EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0306

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-18 ta' Diċembru 2008.
Ruben Andersen vs Kommunernes Landsforening.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Højesteret - id-Danimarka.
Informazzjoni għall-ħaddiema - Direttiva 91/533/KEE - Artikolu 8(1) u (2) - Kamp ta’ applikazzjoni - Ħaddiema ‘koperti’ minn ftehim kollettiv - Kunċett ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg ta’ natura ‘temporanja’.
Kawża C-306/07.

European Court Reports 2008 I-10279

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:743

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Informazzjoni lill-ħaddiema — Direttiva 91/533/KEE — Artikolu 8(1) u (2) — Kamp ta’ applikazzjoni — Ħaddiema ‘koperti’ minn ftehim kollettiv — Kunċett ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg ta’ natura ‘temporanja’”

Fil-Kawża C-306/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Højesteret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2007, fil-proċedura

Ruben Andersen

vs

Kommunernes Landsforening, bħala mandatarja tal-Komun ta’ Slagelse (li kien il-Komun ta’ Skælskør),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal R. Andersen, minn H. Nielsen u P. Olsen, advokater,

għall-Kommunernes Landsforening, bħala mandatarja tal-Komun ta’ Slagelse (li kien il-Komun ta’ Skælskør), minn J. Mosbek u J. Vinding, advokater,

għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u S. Schønberg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE, tal-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, p. 32).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Andersen u l-Kommunernes Landsforening (assoċjazzjoni nazzjonali tal-Komuni Daniżi), bħala mandatarja tal-Komun ta’ Slagelse (li kien il-Komun ta’ Skælskør) (id-Danimarka), li kienet tħaddem lil R. Andersen, dwar l-applikabbiltà fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, ta’ ftehim kollettiv li jirregola l-impjiegi fil-Komuni Daniżi.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

It-tieni premessa tad-Direttiva 91/533 tipprovdi:

“Billi […], certi Stati Membri kkunsidraw li huwa meħtieġ li jissoġġettaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol għall-ħtiġijiet formali; billi dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba biex jipprovdu l-ħaddiema bi protezzjoni mtejba kontra kull ksur possibli tad-drittijiet tagħhom u biex joħolqu trasparenza akbar fis-suq tax-xogħol”.

4

Skont is-seba’ premessa tal-imsemmija direttiva:

“Billi huwa neċessarju li tiġi stabbilita f’livell Kommunitarju l-ħtieġa ġenerali li kull ħaddiem għandu jkun mogħti b’dokument li jkun fih informazzjoni dwar l-elementi essenzjali tal-kuntratt tiegħu jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg”.

5

Il-ħdax, it-tnax u tlettax-il premessa ta’ din id-direttiva jipprovdu kif ġej:

“Billi, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema rigward l-otteniment ta’ dokument, kull tibdil fil-termini prinċipali tal-kuntratt jew fir-relazzjoni ta’ l-impjieg għandu jkun mgħoddi lilhom bil-miktub;

Billi huwa neċessarju għall-Istati Membri li jiggarantixxu li l-ħaddiema jistgħu jfittxu d-drittijiet mogħtija lilhom minn din id-Direttiva;

Billi l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet leġislattivi neċessarji biex jaqblu ma’ din id-Direttiva jew għandhom jaċċertaw li ż-żewġ naħat ta’ l-industrija li jwaqqfu d-dispożizzjonijiet neċessarji mill-ftehim, filwaqt li l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-passi neċessarji li jgħinuhom f’kull ħin biex jigarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva”.

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/533, intitolat “L-I[s]kop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull impjegat imħallas li għandu kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg definit mil-liġi fis-seħħ fi Stat Membru u/jew iggvernat mil-liġi fis-seħħ fi Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ħaddiema li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg:

a)

b’dewmien totali li ma’ jaqbiżx xahar,

u/jew

b’ ġimgħa ta’ ħidma li ma’ taqbiżx it-tmien sigħat

jew

b)

ta’ natura każwali u/jew speċifika sakemm, f’dawn il-każijet, li n-non applikazzjoni tagħha hi ġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet oġġettivi.”

7

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-Obbligazzjoni li wieħed jagħti informazzjoni”:

“1.   Min iħaddem għandu jkun obbligat li jgħarraf lill-ħaddiem li għalih tapplika din id-Direttiva, minn hawn il’ quddiem imsemmi “il-ħaddiem”, bl-aspetti essenzjali tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg.

2.   L-informazzjoni imsemmija f’paragrafu 1 għandha tkopri mill-inqas dan li ġej:

[…]

d)

id-data tal-bidu tal-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg;

e)

fil-każ ta’ kuntratt temporanju jew relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja], id-dewmien mistenni tiegħu;

f)

l-ammont tal-frank li għaliħ il-ħaddiem hu intitolat jew, fejn dan ma jistax jkun indikat meta tingħata l-informazzjoni, il-proċeduri għall-allokazzjoni u d-determinazzjoni ta’ dan il-frank;

g)

it-tul tal-perijodi ta’ avviż li għandu jiġi osservat minn dak li jħaddem u l-ħaddiem, kieku l-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg tagħhom kellu jintemm jew, fejn dan ma jkunx jista’ jiġi indikat meta’ tingħata l-informazzjoni, l-metodu għad-determinazzjoni ta’ dawn il-perijodi ta’ tagħrif;

[…]

3.   L-informazzjoni msemmija f’paragrafu 2(f), (g), (h) u (i) tista’, fejn hu xieraq, tingħata fil-forma ta’ referenza għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi jew statutorji jew ftehim kollettiv li jiggverna dawk il-punti partikolari.”

8

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) [tad-Direttiva 91/533] tista’ tingħata lill-ħaddiem, mhux aktar tard minn xahrejn wara l-bidu ta’ l-impjieg, fil-forma ta:

a)

kuntratt miktub ta’ l-impjieg;

u/jew

b)

ittra ta’ appuntament [ħatra];

u/jew

ċ)

dokument miktub wieħed jew aktar, fejn wieħed minn dawn id-dokumenti fih minn ta’ l-inqas l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 2(2)(a), (b), (ċ), (d), (h) u (i).”

9

L-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 91/533 jipprovdi:

“2.   Fejn l-ebda mid-dokumenti imsemmiji f’paragrafu 1 ma jingħata lill-ħaddiem fiż-żmien preskritt, min iħaddem għandu jkun obbligat li jagħti lill-ħaddiem, mhux aktar tard minn xahrejn wara l-bidu ta’ l-impjieg, dikjarazzjoni bil-miktub iffirmata minn min iħaddem u li fiha mill-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2).

Fejn id-dokument(i) imsemmi/ja fil-paragrafu 1 fih biss parti mill-informazzjoni meħtieġa, id-dikjarazzjoni bil-miktub li jipprovdi għaliha l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkopri l-kumplament ta’ l-informazzjoni.

3.   Fejn il-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg jintemm qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ xahrejn mid-data tal-bidu tax-xogħol, l-informazzjoni pprovduta fl-Aritikolu 2 u f’dan l-Artikolu għandha ssir disponibbli għall-ħaddiem sa mill-inqas l-aħħar ta’ dan il-perijodu.”

10

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-Difiża tad-drittijiet”, jipprovdi hekk:

“1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali tagħhom il-miżuri meħtieġa biex il-ħaddiema li jikkunsidraw lilhom infushom ittrattati ħażin permezz ta’ nuqqas li jaqblu ma’ l-obligazzjonijiet li joħorġu minn din id-Direttiva jkunu jistgħu jfittxu d-drittijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġuridiku wara rikors possibbli għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu [li] l-aċċess għall-mezzi ta’ rimedju msemmija f’paragrafu 1 [ikun suġġett għall-kundizzjoni li min iħaddem għandu jiġi nnotifikat m]ill-ħaddiem [… u li] jkun hemm nuqqas ta’ risposta fi żmien 15-il jum min-notifika.

Madankollu, l-formalità tan-notifika minn qabel, ma tista’ fl-ebda każ tkun meħtieġa fil-każijiet [tal-ħaddiema espatrijati], u la għall-ħaddiema b’kuntratt temporanju jew b’relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja], u lanqas għall-ħaddiema mhux koperti minn ftehim kollettiv jew minn ftehim kollettiv[i] li jirrelataw mar-relazzjoni ta’ l-impjieg.”

11

B’mod konformi mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/533, l-Istati Membri kellhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1993 jew kellhom jaċċertaw ruħhom li sa din id-data r-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema kienu introduċew id-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, filwaqt li l-Istati Membri kellhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex f’kull ħin ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti minn dik id-direttiva.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12

Id-Direttiva 91/533 ġiet trasposta fil-liġi Daniża, minn naħa, mil-Liġi kkonsolidata Nru 385, tal-11 ta’ Mejju 1994, dwar l-obbligu ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kundizzjonijiet applikabbli għar-relazzjoni tal-impjieg (iktar ’il quddiem il-“liġi fuq il-prova tal-ħatra”), u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ ftehim kollettivi, fosthom il-ftehim kollettiv dwar l-obbligu ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kundizzjonijiet applikabbli għar-relazzjoni tal-impjieg (ittra ta’ ħatra), tad-9 ta’ Ġunju 1993, konkluż bejn il-federazzjoni tal-kunsilli dipartimentali (Amtsråtsforeningen), l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-Komuni (Kommunernes Landsforening), il-Komuni ta’ Kopenħagen u ta’ Frederiksberg kif ukoll is-sindakat tal-uffiċjali u l-ħaddiema kuntrattwali muniċipali (Kommunale Tjenestemænd og Overenskomstansatte) (iktar ’il quddiem il-“ftehim KTO”).

Il-Liġi fuq il-prova tal-ħatra

13

B’mod konformi mal-Artikolu 1(3) tal-Liġi fuq il-prova tal-ħatra, din tal-aħħar “ma tapplikax jekk ftehim kollettiv jimponi fuq min iħaddem l-obbligu li jgħarraf lill-ħaddiem bil-kundizzjonijiet tar-relazzjoni ta’ impjieg, u jekk dan il-ftehim ikun fih klawżoli li jkunu konformi għall-inqas mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/533”.

14

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Liġi fuq il-prova tal-ħatra ma tissuġġettax l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedji ġudizzjarji mogħti lill-ħaddiem f’każ tal-inosservanza minn min iħaddem tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-informazzjoni li għandu jipprovdi lill-ħaddiema, għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun ġie nnotifikat minn dan il-ħaddiem biex jikkomunikalu f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, ittra ta’ ħatra skont il-ħtiġijiet tad-Direttiva 91/533.

Il-ftehim KTO

15

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Komuni Daniżi japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-ftehim KTO għall-ħaddiema kollha li huma jimpjegaw, kemm jekk dawn ikunu membri ta’ sindakat jew le.

16

B’mod konformi mal-ftehim KTO, jekk Komun ma jkunx bagħat ittra ta’ ħatra jew jekk din tal-aħħar ikun fiha żbalji, dan il-Komun jista’ jikteb ittra bħal din jew jikkoreġiha f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata wara li jkun ġie infurmat mill-ħaddiem dwar din l-ommissjoni jew dwar dawn l-iżbalji. Jekk min iħaddem ma jweġibx f’dan it-terminu, il-ħaddiem jista’ jieħu azzjoni legali sabiex isostni d-drittijiet tiegħu quddiem il-qrati. Id-dritt li jieħu azzjoni legali skont il-ftehim KTO huwa mogħti kemm lill-ħaddiema li huma membri ta’ sindakat kif ukoll lil dawk li mhumiex u jista’ jiġi eżerċitat ukoll, fiż-żewġ każijiet, mill-organizzazzjonijiet sindakali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fis-snin 1999 sa 2001, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Daniża dwar il-politika soċjali, R. Andersen ibbenefika minn ħames kuntratti ta’ reintegrazzjoni professjonali konklużi mal-Komun ta’ Skælskør. Dawn il-kuntratti kienu jikkostitwixxu miżuri ta’ għajnuna soċjali u kienu jirrigwardaw xogħol li ma setax jitwettaq fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol normali. Fir-rigward tal-persuni kkonċernati minn kuntratti bħal dawn tiġi applikata l-leġiżlazzjoni dwar l-impjegati, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-leave imħallas, l-allowance ta’ kuljum f’każ ta’ mard jew ta’ twelid ta’ wild u r-rimbors minn min iħaddem tal-ispejjeż għat-taħriġ.

18

L-imsemmija kuntratti ġew konklużi għal perijodu bejn xahar u tnax-il xahar. Madankollu, minħabba assenzi ta’ R. Andersen, dawn il-kuntratti fir-realtà applikaw għal perijodu ta’ inqas minn xahar.

19

Għal kull wieħed mill-imsemmija kuntratti, R. Andersen irċieva ittra ta’ ħatra li ma kinitx tissodisfa l-ħtiġijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/533. Mill-atti jirriżulta li fit-terminu ta’ ħmistax-il ġurnata wara li R. Andersen kien għarraf dan il-fatt lil min iħaddmu, dan tal-aħħar bagħatlu ittri ġodda ta’ ħatra li kienu totalment konformi mal-imsemmija ħtiġijiet.

20

Peress li kkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim KTO ma kinux applikabbli għalih għar-raġuni li ma kien membru ta’ ebda sindakat, R. Andersen ibbaża r-rikors għall-kumpens tad-danni li huwa ppreżenta quddiem il-qorti nazzjonali fuq il-Liġi fuq il-prova tal-ħatra, li tistabbilixxi l-kumpens tal-ħaddiema f’każ ta’ inosservanza minn min iħaddem tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-informazzjoni li għandu jipprovdi lill-ħaddiema. Peress li l-qorti fl-ewwel istanza ċaħdet dan ir-rikors, R. Andersen appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

21

Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 91/533 u peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni eżatta li għandha tingħata lil dawn id-dispożizzjonijiet, il-Højesteret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/533 […] għandu bħala effett li ftehim kollettiv li hu intiż biex jittrasponi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma japplikax għal ħaddiem li mhuwiex membru ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet sindakali firmatarji ta’ dan il-ftehim?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija negattiva, l-espressjoni ‘ħaddiema mhux koperti minn ftehim kollettiv jew minn ftehim kollettiv[i] li jirrelataw mar-relazzjoni ta’ l-impjieg’ li tinsab f[it-tieni subparagrafu ta]l-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva, għandha tiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ ftehim kollettiv li jimponu n-notifika minn qabel ta’ min iħaddem ma japplikawx għal ħaddiem li mhuwiex membru ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet sindakali firmatarji ta’ dan il-ftehim?

3)

L-espressjonijiet ‘kuntratt temporanju’ u ‘relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja]’ li jinsabu f[it-tieni subparagrafu ta]l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jirreferu għal relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien qasir jew għal kwalunkwe tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien speċifikat? Fl-ewwel każ, skont liema kriterji relazzjoni ta’ impjieg għandha tiġi kkunsidrata bħala temporanja (għal żmien qasir)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/533 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ftehim kollettiv li jittrasponi fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huwa applikabbli għal ħaddiem għalkemm dan ma huwa membru ta’ ebda organizzazzjoni sindakali firmatarja tal-imsemmi ftehim kollettiv.

23

Mill-bidu għandu jingħad li l-kliem tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/533 ma jippermettix li tingħata risposta sodisfaċenti għal din id-domanda.

24

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/533, moqri fid-dawl tat-tlettax-il premessa tagħha, jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-Istati Membri jistgħu jħallu f’idejn l-imsieħba soċjali biex jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi trasposta l-imsemmija direttiva, filwaqt li l-Istati Membri għandhom fi kwalunkwe mument ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-direttiva.

25

Għandu jingħad ukoll li l-fakultà b’hekk mogħtija lill-Istati Membri mill-imsemmija direttiva hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistipula li dawn tal-aħħar jistgħu jħallu, primarjament, f’idejn l-imsieħba soċjali biex jiksbu l-għanijiet tal-politika soċjali previsti f’direttiva f’dan il-qasam (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1985, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 143/83, Ġabra p. 427, punt 8; tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 235/84, Ġabra p. 2291, punt 20, u tat-28 ta’ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-187/98, Ġabra p. I-7713, punt 46).

26

Madankollu, f’dan ir-rigward huwa importanti li jingħad li l-imsemmija fakultà ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li jiżguraw ruħhom, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrativi xierqa, li l-ħaddiema kollha jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sħiħa mogħtija lilhom mid-Direttiva 91/533, peress li l-garanzija statali għandha tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn protezzjoni ma tingħatax b’xi mod ieħor u, b’mod partikolari, meta dan in-nuqqas ta’ protezzjoni jkun dovut għall-fatt li l-ħaddiema kkonċernati mhumiex membri f’sindakat.

27

B’hekk jirriżulta li d-Direttiva 91/533, fiha nfisha, ma tipprojbixxix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ħaddiem li ma jkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ ftehim kollettiv li jimplementa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva mhuwiex, għal din ir-raġuni biss, prekluż milli jibbenefika, skont dan il-ftehim kollettiv, mill-protezzjoni kollha prevista mill-imsemmija direttiva.

28

Fil-kawża prinċipali, mhuwiex ikkontestat li l-leġiżlazzjoni Daniża tirrikonoxxi favur il-ħaddiema kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim KTO, kemm jekk ikunu membri ta’ organizzazzjoni sindakali jew le, id-dritt li jinvokaw, quddiem il-qrati nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kollettiv li joffrulhom protezzjoni, b’mod li dawn il-ħaddiema kollha jibbenefikaw mill-istess protezzjoni.

29

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk din il-konstatazzjoni tikkorrispondix mar-realtà u li tassigura li l-ftehim KTO huwa ta’ tali natura li jiggarantixxi lill-ħaddiema koperti minnu, protezzjoni effettiva tad-drittijiet li tagħtihom id-Direttiva 91/533.

30

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/533 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ftehim kollettiv li jittrasponi fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huwa applikabbli għal ħaddiem għalkemm dan ma huwa membru ta’ ebda organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ tali ftehim kollettiv.

Fuq it-tieni domanda

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi li ħaddiem li mhuwiex membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ ftehim kollettiv li jirregola r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan tal-aħħar jista’ jkun ikkunsidrat bħala “kopert minn” dan il-ftehim fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

32

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-użu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533, tal-kliem “mhux koperti minn ftehim kollettiv jew minn ftehim kollettiv[i]” jissuġġerixxi li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jindirizza s-sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema kkonċernati ma jibbenefikawx mill-protezzjoni legali li suppost għandu jagħti ftehim kollettiv lill-ħaddiema li għalihom japplika.

33

Hekk kif il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġustament sostniet, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mit-tqabbil tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva 91/533.

34

Peress li l-kategorija tal-persuni li jistgħu jkunu koperti minn ftehim kollettiv bħal, b’mod partikolari, fil-każ ta’ ftehim kollettiv iddikjarat li għandu applikazzjoni ġenerali, tista’ tkun totalment indipendenti mill-fatt li dawn il-persuni jkunu membri ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ din il-konvenzjoni jew le, il-fatt li persuna ma tkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali bħal din m’għandux, fih innifsu, bħala effett li jippriva lil din il-persuna mill-protezzjoni legali mogħtija mill-ftehim kollettiv inkwistjoni.

35

Għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni mogħtija iktar ’il fuq hija konformi mar-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li, hekk kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza preżenti, awtorizza lill-Istati Membri jħallu f’idejn l-imsieħba soċjali li jimplementaw, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ ftehim kollettivi, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/533.

36

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tippermetti li jintlaħaq l-għan prinċipali tal-imsemmija direttiva li huwa, hekk kif jirriżulta mit-tieni, mill-ħames u mis-seba’ premessi tagħha, it-titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema billi jiġu infurmati dwar l-elementi essenzjali tal-kuntratt tagħhom jew tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, sa fejn ftehim kollettiv li jittrasponi korrettement din id-direttiva fid-dritt nazzjonali jista’, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, jiġi invokat mill-ħaddiema kollha li għalihom japplika, kemm jekk dawn ikunu membri ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ dan il-ftehim u kemm jekk le.

37

Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, minn naħa, tivverifika jekk, hekk kif jagħtu x’jifhmu l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħaddiem bħal R. Andersen huwiex kopert mill-ftehim KTO u, min-naħa l-oħra, tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kollettiv humiex tali li jiżguraw il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mid-Direttiva 91/533.

38

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix li ħaddiem li mhuwiex membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ ftehim kollettiv li jirregola r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan tal-aħħar jista’ jkun ikkunsidrat bħala “kopert minn” dan il-ftehim fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

39

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-frażi “kuntratt temporanju jew […] relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja]” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-kuntratti kollha u r-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien speċifikat jew dawk biss li huma konklużi għal żmien qasir.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12, u tat-3 ta’ April 2008, Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien, C-442/05, Ġabra p. I-1817, punt 30).

41

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533, għandu jingħad li l-frażi “kuntratt temporanju jew b’relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja]” li tinsab hemm mhijiex definita minn din id-direttiva u jidher li ma tinsab f’ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju derivat.

42

Il-leġiżlatur Komunitarju, min-naħa l-oħra, irrefera f’numru ta’ okkażjonijiet għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet ta’ impjieg “għal dewmien fiss [żmien speċifikat]”. Dan huwa l-każ b’mod partikolari fid-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE, tal-25 ta’ Ġunju tal-1991, li tissupplimenta l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ impjieg b’dewmien fiss jew ta’ impjieg temporanju (ĠU L 206, p. 19), li ġiet adottata erba’ xhur biss qabel id-Direttiva 91/533, u fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU L 175, p. 43).

43

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li billi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533, intużat il-kelma “temporanju” — minflok l-espressjoni “għal [żmien speċifikat]” bħal, preċedentement fid-Direttiva 91/383 u, imbagħad fid-Direttiva 1999/70 — il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li ma jkoprix il-kuntratti kollha ta’ xogħol għal żmien speċifikat.

44

Interpretazzjoni bħal din tar-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju tissodisfa l-ħtieġa li d-dritt Komunitarju jiġi interpretat kemm jista’ jkun b’mod li josserva u jiżgura l-koerenza interna tiegħu.

45

M’għandhomx jitqajmu dubji dwar din l-interpretazzjoni minħabba l-fatt li l-kliem “kuntratt temporanju jew relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja]” jintuża fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/533, dispożizzjoni li telenka l-elementi essenzjali tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ impjieg li għandhom bilfors jiġu kkomunikati lill-ħaddiem, fosthom, fis-subparagrafu (e), id-“dewmien mistenni” ta’ dan il-kuntratt jew ta’ din ir-relazzjoni ta’ impjieg. L-espressjoni “dewmien mistenni” fil-fatt tinkludi inċertezza temporali li tiddistingwiha mill-kliem preċiż użat fil-punt 1 tal-klawżola 3, tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien speċifikat, li jikkostitwixxi l-anness tad-Direttiva 1999/70, sabiex jindika l-element karatteristiku ta’ kuntratt għal żmien speċifikat, jiġifieri l-fatt li t-tmiem ta’ kuntratt bħal dan huwa stabbilit permezz ta’ “kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku jew it-twettiq ta’ każ [avveniment] speċifiku”. Differenza terminoloġika bħal din bilfors twassal sabiex wieħed jippreżumi li hemm differenza kunċettwali.

46

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jinsab it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533, għandu jingħad li, hekk kif il-Kummissjoni sostniet fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) jipprovdi għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jissuġġettaw l-użu tar-rimedji legali kontra min iħaddem li ma jirrispettax l-obbligi tiegħu, għal notifika minn qabel mill-ħaddiem.

47

Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li l-fakultà mogħtija lill-Istati Membri mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533, li jipprovdu għal tali formalità minn qabel għandha l-għan li tippromwovi l-ekonomija tal-ġudizzju u li tevita l-kawżi, billi l-kunflitti jiġu riżolti permezz ta’ rimedji inqas onerużi u inqas kumplessi mir-rimedji ġudizzjarji.

48

Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/553 jelenka tliet kategoriji ta’ ħaddiema li fir-rigward tagħhom ma tistax tiġi imposta din il-formalità, jiġifieri l-ħaddiema espatrijati, dawk li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom mhijiex koperta minn ftehim kollettiv u l-ħaddiema li għandhom kuntratt temporanju jew relazzjoni tal-impjieg ta’ natura temporanja. Għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif issuġġerixxa l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-eċċezzjoni hekk kif prevista mil-leġiżlatur Komunitarju għandha l-għan li tevita li l-użu tan-notifika jsir formalità eċċessiva, li fil-prattika tirrendi l-aċċess għar-rimedji ġudizzjarji aktar diffiċli, jew impossibbli, għall-ħaddiem ikkonċernat.

49

Fir-rigward tal-portata ta’ din l-eċċezzjoni, mill-enumerazzjoni tal-kategoriji tal-ħaddiema eżentati mill-formalità tan-notifika minn qabel jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jipproteġi l-kategoriji li, għal raġunijiet materjali jew ġuridiċi, jidhrulu, fir-rigward tat-twettiq tal-formalità meħtieġa, l-aktar vulnerabbli, bħall-ħaddiema espatrijati, li jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet marbuta mal-iżolament ġeografiku tagħhom, u l-ħaddiema li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom mhijiex koperta minn ftehim kollettiv, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ iżolament ġuridiku.

50

Meta rrefera għall-ħaddiema li għandhom kuntratt temporanju jew relazzjoni tal-impjieg ta’ natura temporanja, il-leġiżlatur Komunitarju ma kellu ebda raġuni partikolari biex ikopri, mingħajr ebda distinzjoni u indipendentement mit-tul tal-impjieg, il-ħaddiema kollha b’kuntratt għal żmien speċifikat. Min-naħa l-oħra, huwa loġiku u ġustifikat li huwa kellu l-intenzjoni jirreferi għall-ħaddiema li għandhom kuntratt għal żmien qasir, peress li dan jista’ fil-prattika jikkostitwixxi xkiel għall-aċċess effettiv tagħhom għal rimedji ġudizzjarji.

51

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/533, mit-tnax-il premessa tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrefletti l-preokkupazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jiggarantixxi lill-ħaddiema impjegati l-possibbiltà li jasserixxu d-drittijiet tagħhom mogħtija minn din id-direttiva. Tali preokkupazzjoni tikkorrobora l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt preċedenti, li l-leġiżlatur Komunitarju, meta rrefera għall-ħaddiema li għandhom “kuntratt temporanju jew […] relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja]” ried ikopri l-ħaddiema li għandhom kuntratt għal żmien tant qasir li l-obbligu li ssir notifika qabel ma jadixxu lill-qorti tista’ tippreġudika l-aċċess effettiv għar-rimedji ġudizzjarji.

52

Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni fid-Direttiva 91/533 fir-rigward tal-mod kif għandu jiġi stabbilit b’mod aktar preċiż dan il-perijodu ta’ żmien, bħala prinċipju huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu dan. F’każ li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tkunx ipprovdiet għal tali perijodu ta’ żmien, hekk kif issuġġerixxa l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxuh każ b’każ u skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti setturi jew ta’ ċerti tipi ta’ xogħol u attivitajiet.

53

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmi perijodu ta’ żmien għandu jkun stabbilit b’mod li ma jippreġudikax l-effettività tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533, li għandu bħala għan, hekk kif jirriżulta mill-punt 51 tas-sentenza preżenti, li jippermetti lill-ħaddiema li huma f’sitwazzjoni prekarja jasserixxu direttament quddiem il-qrati d-drittijiet mogħtija lilhom mill-imsemmija direttiva.

54

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-frażi “kuntratt temporanju jew […] relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja]” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533 għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-kuntratti u r-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien qasir. Fin-nuqqas ta’ regoli adottati għal dan il-għan fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-perijodu ta’ żmien każ b’każ u skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti setturi jew ta’ ċerti tipi ta’ xogħol u attivitajiet. L-imsemmi perijodu ta’ żmien għandu madankollu jkun stabbilit b’mod li jiżgura l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema skont l-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE, tal-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ftehim kollettiv li jittrasponi fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huwa applikabbli għal ħaddiem għalkemm dan ma huwa membru ta’ ebda organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ tali ftehim kollettiv.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix li ħaddiem li mhuwiex membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ ftehim kollettiv li jirregola r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan tal-aħħar jista’ jkun ikkunsidrat bħala “kopert minn” dan il-ftehim fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

 

3)

Il-frażi “kuntratt temporanju jew […] relazzjoni ta’ l-impjieg [ta’ natura temporanja]” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533 għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-kuntratti u r-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien qasir. Fin-nuqqas ta’ regoli adottati għal dan il-għan fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-perijodu ta’ żmien każ b’każ u skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti setturi jew ta’ ċerti tipi ta’ xogħol u attivitajiet. L-imsemmi perijodu ta’ żmien għandu madankollu jkun stabbilit b’mod li jiżgura l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema skont l-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top