EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TO0285

Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tat-30 ta' Ġunju 2009.
Securvita - Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Applikazzjoni għat-trade mark verbali Komunitarja Natur-Aktien-Index - Raġuni assoluta għal rifjut - Nuqqas ta’ karattru distintiv - Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] - Talba għal riforma - Inammissibbiltà manifesta.
Kawża T-285/08.

European Court Reports 2009 II-02171

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:230

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

Fil-Kawża T-285/08,

Securvita – Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. van Eendenburg, C. Uhlig u J. Nabert, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Schäffner, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tas-26 ta’ Mejju 2008 (Każ R 525/2007-4), li tikkonċerna applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali Natur-Aktien-Index bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Lulju 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Novembru 2008

tagħti l-preżenti

Digriet

Fatti li wasslu għall-kawża

1

Fid-19 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti, Securvita Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH, ippreżentat talba quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għar-reġistrazzjoni tas-sinjal Natur-Aktien-Index bħala trade mark Komunitarja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), hekk kif emendat [issostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 36 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-registrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Gunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

klassi 16: “Materjal stampat”;

klassi 36: “Analiżi finanzjarji, pariri finanzjarji, pariri fl-assigurazzjonijiet, servizzi ta’ kwotazzjoni fil-Borża, servizzi ta’ kumpens ta’ tranżazzjonijiet, għoti ta’ self, servizzi ta’ senserija fil-Borża, facturing, informazzjoni finanzjarja, promozzjoni finanzjarja, finanzjamenti, servizzi ta’ fondi komuni ta’ kollokament, servizzi ta’ investiment tal-kapital, assigurazzjoni tal-mard, kreditu, assigurazzjoni fuq il-ħajja, self għal kera, servizzi ta’ fondi ta’ pensjoni, tfaddil, servizzi ta’ trusts, amministrazzjoni ta’ patrimonji, senserija f’assigurazzjonijiet, informazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjonijiet, assigurazzonijiet, amministrazzjoni ta’ kostruzzjonijiet, amministrazzjoni ta’ proprjetà immobbli, evalwazzjoni ta’ proprjetà immobbli, qbiela, servizzi ta’ senserija fil-proprjetà immobbli, senserija ta’ proprjetà immobbli, servizzi ta’ senserija finanzjarja, irkupru ta’ kirjiet, kiri ta’ appartamenti, servizzi ta’ aġenziji ta’ alloġġ”;

klassi 42: “Għoti ta’ liċenzji li jaqgħu taħt id-drittijiet ta’ protezzjoni industrijali”.

3

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2007, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ), u (2) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ), u (2) tar-Regolament Nru 207/2009], minħabba li, għall-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż, is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kien, minn naħa, deskrittiv u, min-naħa l-oħra, nieqes minn karattru distintiv.

4

Fl-4 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, fuq ibbażat fuq l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

5

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra essenzjalment li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kien nieqes minn karattru distintiv fir-rigward tar-reġjuni li jitkellmu bil-Ġermaniż tal-Komunità Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn, fil-ħsieb tal-pubbliku rilevanti, is-sinjal jinkludi l-“informazzjoni diretta” li tippermetti li wieħed jifhem li jikkonċerna indiċi tas-suq tal-ishma tal-impriżi ekoloġiċi ewlenija li l-attività tagħhom tiffoka fuq is-sostenibbiltà ekoloġika.

It-talbiet tal-partijiet

6

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tbiddel id-deċiżjoni kkontestata fis-sens li tiġi ordnata r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala trade mark Komunitarja quddiem l-UASI.

7

L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

8

Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun manifestament inkompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

9

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hija informata biżżejjed mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tkompli l-proċedura.

10

Għandu jiġi kkonstatat li l-unika talba f’dan ir-rikors hija intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tbiddel id-deċiżjoni kkontestata fis-sens li tiġi ordnata r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala trade mark Komunitarja quddiem l-UASI.

11

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009), l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti Komunitarja. Għaldaqstant, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li toħroġ ordni fil-konfront tal-UASI. Fil-fatt, huwa dan tal-aħħar li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-qorti Komunitarja [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tal-, Ampafrance vs UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T-164/03, Ġabra p. II-1401, punt 24, u tal-, Athinaiki Oikogeniaki Artopoiia vs UASI – Ferrero (FERRÓ), T-35/04, Ġabra p. II-785, punt 15].

12

Filwaqt li huwa minnu li l-unika talba f’dan ir-rikors hija intiża sabiex tiġi ordnata r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jeħtieġ madankollu li jiġi kkunsidrat li din tikkostitwixxi talba sabiex tinbidel id-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009), li tipprovdi li, fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata”.

13

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 63(2) tal-istess Regolament (li sar l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009), li jgħid li “[i]l-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta[r-Regolament Nru 40/94] jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter” kif ukoll fil-kuntest tal-Artikoli 229 KE u 230 KE [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 1999, Procter & Gamble vs UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punti 50 u 51, u tal-, Solo Italia vs UASI - Nuova Sala (PARMITALIA), T-373/03, Ġabra p. II-1881, punt 25].

14

Fir-rigward tas-setgħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, din tikkomporta li hija tagħti d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell imissu ħa, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Ottubru 2006, Freixenet vs UASI (Forma ta’ flixkun bl-iżmerill abjad), T-190/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 16 u 17].

15

Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tbiddel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lil dan tal-aħħar mir-Regolament Nru 40/94.

16

Issa, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009), wara li jkun sar eżami fuq il-mertu tar-rikors, ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ waħda mid-dipartimenti msemmija fl-Artikolu 57(1) tal-istess Regolament (li sar l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 207/2009), il-Bord tal-Appell “jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri”. B’hekk il-Bord tal-Appell mhuwiex kompetenti li joħroġ ordni fil-konfront tad-dipartiment li tiegħu eżamina d-deċiżjoni.

17

Barra minn hekk, jekk jitqies li l-unika talba f’dan ir-rikors tista’ tiġi interpretata bħala talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, mhux fis-sens li tiġi ordnata r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda fis-sens li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi rreġistrata, għandu jiġi osservat li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tirriżulta mill-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 207/2009) ġew sodisfatti, fid-dawl tal-fatt li d-dipartimenti tal-UASI kompetenti fil-qasam tar-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji f’dan ir-rigward ma jadottawx deċiżjoni formali li tista’ tkun suġġetta għal rikors.

18

Fil-fatt, l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li, “[m]eta applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u meta ma tkunx ingħatat notifika ta’ opposizzjoni fil-perjodu msemmi fl-Artikolu 42(1) jew jekk l-opposizzjoni tiġi miċħuda b’deċiżjoni definittiva, it-trade mark għandha tiġi reġistrata bħala trade mark Komunitarja, sakemm id-dritt fuq ir-reġistrazzjoni jkun ġie mħallas fil-perjodu presritt”. L-istess artikolu jippreċiża li [j]ekk id-dritt ma jiġix imħallas f’dan il-perjodu l-applikazzjoni għandha titqies li ġiet irtirata.

19

Issa, skont l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 131 tar-Regolament Nru 207/2009), l-eżaminatur huwa kompetenti sabiex jieħu deċiżjonijiet f’isem l-UASI fir-rigward ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, inklużi l-ħwejjeġ imsemmija fl-Artikoli 36, 37, 38 u 66 ta’ dan ir-Regolament (li saru l-Artikoli 36, 37 u 68 tar-Regolament Nru 207/2009), ħlief sa fejn id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tkun kompetenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 127(1) tal-istess Regolament (li sar l-Artikolu 132(1) tar-Regolament Nru 207/2009), Diviżjoni tal-Oppożizzjoni hija kompetenti sabiex tieħu deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-oppożizzjoni lejn applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

20

Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 18 u 19 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kompetenzi mogħtija lill-eżaminatur u lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni mhumiex intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet kollha għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament, ġew sodisfatti.

21

B’hekk, fil-kuntest tal-appelli ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-eżaminatur jew tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 40/94, Bord tal-Appell jista’ jiddeċiedi biss, fir-rigward tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 62(1) tal-istess Regolament, fuq uħud mill-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq, jiġifieri jew fuq il-konformità tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew fuq l-oppożizzjoni li għaliha hija tista’ tkun suġġetta.

22

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li Bord tal-Appell mhuwiex kompetenti li jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex hija tirreġistra trade mark Komunitarja.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 14 iktar ’il fuq, lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza mhija kompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex tbiddel deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell f’dan is-sens.

24

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-unika talba f’dan ir-rikors għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

25

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

 

2)

Securvita Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Il-Lussemburgu, 30 ta’ Ġunju 2009.

E. Coulon

Reġistratur

I. Pelikánová

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top