività territorjali, jew tal-inqas il-garanzija li numru limitat ta’ konċessjonarji sejrin ikollhom il-possibbiltà li jbigħu l-prodotti tal-konċedent f’territorju speċifiku. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, il-konċedent jagħti lill-konċessjonarju pożizzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ sempliċi bejjiegħa bl-imnut billi joffrilu faċilitajiet ta’ ħlas u/jew it-trażmissjoni tal-għerf tas-sengħa permezz tat-taħriġ. Din is-selettività u dawn il-prerogattivi l-oħra jirrappreżentaw valur ekonomiku għall-konċessjonarju, li jkun ta’ natura li jinċitaħ li jaċċetta li jintrabat f’relazzjonijiet privileġġati mal-konċedent u li jinvesti fih biex jiffavorixxi l-promozzjoni tal-prodotti ta’ dan tal-aħħar.

57.

Għaldaqstant, kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ “provista’ ta’ servizzi” għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni provduta fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament.

58.

Din il-pożizzjoni hija sostnuta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I li għandhom, sa fejn ikun possibbli, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ( 49 ), mingħajr madankollu ma jkun hemm obbligu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel dan b’mod mekkaniku ( 50 ). Infakkar li l-Premessa 17 tar-Regolament Ruma I tikklassifika bħala “kuntratti għal servizzi” l-“kuntratti ta’ distribuzzjoni”, li minnhom jagħmlu parti l-kuntatti ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, u tipproponi li tiġi adottata l-istess interpretazzjoni għar-Regolament Nru 44/2001. Jiena ma nasalx sal-punt li nikkunsidra, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-leġiżlatur Komunitarju għażel għalhekk assimilazzjoni globali tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni mal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, għaliex għalkemm din il-premessa tindika li l-kuntratti ta’ distribuzzjoni huma kuntratti ta’ servizzi, fl-aħħar din tippreċiża li dawn huma kuntatti ta’ servizzi partikolari, li fir-rigward tagħhom hemm previsti regoli speċifiċi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I ( 51 ). Madankollu, jiena favur li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu espressament inkunsiderazzjoni l-approċċ segwit mil-leġiżlatur fir-Regolament Ruma I u tadotta sistema ta’ interpretazzjoni li tiżgura koerenza bejn dan tal-aħħar u r-Regolament Nru 44/2001, bl-istess mod kif din għamlet fis-sentenza Koelzsch ( 52 ).

59.

Konkretament, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk jeżistix, fil-kontroversja li biha hija tinsab adita, skambju ta’ obbligazzjonijiet ekwivalenti għal provvista ta’ servizzi, jiġifieri li jeċċedi l-istadju ta’ sempliċi relazzjonijiet kummerċjali ta’ natura stabbli, sabiex tikkonferma li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa tassew id-dispożizzjoni li trid tiġi applikata f’dan il-każ.

60.

Fil-fatt, relazzjoni ta’ provvista durabbli bejn manifattur jew grossista u kummerċjant hija, fil-fehma tiegħi, paragunabbli għal sempliċi kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti u għalhekk taqa’ taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi Regolament, u dan anki jekk de facto din ir-relazzjoni kummerċjali tagħti lok għal esklużività jew għal stabbiltà għal żmien twil. Min-naħa l-oħra, jekk ikun ċar li x-xerrej-konċessjonarju jkollu obbligazzjonijiet kuntrattwali speċifiċi ( 53 ) u li dawn tal-aħħar ikunu bbażati fuq il-korrispettiv ekonomiku dovut mill-bejjiegħ-konċedent ( 54 ), tali relazzjoni ta’ konċessjoni ta’ bejgħ tista’ titqies li tikkorrispondi għal provvista ta’ servizzi fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament 44/2001.

61.

Infakkar li l-oneru li jiġi pprovat, quddiem il-qorti adita, li dawn il-fatturi, determinanti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni, jinsabu tassew preżenti fil-fatti tal-kontroversja, jaqa’ fuq il-parti li tipprevalixxi ruħha mill-eżistenza ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, li jimplika provvista ta’ servizzi li tista’ tiddistingwi ruħha minn sempliċi kuntratt ta’ bejgħ. Inżid li tali klassifikazzjoni trid tkun ibbażata fuq analiżi konkreta tar-relazzjoni kuntrattwali, u mhux fuq id-definizzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti li tista’ tkun preżenti fil-lex fori.

62.

Jekk tinġieb debitament l-evidenza meħtieġa u għalhekk issir il-klassifikazzjoni bħala provvista ta’ servizzi, il-qorti adita b’kontroversja li tirrigwarda kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-fattur ta’ konnessjoni marbut mal-post li fih dawn is-servizzi kienu jew kellhom jiġu provduti, abbażi tat-tieni inċiż tal-imsemmi punt (b).

4. Esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001

63.

Skont it-tieni domanda tagħha, li hija eżaminata wara t-tielet domanda għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ li bis-saħħa tiegħu parti tixtri prodotti minn xi ħadd ieħor bil-għan li terġa’ tbigħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

64.

Corman-Collins u l-Gvern Belġjan jirrispondu fl-affermattiv, filwaqt li jitilqu mill-premessa, li bl-ebda mod ma hija pprovata minnhom, li l-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ma huma, la kuntratti ta’ bejgħ, la kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, jew tal-inqas, skont il-Gvern Belġjan, ma jaqgħux “biss” taħt waħda miż-żewġ kategoriji ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament. Din il-pożizzjoni ġiet ritenuta fil-ġurisprudenza ta’ ċerti Stati Membri u hija difiża minn parti tad-duttrina ( 55 ).

65.

Tressqu diversi argumenti insostenn ta’ din it-teżi. Wieħed minnhom huwa li interpretazzjoni litterali biss tal-kunċetti tista’ twassal għall-uniformità fir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Argument ieħor huwa li l-proċess ta’ klassifikazzjoni ma jistax iwassal sabiex jintgħażel approċċ sempliċistiku żżejjed, li jinjora d-diversi forom li jista’ jieħu l-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ u li jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet li dan tal-aħħar jista’ jkollu fid-dritt ta’ diversi Stati Membri. Madankollu, jiena mhux konvint minn dawn l-argumenti, filwaqt li nirrileva, minn naħa, li l-parti l-kbira tal-forom kuntrattwali kummerċjali jieħdu diversi forom u huwa diffiċli li dawn jiġu kklassifikati b’mod li jippermetti l-unifikazzjoni tal-kunċetti u, min-naħa l-oħra, li approċċ purament komparattiv ma jistax jintuża għall-interpretazzjoni tal-kunċetti misjuba fir-Regolament Nru 44/2001, u għalhekk biex jipprovdi liema tipi ta’ kontroversji jaqgħu taħtu, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li għandha tintuża definizzjoni awtonoma ta’ dawn tal-aħħar.

66.

Għal kuntrarju ta’ dan, min-naħa tiegħi, nikkunsidra li kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, għar-raġunijiet indikati preċedentement.

67.

Madankollu, mill-Artikolu 5(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jirriżulta li r-regola ta’ ġurisdizzjoni misjuba fil-punt (a) ta’ din l-istess dispożizzjoni għandha biss ir-rwol li tintervjeni b’mod alternattiv u b’mod sussidjarju meta mqabbel mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni misjuba fil-punt (b) tagħha. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li wieħed jistaqsi iktar ’il quddiem dwar l-applikazzjoni tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ gruppi ta’ regoli għall-kawża preżenti.

68.

Madankollu, b’mod sussidjarju, sejrin jiġu trattati xi elementi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest tar-risposta għar-raba’ domanda preliminari li, anki jekk il-kliem tagħha ma jsemmuhx espressament, tirrigwarda fil-verità l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

69.

Għalhekk, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa d-dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament li għandha tapplika sabiex tiġi determinata l-qorti kompetenti biex tiddeċiedi azzjoni bbażata fuq kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ transkonfinali, li jimplika obbligi konvenzjonali partikolari relatati mad-distribuzzjoni mill-konċessjonarju ta’ merkanzija mibjugħa mill-konċedent, peress li tali tip ta’ kuntratt jirrigwarda provvista ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

C – L-identifikazzjoni tal-obbligu li jifforma l-bażi tat-talba fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 (ir-raba ’ domanda)

70.

Il-kliem tar-raba’ domanda preliminari jipprovdi kif ġej:

“Jekk ir-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti tkun fin-negattiv, l-obbligu kontenzjuż fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ huwa dak tal-bejjiegħ-konċedent jew dak tax-xerrej-konċessjonarju?”

71.

Din il-formulazzjoni hija nieqsa minn tal-inqas minn ċarezza, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba ( 56 ). Minkejja din l-ambigwità, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tagħti risposta rilevanti għar-raba’ domanda li saritilha, fid-dawl tal-motivazzjoni espliċita ta’ din tal-aħħar misjuba fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, il-qorti a quo tippreċiża li “huwa biss jekk il-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ma jitqiesx bħala kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti jew bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, li jkollu jiġi determinat [liema] huwa l-obbligu kontenzjuż li, f’dan il-każ, iservi ta’ bażi għat-talba magħmula” ( 57 ). Minn dan ir-raġunar jirriżulta li d-domanda fiha żball fil-kitba, peress li l-qorti kienet bi ħsiebha tirreferi għall-ipoteżi fejn ma jkunx jista’ jiġi applikat, mhux il-punt (a) u lanqas il-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament 44/2001 iżda, fil-verità, la l-ewwel u lanqas it-tieni inċiż tal-imsemmi punt (b) ( 58 ).

72.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tagħmel dan, id-domanda tista’ tiġi rriformulata ( 59 ) fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk, fl-ipoteżi fejn – kuntrarjament għar-risposta li nipproponi li għandha tingħata – il-kontroversja fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, “l-obblig[u] [li jifforma l-bażi tat-talba]” fis-sens tal-punt (a) ta’ dan l-istess Artikolu 5(1), huwiex l-obbligu tal-bejjiegħ-konċedent jew dak tax-xerrej-konċessjonarju.

73.

F’dan ir-rigward, Corman-Collins issostni li peress li l-obbligu tal-konċedent huwa li jħalli lill-konċessjonarju li jeżerċita d-dritt tiegħu li jbigħ b’esklużività f’territorju speċifiku, l-azzjoni għall-kumpens għandha titressaq quddiem il-qrati li jippresjedu f’dan it-territorju ( 60 ).

74.

L-istess bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li r-risposta għal din id-domanda għandha tinstab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Fil-fatt, infakkar li l-kliem tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa rigorożament identiku għal dak ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni u li ġie preċedentement deċiż li għalhekk, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha jkollha portata identika għat-tieni waħda ( 61 ).

75.

Mill-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li għaliha għandu għalhekk jibqa’ jsir riferiment, minkejja l-problemi ta’ implementazzjoni li tqajmu fir-rigward ta’ dan is-suġġett ( 62 ), jirriżultaw numru ta’ kriterji li jippermettu li tiġi identifikata l-qorti kompetenti f’materji kuntrattwali, li huma rilevanti speċjalment fir-rigward tal-obbligu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan u għad-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tiegħu.

76.

Wieħed minn dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali huwa li l-kunċett ta’ “l-obblig[u] [li jifforma l-bażi tat-talba]”, li jinsab fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkorrispondi għall-obbligu li jirriżulta mill-kuntratt inkwistjoni ( 63 ) li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jiġi allegat mir-rikorrent sabiex jiġġustifika l-azzjoni ġudizzjarja tiegħu ( 64 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fil-każ fejn ir-rikorrent ikun konċessjonarju li jinvoka d-dritt tiegħu għal ħlas ta’ danni jew jitlob ir-rexissjoni tal-kuntratt minħabba t-tort tal-parti l-oħra, l-imsemmi kunċett jirreferi għall-obbligu tal-konċedent li jikkorrispondi għad-dritt kuntrattwali li fuqu jkunu bbażati dawn it-talbiet ( 65 ). Hija l-qorti nazzjonali li tkun adita bil-kawża prinċipali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddefinixxi l-portata preċiża ta’ dan l-obbligu.

77.

Barra minn hekk, anki jekk id-domanda ma saritx espressament mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa neċessarju, sabiex din tiġi ċċarata kompletament, li nġib għall-attenzjoni ta’ din tal-aħħar li d-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba kienet wkoll is-suġġett ta’ diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan jirriżulta li l-post li fih l-obbligu kuntrattwali kontenzjuż “[twettaq jew għandu jitwettaq]” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi determinat b’mod konformi mal-liġi li tirregola l-imsemmi obbligu skont ir-regoli ta’ kunflitt applikabbli fl-Istat Membru fejn tippresjedi l-qorti adita ( 66 ).

78.

Finalment, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jekk jirriżulta li l-azzjoni tar-rikorrent tkun ibbażata mhux fuq obbligu wieħed iżda fuq diversi obbligi li jirriżultaw mill-istess kuntratt u li, skont il-liġi applikabbli, il-post ta’ eżekuzzjoni ma jkunx l-istess għal dawn kollha, sabiex tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess, il-qorti nazzjonali trid torjenta ruħha lejn il-prinċipju ta’ accessorium sequitur principale ( 67 ). Fl-ipoteżi fejn l-obbligi msemmija jkunu ekwivalenti, fis-sens li l-ebda wieħed minnhom ma jkun jidher li jkun prinċipali meta mqabbel mal-oħrajn, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti adita tkun kompetenti biss biex tiddeċiedi l-parti tal-azzjoni li tirrigwarda l-obbligi li l-post ta’ eżekuzzjoni tagħhom ikun jinsab fit-territorju nazzjonali, u mhux dawk li jridu jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor ( 68 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fil-kuntest tal-kawża li tinsab pendenti quddiemha.

79.

Biex nikkonkludi, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddikjara li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa r-regola ta’ ġurisdizzjoni applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari, hekk kif irriformulata, għandha tkun li “l-obblig[u] [li jifforma l-bażi tat-talba]” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa l-obbligu kuntrattwali tal-konċedent li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jiġi invokat mill-konċessjonarju insostenn tal-azzjoni ġudizzjarja tiegħu.

V – Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari mressqa mit-Tribunal de commerce de Verviers:

1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikoli 3, 4 u 5(1) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-applikazzjoni, kontra konvenut residenti fi Stat Membru ieħor, ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali bħal dik misjuba fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi tas-27 ta’ Lulju 1961 dwar ir-rexissjoni unilaterali tal-konċessjonijiet ta’ bejgħ esklużiv ta’ żmien indefinit, kif emendata bil-Liġi tat-13 ta’ April 1971 relattiva għar-rexissjoni unilaterali ta’ konċessjonijiet ta’ bejgħ, li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani meta konċessjonarju stabbilit fit-territorju Belġjan iħarrek lill-konċedent abbażi tar-rexissjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ tagħhom li jipproduċi l-effetti tiegħu fit-totalità jew f’parti ta’ dan l-istess territorju, indipendentement mill-post li fih ikun stabbilit il-konvenut.

2)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi, għandu jiġi applikat sabiex tiġi determinata l-qorti kompetenti biex tiddeċiedi azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha rikorrent stabbilit fi Stat Membru jinforza, kontra konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor, drittijiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, liema ħaġa teżiġi li l-kuntratt li jorbot lill-partijiet ikun fih effettivament obbligi konvenzjonali partikolari dwar id-distribuzzjoni mill-konċessjonarju tal-oġġetti mibjugħa mill-konċedent.

3)

Sussidjarjament, jekk japplika l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn xerrej-konċessjonarju jħarrek lil bejjiegħ-konċedent abbażi tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, l-obbligu li jifforma l-bażi tat-talba fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa l-obbligu tal-bejjiegħ-konċedent li jirriżulta mill-kuntratt inkwistjoni u li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jitqajjem sabiex tiġi ġġustifikata l-azzjoni tar-rikorrent.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 3 ) Konformament mal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, f’dawn il-konklużjonijiet l-espressjoni “Stat Membru” ser tintuża biex tirreferi għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea ħlief għar-Renju tad-Danimarka.

( 4 ) Għal analiżi fid-dritt komparattiv ara, b’mod partikolari, P. Berlioz, “La notion de fourniture de services au sens de l’article 5-1 b) du règlement ‘Bruxelles I’”, J.D.I., 2008, Nru 3, doctrine 6, p. 675; P. Hollander, Le droit de la distribution, Anthémis, Liège, 2009, p. 271 u segwenti, kif ukoll U. Magnus u P. Mankowski (ed.), Brussels I Regulation, Sellier European Law Publishers, Munich, 2012, p. 153 u segwenti.

( 5 ) ĠU L 177, p. 6.

( 6 ) Moniteur Belge tal-5 ta’ Ottubru 1961, p. 7518. Liġi kif emendata bil-Liġi tat-13 ta’ April 1971 relattiva għar-rexissjoni unilaterali tal-konċessjonijiet ta’ bejgħ (Moniteur Belge tal-21 ta’ April 1971, p. 4996).

( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C-533/07, Ġabra p. I-3327) u tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger (C-19/09, Ġabra p. I-2121).

( 8 ) Il-Premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 tippreċiża li dan fih dispożizzjonijiet li jippermettu, minn naħa, li jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jiġu simplifikati l-formalitajiet bil-għan tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni mħaffa u sempliċi tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Istati Membri marbuta bl-imsemmi regolament.

( 9 ) Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 44/2001 hija definita fl-Artikolu 1 tiegħu.

( 10 ) L-imsemmi Artikolu 5 jippermetti, skont il-kundizzjonijiet provduti minnu, li r-rikorrent jagħżel li jadixxi qrati li ma jkunux dawk tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konvenut.

( 11 ) Ovvjament, mhux l-istess japplika jekk is-sitwazzjoni li tagħti lok għall-kawża tkun waħda purament interna.

( 12 ) L-istess japplika fir-rigward tar-raba’ domanda, għar-raġunijiet li sejrin jiġu żviluppati minni sussegwentement.

( 13 ) Fil-fatt, dan l-aħħar punt għandu natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak preċedenti, hekk kif jirriżulta mill-punt (ċ), li jipprovdi li “jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a)” (enfażi tiegħi).

( 14 ) ĠU 1972, L 299, p. 32, Konvenzjoni kif emendata mill-konvenzjonijiet sussegwenti relatati mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C-133/11, punt 31); tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp (C-543/10, punt 18), kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C-419/11, punt 27).

( 16 ) Ara l-Premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 17 ) Sentenzi Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 48 sa 57, u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Česká spořitelna, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 43 u 44).

( 18 ) Ara s-sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 54), li f’dan ir-rigward, tirreferi għall-punti 94 u 95 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’din il-kawża.

( 19 ) Ibidem (punt 55). Enfażi tiegħi.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, il-proposta għal Regolament, [KUM (1999) 348 finali, p. 14].

( 21 ) Rapport ta’ spjegazzjoni tal-Professur Fausto Pocar, fuq il-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2009 C 319, p. 1, punti 49 sa 51). Din il-Konvenzjoni torbot lill-Komunità Ewropea, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Islanda, lir-Renju tan-Norveġja u lill-Konfederazzjoni Svizzera.

( 22 ) Sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, Ġabra p. 1473) u De Bloos (14/76, Ġabra p. 1497).

( 23 ) Fil-punt 43, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li “t-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 imur kontra r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju f’dan ir-rigward u jippreġudika l-effett utli tal-imsemmi Artikolu 5(1)(ċ) u 5(1)(a).”

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Česká spořitelna, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ibidem (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) B’mod partikolari, ġie deċiż li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE ma huwiex ekwivalenti għal dak ta’ “provista ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Fuq iċ-ċaħda tal-analoġija prevista, ara s-sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 15, 33 u segwenti), kif ukoll il-punti 59 u s-segwenti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’din il-kawża.

( 27 ) Infakkar li din il-qorti tqis li r-relazzjoni kuntrattwali li fuqha Corman-Collins tibbaża l-azzjoni tagħha tikkorrispondi għal dan it-tip ta’ kuntratt. Fit-tieni domanda tagħha din tippreċiża li d-domanda tagħha tirrigwarda kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ “li bis-saħħa tiegħu parti tixtri prodotti minn xi ħadd ieħor sabiex terġa’ tbigħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”.

( 28 ) Kuntrarjament għad-definizzjoni li teżisti, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ tip ieħor ta’ kuntratti ta’ distribuzzjoni, jiġifieri l-kuntratti ta’ aġenzija kummerċjali [Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177)].

( 29 ) Għalkemm ċerti liġijiet nazzjonali, bħal-liġi Belġjana (Artikolu 1(2) tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961) adottaw definizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari ta’ konċessjoni ta’ bejgħ u status speċifiku għal dan il-kuntratt, fi Stati Membri oħra, din il-forma kuntrattwali tirriżulta essenzjalment mill-prattika, liema fatt ma jiffaċilitax l-emerġenza ta’ kunċett omoġenju.

( 30 ) Huwa ċar li dawn il-kuntratti jiddistingwu ruħhom, minn naħa, mill-kuntratti ta’ aġenzija kummerċjali peress li l-konċessjonarju ma jkollux setgħa ta’ rappreżentanza tal-konċedent u, min-naħa l-oħra, mill-kuntratti ta’ frankiġja peress li l-konċessjoni ta’ bejgħ ma tkunx ibbażata fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-konċedent tal-għerf tan-negozju tekniku jew amministrattiv tiegħu favur il-konċessjonarju.

( 31 ) Nippreċiża li parti minn dawn il-fatturi jitqiesu, fid-dritt ta’ ċerti Stati Membri u minn xi awturi bħala fatturi neċessarji għall-klassifikazzjoni bħala kuntratt ta’ konċessjoni, filwaqt li oħrajn jirrigwardaw biss il-volontà tal-partijiet, iżda, fil-fehma tiegħi, dawn l-approċċi huma wisq varjati biex minnhom ikunu jistgħu jiġu dedotti konstatazzjonijiet reali.

( 32 ) L-awtorizzazzjoni tal-bejgħ kif ukoll in-natura possibbilment riżervata tiegħu jeżiġu li tingħata selettivita mill-konċedent li tkun ibbażata jew fuq drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, jew fuq politika ta’ distribuzzjoni selettiva.

( 33 ) Fil-kuntest tal-proċedura tar-rinviju preliminari, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni, tagħtiha l-informazzjoni kollha li din tikkunsidra neċessarja. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1977, Benedetti (52/76, Ġabra p. 163, punt 10), u tal-5 ta’ Marzu 2009, Apis-Hristovich (C-545/07, Ġabra p. I-1627, punt 32).

( 34 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Car Trim (C-381/08, Ġabra p. I-1255, punti 31 u segwenti.).

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Corte suprema di cassazione, tal-14 ta’ Diċembru 1999, Nru 895, Kummentarju kritiku minn F. Ferrari, f’Giustizia civile, 2000, I, p. 2333 u segwenti.

( 36 ) Konvenzjoni dwar il-Kuntratti Internazzjonali ta’ Bejgħ ta’ Merkanzija. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 37 ) Aditi b’din il-kwistjoni, il-qrati Franċiżi, Ungeriżi, Olandiżi, Svizzeri u Amerikani warrbu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni msemmija l-kuntratti ta’ distribuzzjoni b’mod ġenerali, u l-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, b’mod speċifiku (ara F. Ferrari, op. cit, p. 2338; u D. Witz, Rec. Dalloz, 2008, p. 2620 u s-segwenti).

( 38 ) Sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 54).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, il-paġna 1517 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Reischl, fil-kawża li tat lok għas-sentenza De Bloos, iċċitata iktar ’il fuq,. Din id-distinzjoni, ġeneralment aċċettata fid-dritt tal-Istati Membri, tirriżulta mid-differenzi li jeżistu fir-rigward tal-modalitajiet ta’ konklużjoni (l-ordnijiet sussegwenti għal ftehim qafas huma ġeneralment mgħoddija permezz ta’ vawċers, ittri jew emails, iktar milli permezz ta’ emendi għall-kuntratt inzjali), fir-rigward tal-finalitajiet (l-għan li jiġu distribwiti prodotti f’territorju sabiex jintrebaħ dan is-suq ikun nieqes f’kuntratt ta’ bejgħ iżolat) u fir-rigward tas-sistemi legali applikabbli (b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti limitati ta’ klawżola li talloka l-ġurisdizzjoni li tkun tinsab f’waħda minn dawn il-kuntratti).

( 40 ) Pereżempju, jekk kumpannija tintrabat, permezz ta’ ftehim qafas, li tixtri kull sena diversi eluf ta’ kompjuters mingħajr marka, iżda dan isir abbażi ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ kull xahar li jkollhom natura individwali, fis-sens li dawn jiġu konklużi għal kull kunsinna, tali ftehim jikkostitwixxi mhux konċessjoni ta’ bejgħ iżda sempliċi relazzjoni ta’ bejgħ durabbli.

( 41 ) Punti 29 sa 33.

( 42 ) Huwa veru li fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza Wood Floor Solutions Andreas Domberger, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Trstenjak kienet diġà applikat dawn il-kriterji għal kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kinitx adita b’din il-kwistjoni, kienet astjeniet milli tipproċedi f’dan is-sens.

( 43 ) Fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Trstenjak kienet ukoll ippronunzjat ruħha favur aċċettazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett.

( 44 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Fis-sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 31), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-klassifikazzjoni ta’ “provista ta’ servizzi” kuntratt li bih il-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali konċess intrabat biss, fir-rigward tal-parti l-oħra, li ma jikkontestax l-użu ta’ dan id-dritt minn dan tal-aħħar, għaliex meta kkonċeda l-użu tal-imsemmi dritt, dan ma kien wettaq l-ebda provvista u ntrabat biss li jħalli lill-parti l-oħra li tużah liberament.

( 46 ) L-Avukat Ġenerali Trstenjak kienet ipproponiet approċċ differenti meta kkunsidrat li l-provvista ta’ servizzi kienet tassumi li l-persuna twettaq “ċerta attività jew azzjoni” u billi esponiet dan l-argument a contrario b’riferiment għad-duttrina li tipprovdi li kuntratt ta’ konċessjoni esklużiva ma huwa la kuntratt ta’ bejgħ u lanqas provvista ta’ servizzi (ara punt 57 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq).

( 47 ) Analiżi teleoloġika tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni bħala kuntratti ta’ konċessjoni, tippermetti li jiġi enfasizzat li dawn huma “intiżi li jipprovdu servizz ta’ rebħ u ta’ użu tas-suq lokali” (D. Sindres, “De la qualification d’un contrat-cadre de distribution au regard des règles communautaires de compétence”, Rev. crit. D.I.P., 2008, p. 863, punt 12 u d-duttrina ċċitata).

( 48 ) Dan japplika fil-każ ta’ servizzi mogħtija bla ħlas (pereżempju, l-attività li avukat jista’ jeżerċita pro bono favur persuna li titlob l-ażil). Parti tad-duttrina tikkunsidra saħansitra li l-eżiġenza ta’ remunerazzjoni tista’ ma tkunx fattur neċessarju (ara U. Magnus u P. Mankowski, op. cit., p. 155, kif ukoll l-awturi ċċitati fin-nota 474 ta’ dan ix-xogħol).

( 49 ) Ix-xewqa tal-leġiżlatur li tiġi żgurata tali koerenza hija provduta fil-Premessa 7 tar-Regolament Ruma I.

( 50 ) Nirrileva li fis-sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li l-Avukat Ġenerali Trstenjak kienet enfasizzat, fil-punti 67 sa 69 tal-konklużjonijiet tagħha, l-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 44/2001 u tar-Regolament Ruma I, il-Qorti tal-Ġustizzja astjeniet milli tinkorpora din il-kunsiderazzjoni fil-motivazzjoni tas-sentenza tagħha.

( 51 ) Fil-fatt, il-paragrafu (1) tal-imsemmi Artikolu 4 fih regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet għall-kuntratti ta’ servizzi (punt (b)) li huma differenti minn dawk previsti għall-kuntratti ta’ distribuzzjoni (punt (f)).

( 52 ) Fil-punti 33 u s-segwenti ta’ din is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011 (C-29/10, Ġabra p. I-1595), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tad-19 ta’ Ġunju 1980, dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Ruma I, kellha ssir fid-dawl ta’ dik l-interpretazzjoni relattiva għall-kriterji previsti fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li minnu ħareġ ir-Regolament Nru 44/2001, meta dawn il-kriterji jistabbilixxu r-regoli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess suġġetti u jipprovdu għal kunċetti simili.

( 53 ) Obbligazzjonijiet bħal dawk li tinżamm ħażna, li jiġi żgurat servizz ta’ wara l-bejgħ jew li jsiru operazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.

( 54 ) Dan il-korrispettiv jista’ jieħu l-forma, b’mod partikolari, jew ta’ skont speċjali u/jew faċilitajiet ta’ ħlas marbuta mas-suċċess tad-distribuzzjoni, jew ta’ għajnuna mogħtija fid-distribuzzjoni jew fil-kummerċjalizzazzjoni.

( 55 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal- Cour de cassation (Franza), tat-23 ta’ Jannar 2007 (appell Nru 05-12.166, La semaine juridique, ed. ġenerali, nota ta’ T. Azzi), tal-5 ta’ Marzu 2008 (appell Nru 06-21.949, Recueil. Dalloz, 2008, p. 1729, nota ta’ H. Kenfack) u tad-9 ta’ Lulju 2008 (appell Nru 07-17.295, Rev. crit. D.I.P., 2008, p. 863, nota ta’ D. Sindres), kif ukoll ir-referenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) La Maison du Whisky tikkunsidra saħansitra li huwa impossibbli li tingħata risposta għad-domanda li saret peress li din hija bbażata fuq bosta taħwid.

( 57 ) Ara l-aħħar premessa tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 58 ) Filwaqt li jiġi mfakkar li l-ewwel u t-tieni inċiż jirrigwardaw, rispettivament, il “bejgħ ta’ oġġetti” u l-“provista ta’ servizzi”.

( 59 ) Il-proċedura ta’ kooperazzjoni maħluqa mill-Artikolu 267 TFUE tawtorizza lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirriformola domanda preliminari sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha li tiddeċiedi l-kawża li biha din tkun adita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09, Ġabra p. I-9849, punt 39).

( 60 ) Il-Gvern Belġjan ippronunzja ruħu wkoll f’dan is-sens, fil-kuntest tar-risposta tiegħu għat-tieni domanda preliminari.

( 61 ) Sentenzi Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 48 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 43 u 44).

( 62 ) Fir-rapport tiegħu msemmi iktar ’il fuq dwar il-Konvenzjoni “Lugano I” (punti 44 u segwenti) il-Professur Pocar fakkar il-metodi li kienu ġew proposti, mingħajr suċċess, sabiex dawn jiġu megħluba. Ninnota li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1), li rreveda r-Regolament Nru 44/2001, ma temmx il-mekkaniżmu, ta’ natura kumplessa, li jirriżulta mill-imsemmija ġurisprudenza.

( 63 ) Fil-fehma tiegħi, l-obbligu inkwistjoni jista’ jirriżulta jew mill-kuntratt innifsu, jew mill-effetti attribwiti lilu mil-liġi applikabbli. Ara l-paġna 1518 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Reischl fil-kawża De Bloos, iċċitata iktar ’il fuq,: “[H]uwa l-obbligu prinċipali impost [fuq il-konċedent] li jikkostitwixxi s-suġġet tal-kawża, anki jekk il-konsegwenzi tal-ksur ta’ dan l-obbligu jiġu determinati mil-liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 64 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi De Bloos, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 9 sa 14); tad-29 ta’ Ġunju 1994, Custom Made Commercial (C-288/92, Ġabra p. I-2913, punt 23), kif ukoll Česká spořitelna, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 ) Sentenza De Bloos, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 14 u 15), filwaqt li jiġi mfakkar li f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll tippronunzja ruħha wara talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti Belġjana fil-kuntest ta’ kontroversja relattiva għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ esklussiv.

( 66 ) Sentenzi Custom Made Commercial, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 26); tal-5 ta’ Ottubru 1999, Leathertex (C-420/97, Ġabra p. I-6747, punt 33), kif ukoll Česká spořitelna, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 67 ) Fil-punt 19 tas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenavai (266/85, Ġabra p. 239), jingħad ukoll li “fi kliem ieħor, dan huwa l-obbligu prinċipali, fost diversi obbligi inkwistjoni, li ser jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha”.

( 68 ) Sentenza Leathertex, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 39 sa 42). F’din il-kawża, dwar il-ksur ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, il-qorti Belġjana kkunsidrat, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligu li jitħallas indennizz kumpensatorju ta’ preavviż kellu jiġi eżegwit fil-Belġju, filwaqt li l-obbligu li jitħallsu l-kummissjonijiet kellu jiġi eżegwit fl-Italja.

Top