EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0317

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-18 ta' Marzu 2010.
Rosalba Alassini vs Telecom Italia SpA (C-317/08), Filomena Califano vs Wind SpA (C-318/08), Lucia Anna Giorgia Iacono vs Telecom Italia SpA (C-319/08) u Multiservice Srl vs Telecom Italia SpA (C-320/08).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Giudice di pace di Ischia - l-Italja.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2002/22/KE - Servizz Universali - Disputi bejn l-utenti finali u fornituri - Tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja.
Każijiet Magħquda C-317/08, C-318/08, C-319/08 u C-320/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:146

Kawżi magħquda C-317/08 sa C-320/08

Rosalba Alassini et

vs

Telecom Italia SpA et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Ischia)

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/22/KE — Servizz universali — Tilwim bejn utenti finali u fornituri — Tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Servizz universali u drittijiet tal-utenti — Direttiva 2002/22 — Riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil 2002/22, Artikolu 34)

2.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

1.        L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22 dwar Servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz universali”) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li tilwim fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u fornituri tal-imsemmija servizzi, li jaqgħu taħt id-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, għandhom ikunu s-suġġett ta’ tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja sabiex ikunu ammessi bħala rikorsi ġudizzjarji.

Fil-fatt, l-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva jiffissa għall-Istati Membri l-għan li huma għandhom jistabbilixxu proċeduri extra ġudizzjarji sabiex id-tilwim mhux riżolt li fih il-konsumaturi jkunu partijiet u li jirrigwarda kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva jiġi riżolt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali, mhux biss stabbilixxiet proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja, iżda, barra minn hekk, għamlitha obbligatorja, u dan qabel ma t-tilwima titressaq quddiem korp ġudizzjarju, ma huwiex ta’ natura li jikkomprometti t-twettiq tal-għan imsemmi iktar ’il fuq. Bil-kontra, din il-leġiżlazzjoni, peress li tiggarantixxi li l-proċedura extra ġudizzjara għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim issir ta’ natura sistematika, għandha tendenza li ssaħħaħ l-effettività tad-Direttiva “Servizz universali”.

(ara l-punti 45, 67 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, għal tilwim fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u fornituri tal-imsemmija servizzi li jaqgħu taħt id-drittijiet mogħtija bid-Direttiva 2002/22, dwar Servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz universali”), l-impożizzoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja bil-quddiem meta dawn il-proċeduri ma jwasslux għal deċiżjoni vinkolanti fuq il-partijiet, ma jikkawżawx dewmien sinjifikattiv biex rikors ġudizzjarju jiġi ppreżentat, jissospendu l-preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati u ma jiġġenerawx spejjeż, jew spejjeż insinjifikattivi, għall-partijiet, sa fejn, madankollu, il-mezz elettroniku ma jikkostitwixxix l-uniku mezz ta’ aċċess għall-imsemmija proċedura ta’ konċiljazzjoni u li miżuri provviżorji huma possibbli f’każijiet eċċezzjonali fejn minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni dawn ikunu meħtieġa.

Ċertament, peress li l-leġiżlazzjoni tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ġudizzjarji ppreżentati fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għat-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni, hija tintroduċi stadju addizzjonali fl-aċċess lejn il-qrati. Din il-kundizzjoni tista’ taffettwa l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, id-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti. F’dan ir-rigward, peress illi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrigwarda r-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi b’pass mgħaġġel u b’inqas spejjeż, kif ukoll sabiex jitnaqqas il-piż tal-qrati; hija ssegwi, għaldaqstant, għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali. Isegwi li l-impożizzjoni ta’ din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja ma hijiex, fid-dawl tal-modalitajiet preċiżi tagħha għat-tħaddim, iċċitati iktar ’il fuq, sproporzjonata mal-għanijiet imfittxija, minn naħa, peress li l-introduzzjoni ta’ proċedura għar-riżoluzzjoni extra ġudizzjarja li hija purament fakultattiva ma tikkostitwixxix mezz effettiv sabiex l-imsemmija għanijiet jintlaħqu, u għalhekk ma hemmx alternattivi inqas vinkolanti mill-implementazzjoni ta’ proċedura obbligatorja u li, min-naħa l-oħra, ma hemmx sproporzjon sinjifikattiv bejn dawn l-għanijiet u l-inkonvenjenzi eventwali kkawżati min-natura obbligatorja tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja.

(ara l-punti 54-59, 61-65, 67 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Marzu 2010 (*)

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/22/KE – Servizz universali – Tilwim bejn l-utenti finali u fornituri – Tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja”

Fil-Kawżi magħquda C-317/08, C-318/08, C-319/08 u C-320/08

li għandha bħala suġġett talbiet għal rikors preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Giudice di pace di Ischia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

Rosalba Alassini

vs

Telecom Italia SpA (C-317/08)

u

Filomena Califano

vs

Wind SpA (C-318/08)

u

Lucia Anna Giorgia Iacono

vs

Telecom Italia SpA (C-319/08)

u

Multiservice Srl

vs

Telecom Italia SpA(C-320/08),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta (relatur), G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Wind SpA, minn D. Cutolo, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Bambara, A. Nijenhuis u I. V. Rogalski kif ukoll minn S. La Pergola, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi t-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikorsi ġudizzjarji f’ċerti tilwim bejn fornituri u utenti finali li jaqgħu taħt id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ erba’ kawżi bejn, minn naħa, R. Alassini, L.A.G. Iacono, Multiservice Srl u Telecom Italia SpA u, min-naħa l-oħra, F. Calfiano u Wind SpA, dwar l-allegat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti li jorbtu lill-partijiet fil-kawża prinċipali u li għandhom bħala suġġett il-provvista ta’ servizzi telefoniċi lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minn waħda mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-imsemmija servizzi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

3        L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, intitolat “Dritt għal smigħ xieraq”, jipprovdi:

“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]”

 Id-dritt tal-Unjoni

4        L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata, fis-7 ta’ Diċembru 2000, f’Nice (ĠU C 364, p. 1), kif adottata, fit-12 ta’ Diċembru 2007, fi Strasbourg (ĠU C 303, p. 1), intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jistabbilixxi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”

5        Skont il-premessa 47 tad-Direttiva “Servizz universali”:

“Fil-kuntest ta’ ambjent kompetittiv, il-veduti tal-partijiet interessati, nklużi l-utenti u l-konsumaturi, għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali meta jittrattaw kwistjonijiet li jirrelataw mad-drittijiet ta’ l-utenti finali. Proċeduri effettivi għandhom ikunu disponibbli biex jittrattaw tilwim bejn il-konsumaturi, min-naħa ’l waħda, u mpriżi li jfornu servizzi ta’ komunikazzjonijiet disponibbli pubblikament, min-naħa ’l oħra. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra ġudizzjarji ta’ tilwim tal-konsumaturi [fil-qasam tal-konsum] [ĠU L 115, p. 31] […]”

6        L-Artikolu 1 tad-Direttiva “Servizz universali” jistabbilixxi:

“1.      Fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), din id-Direttiva tikkonċerna l-forniment [il-provvista] ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-Komunità kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta maċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġiet ta’ l-utenti finali ma jitħarsux b’mod sodisfaċjenti mis-suq.

2.      Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet ta’ l-utenti finali u l-obbligi li jikkorrispondu fuq impriżi li jfornu networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli. Fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni ta’ forniment ta’ servizz universali fl-ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, din id-Direttiva tiddefinixxi s-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorsjoni fil-kompetizzjoni. Din id-Direttiva tistipula wkoll l-obbligi fir-rigward tal-forniment ta’ ċerti servizzi obbligatorji bħal l-forniment bl-imnut ta’ linji mikrija”.

7        L-Artikolu 34 tad-Direttiva “Servizz universali”, intitolat “Riżoluzzjonijiet extra ġudizzjarji ta’ disputi”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri extra ġudizzjarji sempliċi, trasparenti u li ma jkunux għaljin ikunu disponibbli għall-itrattar ta’ disputi mhux riżolti, li jinvolvu konsumaturi, li jirrelataw ma’ kwistjonijiet koperti b’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jassiguraw li dawk il-proċeduri jippermettu li disputi jiġu riżolti b’mod ġust u malajr u jistgħu, fejn ġustifikat, jadottaw sistema ta’ rimborż u/jew kumpens. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru disputi li jinvolvu utenti finali oħra.

2.      L-Istati Membru għandhom jassiguraw li l-leġislazzjoni tagħhom ma tfixkilx t-twaqqif ta’ uffiċċji ta’ l-ilmenti u l-forniment ta’ servizzi on-line fil-livell territorjali adatt biex jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżoluzzjoni ta’ disputi mill-konsumaturi u l-utenti finali.

3.      Fejn dawk id-disputi jinvolvu partijiet fi Stati Membri differenti, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom bil-ħsieb li sseħħ riżoluzzjoni għad-disputa.

4.      Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-proċeduri tal-qorti nazzjonali.”

8        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4 p. 223) intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.

2.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)      oġġetti tal-konsum: għandhom ifissru kull oġġett tanġibbli mobbli, bl-eċċezzjoni ta’:

–         oġġetti mibjugħin b’mod ta’ esekuzzjoni jew b’mod ieħor bl-awtorità tal-liġi,

–         ilma u gass fejn m’humiex għall-bejgħ f’volum limitat jew kwantità fissa,

–        elettriku;

[…]”

 Ir-Rakkomandazzjonijiet  98/257/KE u 2001/310/KE

9        Skont il-ħames, is-sitt u d-disa’ premessi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257:

“Billi l-esperjenza miksuba f’diversi Stati Membri turi li l-mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni extra ġudizzjarja ta’ tilwim fil-qasam tal-konsum, sa fejn l-osservanza ta’ ċerti prinċipji essenzjali tiġi ggarantita, jistgħu jiżguraw riżultati sodisfaċenti, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-impriżi, billi jnaqqsu l-ispejjeż u ż-żmien meħtieġ għar-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-konsum;

billi t-twaqqif ta’ tali prinċipji fuq livell Ewropew jiffaċilita l-implementazzjoni ta’ proċeduri extra ġudizzjarji għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-konsum; li, fid-dawl tat-tilwim transkonfinali, huwa sejjer iżid il-fiduċja reċiproka tal-korpi extra ġudizzjarji li jinsabu fl-Istati Membri differenti kif ukoll il-fiduċja tal-konsumaturi fil-proċeduri nazzjonali differenti li jeżistu; li dawn il-kriterji sejrin jiffaċilitaw il-possibbiltà għall-operaturi ta’ servizzi extra ġudizzjarji stabbiliti fi Stat Membru li joffru s-servizzi tagħhom fi Stat Membru ieħor;

[…]

billi r-rakkomandazzjoni preżenti għandha tillimita ruħha għal proċeduri li, indipendentement minn isimhom, iwasslu għar-riżoluzzjoni ta’ tilwima permezz tal-intervent attiv ta’ terza persuna li tipproponi jew timponi soluzzjoni; li, għalhekk, mhumiex inklużi l-proċeduri li jillimitaw ruħhom għas-sempliċi tentattiv li jressqu lill-partijiet sabiex jikkonvinċuhom isibu soluzzjoni bi ftehim komuni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Il-Punt VI tar-Rakkomandazzjoni 98/257, intitolat “Prinċipju ta’ libertà” jistabbilixxi:

“Id-deċiżjoni tal-korp hija vinkolanti fuq il-partijiet biss jekk huma jkunu ġew informati biha bil-quddiem u jkunu espressament aċċettawha.

Id-dħul ta’ konsumatur f’proċedura extra ġudizzjarja ma tistax tirriżulta minn impenn li jkun ittieħed wara li t-tilwima tkun bdiet, meta dan l-impenn ikollu bħala effett li jċaħħad lill-konsumatur mid-dritt tiegħu li jressaq talba quddiem il-qrati kompetenti sabiex din it-tilwima tinqata’ b’mod ġudizzjarju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Il-Punt I tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE, tal-4 ta’ April 2001, dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi extra ġudizzjarji li jipparteċipaw fir-riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim fil-qasam tal-konsum (ĠU L 109, p. 56), fit-taqsima “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      Ir-rakkomandazzjoni preżenti tapplika għall-korpi terzi responsabbli mill-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja ta’ tilwim fil-qasam tal-konsum li, indipendentement minn isimhom, jipprovaw jirriżolvu t-tilwima billi jressqu l-partijiet lejn xulxin sabiex jikkonvinċuhom isibu soluzzjoni bi ftehim komuni.

2.      Hija ma tapplikax għal servizzi, operati minn impriża, li jittrattaw l-ilmenti tal-konsumaturi u li huma pprovduti direttament lill-konsumaturi jew għal mekkaniżmi li għandhom jiżguraw dan is-servizz għall-impriża jew f’isimha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt nazzjonali

12      Ir-Repubblika Taljana ttrasponiet id-Direttiva “Servizz universali” bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 259, tal-1 ta’ Awwissu 2003, dwar il-Kodiċi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2003, p. 3).

13      Skont l-Artikolu 84 ta’ dan il-kodiċi:

“1.      L-Awtorità, skont l-Artikolu 1(11), (12) u (13) tal-Liġi Nru 249, tal-31 ta’ Lulju 1997, [li tistabbilixxi l-Awtorità għall-garanzija fil-komunikazzjoni u fir-regoli marbuta mas-sistemi ta’ telekomunikazzjoni u ta’ radjuteleviżiv (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 1997)], għandha tadotta proċeduri extra ġudizzjarji trasparenti, sempliċi u ekonomiċi meħtieġa sabiex it-tilwim, li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, u li fih il-konsumaturi u l-utenti finali huma parti, jiġi eżaminat, bl-għan li t-tilwim jiġi riżolt b’mod ġust u malajr, billi tistabbilixxi, meta huma jkunu ġġustifikati, sistema ta’ rimbors jew ta’ kumpens.

2.      L-Awtorità, bi ftehim mal-konferenza permanenti responsabbli mir-relazzjonijiet bejn l-Istat, ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u Bolzano, kif ukoll skont l-Artikolu 1(13) tal-Liġi Nru 249, tal-31 ta’ Lulju 1997, għandha tinkoraġġixxi, fuq il-livell territorjali adegwat, il-ħolqien, permezz tal-għoti ta’ persunal u permezz ta’ apparat li jista’ jinxtara grazzi għal krediti ordinarji tal-badġit li ma jbiddilx konsekuttivament l-infiq, ta’ uffiċċji u servizzi online li jirċievu l-ilmenti u li għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi u tal-utenti finali lejn is-sistemi tar-riżoluzzjoni tat-tilwim.

3.      Meta t-tilwim jinvolvi ċittadini ta’ Stati Membri oħra, l-Awtorità għandha tikkoordina ma’ dawn l-awtoritijiet leġiżlattivi l-oħra kkonċernati sabiex it-tilwim jiġi riżolt.

4.      L-artikolu preżenti huwa bla ħsara għall-proċeduri fis-seħħ fil-qasam tar-riżoluzzjoni ġudizzjarja, u, sakemm jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-proċeduri fil-qasam tar-riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim fil-jum tal-pubblikazzjoni tal-kodiċi fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica Italiana [Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana]”.

14      Skont il-Liġi Nru 249, tal-31 ta’ Lulju 1997, it-tilwim fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi bejn l-utenti finali u l-operaturi, li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijet marbuta mas-servizz universali u mad-drittijiet tal-utenti finali, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Awtorità għall-Garanzija fil-Komunikazzjoni.

15      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS (GURI Nru 120, tal-25 ta’ Mejju 2007, p.19), l-Awtorità għall-garanzija fil-komunikazzjoni adottat ir-regolament dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u utenti finali (iktar ’il quddiem “ir-regolament għar-riżoluzzjoni”).

16      L-Artikolu 3 tar-regolament għar-riżoluzzjoni jistabbilixxi:

“1.      Għat-tilwim imsemmi fl-Artikolu 2(1), ir-rikors ġudizzjarju ma jistax jiġi ppreżentat sakemm ma jkunx sar it-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Co.re.com [Kumitat Reġjonali għall-Komunikazzjonijiet] li huwa territorjalment kompetenti bid-delega biex iwettaq il-konċiljazzjoni, jew quddiem il-korpi ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 13.

2.      Fejn il-Co.re.com li huwa territorjalment kompetenti ma jkollux id-delega msemmija [fil-paragrafu 1], it-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni għandu jsir quddiem il-korpi msemmija fl-Artikolu 13.

3.      It-terminu għall-konklużjoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni huwa ta’ tletin jum li jiddekorru mid-data ta’ meta titressaq it-talba; wara li jiskadi dan it-terminu, il-partijiet jistgħu jippreżentaw rikors ġudizzjarju anki fejn il-proċedura ma tkunx ġiet konkluża”.

17      L-Artikolu 13 tar-regolament għar-riżoluzzjoni jistabbilixxi:

“1.      Alternattivament għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Co.re.com, il-partijiet ikkonċernati għandhom il-possibbiltà li jagħmlu t-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni, anki b’mezzi elettroniċi, quddiem il-korpi ta’ kompożizzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim fil-qasam tal-konsumatur li jissemmew fl-Artikolu 1(o) ta’ dan ir-regolament.

2.      Għall-istess għan, l-utent jista’ wkoll iressaq il-każ tiegħu quddiem korpi stabbiliti permezz ta’ ftehim bejn l-operaturi u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi fuq il-livell nazzjonali, sakemm l-imsemmija korpi joperaw mingħajr ħlas u josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ekwità u ta’ effettività stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2001/310/KE.

3.      Il-lista aġġornata tal-korpi msemmija fil-paragrafi preċedenti hija disponibbli fis-sit internet tal-awtorità.

4.      Il-korpi stabbiliti skont il-paragrafu 2, jitniżżlu fil-lista msemmija fil-paragrafu preċedenti fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni ta’ talba speċifika li tkun iffirmata mill-partijiet u flimkien mal-ftehim milqugħ bejn l-operatur u tal-inqas żewġ terzi tal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi fil-livell nazzjonali u ma’ kopja tar-regoli ta’ proċedura, wara li jiġi vverifikat jekk il-prinċipji msemmija fil-paragrafu 2 ikunux ġew osservati.

5.      It-talba għandha tiġi mġedda kull sentejn abbażi tal-istess proċeduri. Fin-nuqqas ta’ talba għat-tiġdid, l-awtorità tneħħi ex officio l-korp mil-lista msemmija fil-paragrafu 3 preċedenti.

6.      B’dikjarazzjoni tal-persuni kollha kkonċernati, l-awtorità tista’ tiddeċiedi li tneħħi mil-lista l-korpi li dwarhom hija tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 2”.

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

18      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, għall-azzjonijiet kollha mibdija mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-konvenuti fil-kawżi prinċipali, abbażi tal-Artikoli 3 u 13 tar-regolament għar-riżoluzzjoni, sostnew l-impossibbiltà li t-tali azzjonijiet jiġu ppreżentati minħabba l-fatt li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma bdewx, l-ewwel nett u kif stabbilit minn dawn id-dispożizzjonijiet, it-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Co.re.com.

19      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-Co.re.com previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kienx għadu ġiet stabbilit fir-Reġjun ta’ Campania, u għalhekk dan kien jimponi l-fatt li l-konċiljazzjoni obbligatorja kellha tinbeda quddiem korpi oħra, jiġifieri dawk imsemmija fl-Artikolu 13 tar-regolament għar-riżoluzzjoni. Madankollu, l-ebda verifika dwar il-konformità tal-imsemmija korpi mal-prinċipji mniżżla fir-Rakkomandazzjoni 2001/310 ma kienet twettqet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kemm il-fatt li t-tentattivi ta’ konċiljazzjoni quddiem dawn tal-aħħar ikunu b’xejn jew li l-ispejjeż ikunu ta’ natura adattata, kif ukoll ir-reputazzjoni u l-faċilità tal-proċeduri ta’ konċiljazzjoni.

20      Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Co.re.com kien ġie stabbilit fir-Reġjun ta’ Campania, il-qorti tar-rinviju tqis li n-natura obbligatorja tal-konċiljazzjoni, kif inhi stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tista’ tkun ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-imsemmija konċiljazzjoni għandha neċessarjament titwetttaq b’mezzi elettroniċi. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li tentattiv ta’ konċiljazzjoni jkun diġà twettaq fl-ewwel seduta tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja.

21      F’dan il-kuntest, il-Giudice di pace di Ischia ddeċieda, għal kull waħda mill-kawżi pendenti, li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:

“Id-dispożizzjonijiet Komunitarji ċċitati iktar ’il fuq (Artikolu 6 tal-[KEDB], Direttiva [‘Servizz universali’], Direttiva [1999/44], Rakkomandazzjoni [2001/310], [Rakkomandazzjoni] 1998/257) għandhom effett dirett vinkolanti u għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kontroversji [tilwim] ‘fl-oqsma tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u operaturi, li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ rispett tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti finali stabbiliti fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, fid-deliberazzjonijiet tal-awtorità, fil-kundizzjonijiet kuntrattwali u fil-kundizzjonijiet tas-servizz’ (kontroversji previsti fl-Artikolu 2 [tar-Regolament Anness mad-] [...] deliberazzjonijiet tal-awtorità garanti Nru 173/07/CONS), ma għandhomx ikunu suġġetti għal tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni li fin-nuqqas tiegħu ma jkunx jista’ jitressaq rikors [ġudizzjarju], b’tali mod li jipprevalu fuq id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija deċiżjoni tal-awtorità garanti tal-komunikazzjoni?”

22      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2008, il-Kawżi C‑317/08 sa C‑320/08 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

23      Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan sostna l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari. Skont dan il-gvern, il-qorti tar-rinviju ma speċifikatx id-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni li jikkostitwixxu s-suġġett tal-kawżi prinċipali, għalhekk, id-domanda magħmula hija ta’ natura purament ipotetika.

24      Il-Kummissjoni, mingħajr ma ssostni madankollu l-inammissibbiltà tad-domanda, tirrileva wkoll il-ħtieġa ta’ element li jorbot il-kawżi prinċipali mad-dritt tal-Unjoni, element li, skont din l-istituzzjoni, ma huwiex awtomatikament dedott mir-rinviji.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 43, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C‑414/07, Ġabra p . I-10921, punt 22, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, Ġabra p. I‑6653, punt 27)

26      Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25; Magoora, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 kif ukoll Mono Car Styling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

27      F’dak li jirrigwarda dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet tar-rinviju jesponu b’mod iddettaljat il-kuntest legali u fattwali tal-kawżi prinċipali, kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li r-risposta għad-domandi magħmula hija meħtieġa sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

28      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jesponux fid-dettall it-tilwim fil-kawżi prinċipali u, b’mod partikolari, id-drittijiet u l-obbligi speċifiċi li jikkostitwixxu s-suġġett ta’ dan it-tilwim, jibqa’ xorta l-fatt li dawn tal-aħħar jirrigwardaw is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi bejn l-utenti finali u l-fornituri kif ukoll il-proċeduri extra ġudizzjarji għar-riżoluzzjoni tal-imsemmija tilwim u, barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment espress għall-premessa 47 u l-Artikolu 34 tad-Direttiva “Servizz universali”.

29      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li t-tali interpretazzjoni hija meħtieġa sabiex tinstab soluzzjon għall-kawżi prinċipali.

30      Konsegwentement, id-domanda preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq il-mertu

31      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda mhux biss id-Direttiva “Servizz universali”, ir-Rakkomandazzjoni 98/257 u d-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stabbilit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, iżda wkoll id-Direttiva 1999/44 u r-Rakkomandazzjoni 2001/310.

32      Fir-rigward tad-Direttiva 1999/44, peress li, skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, is-servizzi ta’ komunikazzjoni ma ġewx inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, hemm lok li jiġi kkonstatat li din ma tapplikax għall-kawżi prinċipali.

33      Fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni 2001/310, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 47 tad-Direttiva “Servizz universali”, meta l-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim koperti minnhom ikunu ġew ipprovduti, l-Istati Membri għandhom jieħdu r-Rakkomandazzjoni 98/257 inkunsiderazzjoni.

34      Issa, skont id-disa’ premessa ta’ din l-aħħar rakkomandazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-proċeduri li, indipendentement minn isimhom, iwasslu għar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bl-intervent attiv ta’ terz li jipproponi jew jimponi soluzzjoni, mingħajr, madankollu, ma tkopri l-proċeduri li, kif stabbilit mir-Rakkomandazzjoni 2001/310, jillimitaw ruħhom għat-tentattiv li jikkonvinċu lill-partijiet jersqu lejn xulxin sabiex isibu soluzzjoni bi ftehim komuni.

35      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim koperti mid-Direttiva “Servizz universali” ma għandhomx jillimitaw ruħhom għat-tentattiv li jikkonvinċu lill-partijiet jersqu lejn xulxin sabiex isibu soluzzjoni bi ftehim komuni, iżda għandhom iwasslu għar-riżoluzzjoni tat-tilwima permezz tal-intervent ta’ terz li jipproponi jew jimponi soluzzjoni.

36      Fil-kawża prinċipali, il-proċedura extra ġudizzjarja obbligatorja stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tillimitax ruħha li tressaq il-partijiet flimkien, iżda tipproponilhom soluzzjoni permezz tal-intervent attiv ta’ korp ta’ konċiljazzjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Rakkomandazzjoni 2001/310 mhi lanqas applikabbli għall-kawżi prinċipali.

37      Għaldaqstant, id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem li qed tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva “Servizz universali” u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li tilwim fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn l-utenti finali u l-operatur ta’ dawn is-servizzi, li jaqgħu taħt id-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, għandhom ikunu s-suġġett ta’ tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja sabiex ikunu ammessi bħala rikorsi ġudizzjarji.

 Fuq l-Artikolu 34 tad-Direttiva “Servizz universali”

38      Skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva “Servizz universali”, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu pprovduti proċeduri extra ġudizzjarji trasparenti, sempliċi u ekonomiċi li jippermettu li tilwim li fihom konsumaturi jkunu partijiet u li jirrigwardaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt din id-direttiva jiġu riżolti b’mod ġust u malajr. L-imsemmija proċeduri huma, madankollu, bla ħsara għall-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali.

39      Kif ġie rrilevat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, meta dawn l-imsemmija proċeduri extra ġudizzjarji jiġu pprovduti, l-Istati Membri għandhom jieħdu r-Rakkomandazzjoni 98/257 inkunsiderazzjoni.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk ir-rakkomandazzjonijiet ma humiex maħsuba li jipproduċu effetti vinkolanti u ma humiex f’pożizzjoni li joħolqu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw quddiem qorti nazzjonali, huma, madankollu, ma humiex nieqsa minn kull effet legali. Fil-fatt, il-qrati nazzjonali, meta jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom, għandhom jieħdu r-rakkomandazzjonijiet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari meta huma jgħinu fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda bl-għan li jiżguraw l-implementazzjoni tagħhom jew meta l-għan tagħhom huwa t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li għandhom natura vinkolanti (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, Ġabra p. 4407, punti 7, 16 u 18, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2003, Altair Chimica, C‑207/01, Ġabra p. I-8875, punt 41).

41      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la d-Direttiva “Servizz universali” u lanqas ir-Rakkomandazzjoni 98/257 ma jistabbilixxu l-modalitajiet jew il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri extra ġudizzjarji li jridu jiġu implementati, iżda jsir riferiment biss għall-elementi ċċitati fl-Artikolu 34 tal-imsemmija direttiva, u mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, kif ukoll il-prinċipji ta’ indipendenza, ta’ trasparenza, ta’ kontradittorju, ta’ effikaċja, ta’ legalità u ta’ rappreżentanza, stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni 98/257.

42      Fost l-elementi u l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li l-ebda wieħed minnhom ma jippermetti li tiġi limitata s-setgħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi stabbilita n-natura obbligatorja tal-proċeduri extra ġudizzjarji meħtieġa sabiex it-tilwim jiġi riżolt.

43      F’dan is-sens, għandu jiġi rrilevat li, skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 34 tad-Direttiva “Servizz universali” u l-prinċipju ta’ libertà stabbilit fil-Punt VI tar-Rakkomandazzjoni 98/257, l-unika kundizzjoni imposta f’dan ir-rigward hija li jinżamm id-dritt li kawża titressaq quddiem qrati kompetenti sabiex jaqtgħu t-tilwim b’mod ġudizzjarju.

44      Għaldaqstant, peress illi d-Direttiva “Servizz universali” ma tiżviluppax iktar fil-fond il-modalitajiet jew il-karatteristiċi tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 34 tagħha, l-Istati Membri għandhom jirregolaw il-modalitajiet tal-imsemmija proċeduri, inkluża n-natura obbligatorja tagħhom, filwaqt li josservaw l-effettività ta’ din id-direttiva.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva “Servizz universali” jiffissa għall-Istati Membri l-għan li huma għandhom jistabbilixxu proċeduri extra ġudizzjarji sabiex it-tilwim mhux riżolt li fih il-konsumaturi jkunu partijiet u li jirrigwarda kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva jiġi riżolti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, mhux biss stabbilixxiet proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja, iżda, barra minn hekk, għamlitha obbligatorja, u dan qabel ma t-tilwima titressaq quddiem korp ġudizzjarju, ma huwiex ta’ natura li jikkomprometti t-twettiq tal-għan imsemmi iktar ’il fuq. Bil-kontra, tali leġiżlazzjoni, peress li tiggarantixxi li l-proċedura extra ġudizzjara għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim issir ta’ natura sistematika, għandha tendenza li ssaħħaħ l-effettività tad-Direttiva “Servizz universali”

46      Madankollu, sa fejn l-iffissar ta’ proċedura ta’ tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni jikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikorsi ġudizzjarji, hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan huwiex kompatibbli mad-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

47      L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, il-protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punti 44 u 45, kif ukoll Mono Car Styling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

48      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta minn ġurisprudenza ferm stabbilita, il-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili previsti mil-leġiżlazzjoni interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Dawn ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jesprimu l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Dawn jgħoddu kemm fil-livell tal-iffissar tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq dan id-dritt kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali (ara s-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48, kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, Ġabra p. I‑10467, punt 44).

50      Fil-kawżi prinċipali jidher li l-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa osservat.

51      Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma tqajjem l-ebda element li jirrigwarda ksur eventwali tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Taljan ikkonferma, matul is-seduta, li r-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tapplika indifferentement għal rikorsi bbażati fuq ksur kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

52      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, ma hemmx dubju li l-fatt li tiġi imposta l-proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja bil-quddiem bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors ġudizzjarju jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-Direttiva “Servizz universali”.

53      Madankollu, fatti differenti juru li l-proċedura obbligatorja ta’ konċiljazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma hijiex ta’ natura li tirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-direttiva kkonċernata.

54      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-eżitu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma hijiex vinkolanti fuq il-partijiet ikkonċernati u, għalhekk, ma jaffettwax id-dritt tagħhom li jippreżentaw rikors ġudizzjarju.

55      It-tieni nett, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma twassalx, f’ċirkustanzi normali, għad-dewmien fil-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju. Fil-fatt, it-terminu sabiex tingħalaq il-proċedura ta’ konċiljazzjoni jiskadi tletin ġurnata wara li jibdew jiddekorru minn meta titressaq it-talba u, wara li jiskadi dan it-terminu, il-partijiet jistgħu jippreżentaw rikors ġudizzjarju, saħansitra anki jekk il-proċedura ma tkunx għadha ġiet fi tmiemha.

56      It-tielet nett, il-preskrizzjoni tad-drittijiet hija sospiża matul il-perijodu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

57      Ir-raba’ nett, l-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Co.re.com huma ineżistenti. Fir-rigward tal-proċeduri ta’ konċiljazzjoni quddiem korpi oħra, il-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda indikazzjoni li l-ispejjeż huma kunsiderevoli.

58      Madankollu, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva “Servizz universali” jista’ jsir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli għal ċerti individwi, b’mod partikolari, dawk li ma għandhomx aċċess għall-internet, jekk l-aċċess għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni jista’ jsir biss b’mezzi elettroniċi. Hija l-qorti tar-rivinju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-regolament għar-riżoluzzjoni.

59      Bl-istess mod, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk f’każijiet eċċezzjonali fejn miżuri provviżorji huma meħtieġa, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tippermettix, jew ma timpedix, l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tosserva l-prinċipju ta’ effettività sa fejn il-mezz elettroniku ma jikkostitwixxix l-uniku mezz ta’ aċċess għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni u li miżuri provviżorji huma possibbili f’każijiet eċċezzjonali fejn minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni dawn ikunu meħtieġa.

61      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, (ara s-sentenza Mono Car Styling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, u fil-kawża prinċipali huwa paċifiku li, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ġudizzjarji ppreżentati fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għat-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni, hija tintroduċi stadju addizzjonali fl-aċċess lejn il-qrati. Din il-kundizzjoni tista’ taffettwa l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

63      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, Ġabra p. I‑5431, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Fogarty vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, tal-21 ta’ Novembru 2001, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2001-XI, § 33).

64      Issa, kif il-Gvern Taljan irrileva waqt is-seduta, għandu jiġi mill-ewwel ikkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huma intiżi li jirriżolvu t-tilwim fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi b’pass mgħaġġel u b’inqas spejjeż, kif ukoll sabiex jitnaqqas il-piż tal-qrati; għaldaqstant, huma jsegwu għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali.

65      It-tieni nett, l-impożizzjoni tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja kif inhi stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tidhirx, fid-dawl tal-modalitajiet preċiżi għat-tħaddim tal-imsemmija proċedura u msemmija fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza, li hija sproporzjonata mal-għanijiet imfittxija. Fil-fatt, minn naħa, kif l-Avukat Ġenerali kkonstatat fil-punti 47 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li l-introduzzjoni ta’ proċedura għar-riżoluzzjoni extra ġudizzjarja li hija purament fakultattiva ma tikkostitwixxix mezz effettiv sabiex l-imsemmija għanijiet jintlaħqu, jirriżulta l-fatt li ma hemmx alternattivi inqas vinkolanti mill-implementazzjoni ta’ proċedura obbligatorja. Min-naħa l-oħra, ma hemmx sproporzjon sinjifikattiv bejn dawn l-għanijiet u l-inkonvenjenzi eventwali kkawżati min-natura obbligatorja tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja.

66      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tosserva l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bla ħsara għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 58 u 59 tas-sentenza preżenti.

67      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula hija s-segwenti:

–        L-Artikolu 34 tad-Direttiva “Servizz universali” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li tilwim fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u fornituri tal-imsemmija servizzi, li jaqgħu taħt id-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, għandhom ikunu s-suġġett ta’ tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja sabiex ikunu ammessi bħala rikorsi ġudizzjarji.

–        Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva lanqas ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq it-tali tilwim l-ewwel nett l-implementazzjoni ta’ proċeduri ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarji meta dawn il-proċeduri ma jwasslux għal deċiżjoni vinkolanti fuq il-partijiet, ma jikkawżawx dewmien sinjifikattiv biex rikors ġudizzjarju jiġi ppreżentat, jissospendu l-preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati u ma jiġġenerawx spejjeż, jew spejjeż insinjifikattivi, għall-partijiet, sa fejn, madankollu, il-mezz elettroniku ma jikkostitwixxix l-uniku mezz ta’ aċċess għall-imsemmija proċedura ta’ konċiljazzjoni u li miżuri provviżorji huma possibbili f’każijiet eċċezzjonali fejn minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni dawn ikunu meħtieġa.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

–        L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz universali”) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li tilwim fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u fornituri tal-imsemmija servizzi, li jaqgħu taħt id-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, għandhom ikunu s-suġġett ta’ tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja sabiex ikunu ammessi bħala rikorsi ġudizzjarji.

–        Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva lanqas ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq it-tali tilwim l-ewwel nett l-implementazzjoni ta’ proċeduri ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarji meta dawn il-proċeduri ma jwasslux għal deċiżjoni vinkolanti fuq il-partijiet, ma jikkawżawx dewmien sinjifikattiv biex rikors ġudizzjarju jiġi ppreżentat, jissospendu l-preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati u ma jiġġenerawx spejjeż, jew jiġġeneraw biss spejjeż insinjifikattivi, għall-partijiet, sa fejn, madankollu, il-mezz elettroniku ma jikkostitwixxix l-uniku mezz ta’ aċċess għall-imsemmija proċedura ta’ konċiljazzjoni u li miżuri provviżorji huma possibbili f’każijiet eċċezzjonali fejn minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni dawn ikunu meħtieġa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top