EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009FO0092

Digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-18 ta' Diċembru 2009.
U vs il-Parlament Ewropew.
Servizz pubbliku - Proċedura Sommarja - Fumus boni juris.
Kawża F-92/09 R.

European Court Reports – Staff Cases 2009 I-A-1-00511; II-A-1-02771

ECLI identifier: ECLI:EU:F:2009:170

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

18 ta’ Diċembru 2009

Kawża F-92/09 R

U

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija – Urġenza – Fumus boni juris”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 242 KE, 243 KE, 157 KEEA u 158 KEEA, li permezz tiegħu U titlob, minn naħa, is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament, tas-6 ta’ Lulju 2009, li tkeċċiha u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ miżuri provviżorji.

Deċiżjoni: Għandha tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tar-rikorrenti, tas-6 ta’ Lulju 2009, sa meta tingħata d-deċiżjoni eżekuttiva mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni b’mod awtonomu fuq it-talbiet intiżi għar-reintegrazzjoni tar-rikorrenti u lanqas fuq dawk intiżi sabiex tiġi ordnata kull miżura neċessarja għas-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi tagħha. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – “Fumus boni juris” – Urġenza – Natura kumulattiva – Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Dannu gravi u irreparabbli – Oneru tal-prova

(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance għall-ulied dipendenti – Assimilazzjoni ta’ persuna ma’ wild dipendenti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikoli 2(4), u 17(2))

4.      Uffiċjali – Tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali – Dmir ta’ premura

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris), l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-fumus boni juris huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda ladarba waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfatta.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami globali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u għandu l-libertà li jiddetermina, fid-dawl tal-kwistjonijiet partikolari tal-każ ikkonċernat, il-mod li bih dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, ġaladarba ebda regola ta’ dritt Komunitarju ma timponilu metodu ta’ analiżi stabbilit minn qabel biex jevalwa l-ħtieġa li jiddeċiedi b’mod provviżorju.

(ara l-punti 40 sa 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Marzu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑783, punti 12 u 13

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑93, punti 20 u 22

2.      Għalkemm dannu ta’ natura purament pekunjarja ma jistax, bħala prinċipju, jitqies bħala irreparabbli, jew anki diffiċilment reparabbli, peress li jista’ jkun suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri, madankollu, huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tat-talba għas-sospensjoni tistax tikkawża lir-rikorrent dannu gravi u imminenti, li lanqas l-annullament tad-deċiżjoni fi tmiem il-proċedura fil-kawża prinċipali ma jkun jista’ jirrimedja.

F’dan il-każ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiżgura ruħu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari għas-sitwazzjoni tar-rikorrent, li jkollu somma li normalment għandha tippermettilu jkopri l-ispejjeż indispensabbli sabiex jissodisfa l-bżonnijiet elementari tiegħu sal-mument li fih tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

(ara l-punti 47, 49 u 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1993, D. vs Il‑Kummissjoni, T‑549/93 R, Ġabra p. II‑1347, punt 45; 10 ta’ Frar 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, T‑211/98 R, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II‑57, punt 37; 28 ta’ Novembru 2003, V vs Il‑Kummissjoni, T‑200/03 R, ĠabraSP p. I‑A‑317 u II‑1549, punt 57

3.      L-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li kull persuna li fil-konfront tagħha l-uffiċjal għandu responsabbiltà ta’ manteniment legali u li r-responsabbiltà tiegħu f’dan is-sens tinvolvi spejjeż kbar tista’ eċċezzjonalment titqies li hija wild dipendenti b’deċiżjoni speċjali u motivata tal-Awtorità tal-Ħatra, abbażi ta’ dokumenti ta’ natura probatorja. Madankollu, iċ-ċirkustanza li uffiċjal ma jkunx talab li wieħed mill-membri tal-familja tiegħu jitqies li huwa wild dipendenti skont dawn id-dispożizzjonijiet ma tippermettix li jiġi stabbilit li dan l-uffiċjal ma jipprovdix sostenn finanzjarju lill-familja tiegħu li tkun baqgħet fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal jista’ jittrasferixxi parti mir-remunerazzjoni tiegħu lejn Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih huwa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu favur wild dipendenti jew persuna li l-uffiċjal juri li għandu obbligi lejha skont deċiżjoni ġudizzjarja jew deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti. Madankollu, il-fatt li uffiċjal ma sostniex li kien issodisfa l-kundizzjonijiet partikolari msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet sabiex parti mir-remunerazzjoni tiegħu tiġi ttrasferita lill-familja tiegħu li tkun baqgħet fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha lanqas ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-imsemmi uffiċjal ma jipprovdilhiex sostenn finanzjarju.

(ara l-punti 59 u 60)

4.      Id-dmir ta’ premura jimponi lill-amministrazzjoni, meta jkun hemm dubju dwar l-oriġini ta’ natura medika tad-diffikultajiet li għandu uffiċjal biex jeżerċita l-kompiti tiegħu, li tieħu l-attenzjoni kollha biex tneħħi dan id-dubju qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li tkeċċi l-imsemmi uffiċjal.

Qabel kollox, dan ir-rekwiżit huwa rifless fir-regoli interni tal-Parlament innifsu dwar il-proċedura ta’ titjib applikata fil-kuntest tal-konstatazzjoni, ġestjoni u riżoluzzjoni tal-każijiet potenzjali ta’ inkompetenza professjonali tal-uffiċjali, peress li l-Artikolu 8 ta’ dawn ir-regoli interni jipprovdi li huwa l-evalwatur finali, f’ċerti ċirkustanzi, li għandu jirreferi għas-servizz mediku tal-Parlament jekk ikollu għarfien ta’ fatti li jistgħu jiżvelaw li l-aġir li bih qed jiġi akkużat l-uffiċjal jista’ jkollu oriġini ta’ natura medika.

Barra minn hekk, l-obbligi li d-dmir ta’ premura jimponi fuq l-amministrazzjoni huma essenzjalment imsaħħa meta tqum il-kwistjoni ta’ sitwazzjoni partikolari ta’ uffiċjal fejn jeżistu dubji dwar is-saħħa mentali tiegħu u, b’hekk, dwar il-kapaċità li jiddefendi, b’mod adegwat, l-interess tiegħu u dan, wisq iktar meta l-persuna kkonċernata tinsab mhedda bi tkeċċija u għaldaqstant f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà.

(ara l-punti 75 sa 77)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Frar 2003, Latino vs Il-Kummissjoni, T‑145/01, ĠabraSP p. I‑A‑59 u II‑337, punt 93

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, F‑17/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑577, punt 72

Top