EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0209
Judgment of the Court (Third Chamber) of 20 November 2008.#Competition Authority v Beef Industry Development Society Ltd and Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd.#Reference for a preliminary ruling: Supreme Court - Ireland.#Competition - Article 81(1) EC - Concept of an ‘agreement having as its object the restriction of competition’ - Agreement to reduce production capacity - Beef and veal.#Case C-209/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-20 ta' Novembru 2008.
Competition Authority vs Beef Industry Development Society Ltd u Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Supreme Court - l-Irlanda.
Kompetizzjoni - Artikolu 81(1) KE - Kunċett ta’ ‛ftehim li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni’ - Ftehim għat-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni - Laħam taċ-ċanga u tal-vitella.
Kawża C-209/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-20 ta' Novembru 2008.
Competition Authority vs Beef Industry Development Society Ltd u Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Supreme Court - l-Irlanda.
Kompetizzjoni - Artikolu 81(1) KE - Kunċett ta’ ‛ftehim li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni’ - Ftehim għat-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni - Laħam taċ-ċanga u tal-vitella.
Kawża C-209/07.
European Court Reports 2008 I-08637
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:643
*A9* Supreme Court, order and decision of 08/03/2007 (394 of 2006 ; 2003 No. 7764p)
- European Commercial Cases 2008 p.113-128
*P1* Supreme Court, judgment 03/11/2009 (394 of 2006)
*P1* Supreme Court, judgment 03/11/2009 (394 of 2006)
*P1* Supreme Court, order of 11/11/2009 (394 and 406 of 2006)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
20 ta’ Novembru 2008 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Artikolu 81(1) KE — Kunċett ta’ ‘ftehim li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni’ — Ftehim għat-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni — Laħam taċ-ċanga u tal-vitella”
Fil-Kawża C-209/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-, fil-proċedura
Competition Authority
vs
Beef Industry Development Society Ltd,
Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Competition Authority, minn V. Balaguer, bħala aġent, D. McDonald u A. Collins, SC, kif ukoll minn Ú. Tighe, BL, mandatarji minn D. McFadden, solicitor, |
— |
għal Beef Industry Development Society Ltd, minn D. O’Donnell, M. Collins u D. Barniville, SC, kif ukoll minn I. McGrath, BL, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Competition Authority u, min-naħa l-oħra, Beef Industry Development Society Ltd (iktar ’il quddiem “BIDS”) u Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd (iktar ’il quddiem “Barry Brothers”) fir-riġward tad-deċiżjoni tal-BIDS li torganizza r-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella fl-Irlanda. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
3 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni mressqa quddiem is-Supreme Court tidħol fil-kuntest tal-eċċessi ta’ kapaċità li jaffettwaw is-settur tal-annimali tal-ifrat fl-irlanda u, b’mod partikolari s-settur ta’ pproċessar (qtil tal-bhejjem u ddissussar tal-laħam). |
4 |
Studju kkummissjonat fl-1998 fuq talba konġunta tal-Gvern Irlandiż u tar-rappreżentanti tas-settur tal-annimali tal-ifrat ikkonkluda li kien neċessarju li n-numru ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam, li dak iż-żmien kienu 20, jitnaqqas għal bejn 4 u 6. Dan ir-rapport kien ukoll jirrakkomanda li dawk li jibqgħu fis-suq (iktar ’il quddiem il-“membri li jibqgħu”) jikkumpensaw lill-dawk li jiġu mġielgħa jitilqu mis-suq (iktar ’il quddiem il-“membri li ser joħorġu”). |
5 |
Fl-1999, grupp ta’ ħidma mwaqqaf mill-Ministru tal-agrikoltura u l-ikel wasal għal konklużjonijiet analogi u rrakkomanda l-ħolqien, min-naħa ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam, ta’ fond ta’ kumpens. |
6 |
Skont dawn il-konklużjonijiet, fit-2 ta’ Mejju 2002 l-għaxar impriżi prinċipali fost dawk li jipproċessaw il-laħam stabbilixxew il-BIDS. Din tal-aħħar ippreparat abbozz ta’ pjan ta’ razzjonalizzazzjoni li kien jipprovdi, fost l-oħrajn, tnaqqis ta’ madwar 25 % tal-kapaċitajiet ta’ pproċessar, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ volum ta’ madwar 420000 bhima fis-sena. |
7 |
BIDS kellha l-intenzjoni timplementa dawn l-għanijiet permezz ta’ ftehim konklużi bejn il-membri li jibqgħu u l-membri li ser joħorġu, u dan skont ftehim standard li l-karatteristiċi ewlenin tiegħu huma miġbura fil-punti segwenti. |
8 |
Dan il-ftehim standard kien jipprovdi li l-membri li jibqgħu jikkumpensaw lill-dawk li ser joħorġu u li l-ammont ta’ dawn il-kumpensi kellu jiġi ddeterminat mill-partijiet. Il-BIDS tħallas dawn il-kumpensi lill membri li ser joħorġu. Il-membri li jibqgħu, min-naħa tagħhom, jħallsu lura dawn il-kumpensi lill-BIDS permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR 2 għal kull bhima maqtula fi ħdan il-volum normali ta’ pproċessar u ta’ EUR 11 għall kull bhima maqtula lil hinn minn dan il-volum normali. Min-naħa tagħhom, il-membri li ser joħorġu jimpenjaw ruħhom:
|
9 |
Barry Brothers hija kumpannija li tipproċessa l-laħam taċ-ċanga u tal-vitella. Hija kkonkludiet mal-BIDS ftehim li jinkludi l-karatteristiċi deskritti fil-punt preċedenti. |
10 |
BIDS innotifikat dan il-ftehim u l-ftehim standard lill-Competition Authority (iktar ’il quddiem il-“ftehim BIDS”). |
11 |
Wara li fil-5 u fis-26 ta’ Ġunju 2003 l-Competition Authority informat lill-BIDS li hija kienet tqis li l-ftehim BIDS kienu jmorru kontra l-Artikolu 81(1) KE, hija, fit-, talbet lill-High Court tordna lill-BIDS u lil Barry Brothers ma jimplementawx il-ftehim. |
12 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2006, il-High Court ċaħdet din it-talba. Hija kkunsidrat li l-ftehim konkluż bejn BIDS u Barry Brothers ma kienx kopert mill-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE u lanqas ma kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni pprovduti fl-Artikolu 81(3). |
13 |
Il-Competition Authority appellat minn din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Meta jkun ġie stabbilit mill-qorti li:
fejn jirriżulta li tali ftehim jista’, għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE, ikollu effett sostanzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri, tali ftehim għandu jiġi kkunsidrat li għandu bħala għan, li huwa distint mill-effett tiegħu, li jostakola, jirrestrinġi jew jgħawweġ il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u konsegwentement, bħala inkompatibbli mal-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea?” |
Fuq id-domanda preliminari
14 |
Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ftehim li jkollhom karatteristiċi bħal dawk tal-ftehim BIDS għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jirrestringu l-kompetizzjoni u li huma pprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE sempliċement minħabba l-għan tagħhom jew jekk, bil-kontra ta’ dan, huwiex meħtieġ li sabiex tintlaħaq tali konklużjoni għandu preliminarjament jiġi pprovat li tali ftehim jipproduċu effetti antikompettittivi. |
15 |
Għandu jiġi mfakkar li sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE, ftehim għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”. B’effett mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337, 359), hija ġurisprudenza stabbilita li n-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata mill-konġunżjoni “jew”, għandha twassal sabiex qabel kollox jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat. Madankollu, fil-każ fejn mill-eżami tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim ma jirriżultax livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex dan ikun ipprojbit, għandu jkun jissodisfa l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni tkun effettivament ġiet jew ostakolata, jew ristretta jew inkella distorta b’mod kunsiderevoli. |
16 |
Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni ta’ jekk ftehim huwiex ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE mhuwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tiegħu fis-suq meta jkun jidħer li dan għandu l-għan li jostakola, jirrestrinġi jew jgħawweġ il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, kif ukoll tal-, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 125). Dan l-eżami għandu jseħħ fid-dawl tal-kontenut tal-ftehim u tal-kuntest ekonomiku li jkun jifforma parti minnu (sentenzi tat-, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 26, kif ukoll tas-, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 66). |
17 |
Id-distinsjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba l-effetti” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni. |
18 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-Competition Authority kif ukoll il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li l-ftehim BIDS għandhom manifestament għan antikompetittiv u għaldaqstant mhuwiex neċessarju li jiġu kkunsidrati l-effetti konkreti tagħhom u jikkunsidraw li dawn il-ftehim ġew konklużi bi ksur tal-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE. |
19 |
Min-naħa l-oħra, BIDS issostni li l-imsemmija ftehim ma jaqgħux taħt il-kategorija tal-ksur minħabba l-għan iżda, bil-kontra ta’ dan, għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-effetti konkreti tagħhom fis-suq. Hija ssostni li l-ftehim BIDS, minn naħa, m’għandhomx għan antikompetittiv u li, min-naħa l-oħra, dawn ma jġibux magħhom efetti dannużi għall-konsumaturi kif ukoll, b’mod ġenerali, għall-kompetizzjoni. Hija tispeċifika li l-għan ta’ dawn il-ftehim mhuwiex dak li ssir ħsara lill-kompetizzjoni jew lill-benesseri tal-konsumaturi iżda dak li tiżdied l-effiċjenza ta’ settur tal-annimali tal-ifrat sabiex isir iktar kompetittiv billi jitnaqqsu l-eċċessi ta’ kapaċità fil-produzzjoni, mingħajr madankollu ma jneħħihom kompletament. |
20 |
Dan l-aħħar argument ma jistax jintlaqa’. |
21 |
Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE, wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu u fuq l-għanijiet oġġettivi li huwa jrid jilħaq. F’dan ir-rigward, anke jekk jiġi kkunsidrat bħala paċifiku li l-partijiet fi ftehim aġixxew mingħajr l-ebda intenzjoni suġġettiva li jirrestrinġu l-kompetizzjoni iżda bl-iskop li jagħmlu tajjeb għall-effetti tal-kriżi settorjali, xorta jibqa’ l-fatt li tali kunsiderazzjonijiet mhumiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, ftehim jista’ jitqies li għandu għan restrittiv anke jekk m’għandux bħala għan waħdieni li jillimita l-kompetizzjoni imma għandu għanijiet oħra li huma leġittimi (sentenza General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE li elementi bħal dawk invokati mill-BIDS jistgħu, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ eżenzjoni mill-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE. |
22 |
Barra minn dan BIDS issostni li l-kunċett ta’ ksur minħabba l-għan għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Huma biss dawk il-ftehim li għandhom bħala għan l-iffissar orizzontali tal-prezzijiet, il-limitazzjoni tal-produzzjoni jew it-tqassim tas-swieq li jaqgħu taħt din il-kategorija, jiġifieri dawk il-ftehim li l-effetti antikompetittivi tagħhom ikunu saru tant evidenti li ma tkun meħtieġa ebda analiżi ekonomika. Il-ftehim BIDS la jistgħu jiġu assimilati ma dawn it-tipi ta’ ftehim u lanqas ma forom oħra ta’ akkordji kumplessi. BIDS issostni li ftehim li jikkonċerna t-tnaqqis tal-eċċessi ta’ kapaċità settorjali ma jistax jiġi assimilat ma ftehim intiż sabiex “jillimità l-produzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 81(1)(b) KE. Fil-fatt, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bħala li jikkonċerna limitazzjoni tal-produzzjoni totali tas-suq iktar milli l-limitazzjoni tal-produzzjoni ta’ wħud mill-operaturi li jirtiraw volontarjament mis-suq, mingħajr ma dan iġib miegħu tnaqqis fil-produzzjoni. |
23 |
Madankollu, kif tosservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tipi ta’ ftehim elenkati fl-Artikolu 81(1)(a) sa (e) ma jifformawx lista eżawrjenti tal-kollużjonijiet ipprojbiti. |
24 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ftehim li għandhom l-istess karatteristiċi bħal dawk deskritti mill-qorti ta’ rinviju għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. |
25 |
Skont BIDS, jekk ftehim ma jaffettwax il-produzzjoni totali fis-suq u ma jostakolax il-libertà li l-operaturi jaġixxu b’mod awtonomu, kull impatt antikompetittiv jista’ jiġi eskluż. Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħruġ ta’ wħud mill-operaturi mis-suq mhuwiex rilevanti peress li dawk li jibqgħu fis-suq ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw id-domanda. |
26 |
BIDS iżżid tgħid li l-istruttura tas-suq ma tippermettix lill-dawk li jipproċessaw il-laħam li jinfluwenzaw l-istess struttura peress li madwar 90 % tad-domanda toriġina l-barra mill-Irlanda. Fis-suq Irlandiż, is-setgħa ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam hija bbilanċjata mis-setgħa ta’ xiri tal-erba’ distributuri l-kbar. Għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni li jistgħu joffru operaturi ġodda li jidħlu fis-suq ikkonċernat. |
27 |
BIDS tosserva li l-każijiet fejn limitazzjoni tal-offerta ġiet ikkunsidrata bħala ksur minħabba l-għan kienu jikkonċernaw ftehim aċċessorji għal-ftehim li jiffissaw orizzontalment il-prezzijiet jew inkella l-produzzjoni [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 80/1334/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1980, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81] tat-Trattat KEE (IV/29.869 — Cast glass Taljan) (ĠU L 383, p. 19), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/601/KE, tat-, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/C/33.833 — Kartun) (ĠU L 243, p. 1)], u li l-ftehim BIDS mhumiex paragunabbli ma dawn it-tipi ta’ ftehim. |
28 |
Skont BIDS il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza ma jippermettux li jiġi kokluż li hemm restrizzjoni minħabba l-għan [ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 84/380/KEE, tal-4 ta’ Lulju 1984, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81] tat-Trattat KEE (IV/30.810 — Fibri Sintetiċi) (ĠU L 207, p. 17), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/296/KE, tad-, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/34.456 — Stichting Baksteen) (ĠU L 131, p. 15), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Weyl Beef Products et vs Il-Kummissjoni, T-197/97 u T-198/97, Ġabra p. II-303]. |
29 |
Il-ftehim BIDS ma jistgħux jiġu pparagunati mal-iffriżar tal-kapaċitajiet previst mill-konferenzi marittimi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/980/KE, tad-19 ta’ Ottubru 1994, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/34.446 — Trans Atlantic Agreement) (ĠU L 376, p. 1), peress li dawn ma kinux suffiċjenti sabiex jeliminaw l-eċċessi ta’ kapaċità settorjali. |
30 |
Fl-aħħar nett, il-ftehim BIDS la jikkontemplaw l-iffriżar jew nuqqas ta’ użu ta’ kapaċitajiet, la skambji ta’ informazzjoni u lanqas kwoti jew miżuri oħra intiżi sabiex jinżammu l-ishma tas-suq tal-membri li jibqgħu fis-suq. |
31 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess u mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan tal-ftehim BIDS huwa dak li jbiddel b’mod kunsiderevoli l-istruttura tas-suq permezz ta’ mekkaniżmu li jħeġġeġ il-ħruġ mis-suq ta’ impriżi kompetituri. |
32 |
Mill-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ftehim BIDS huma intiżi għat-titjib tal-profittabbiltà globali tal-impriżi li joffru iktar minn 90 % tas-servizzi ta’ pproċessar ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella fis-suq Irlandiż billi jippermettilhom joqorbu, x’aktarx jilħqu, l-iskala ta’ effiċjenza minima tagħhom. Sabiex dan iseħħ, dawn il-ftehim għandhom żewġ għanijiet prinċipali. Dawn huma, minn naħa, iż-żieda tal-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq ikkonċernat billi jitnaqqsu b’mod kunsiderevoli n-numru ta’ impriżi li joffru servizzi ta’ pproċessar u, min-naħa l-oħra, l-eliminazzjoni ta’ madwar 75 % tal-kapaċitajiet eċċessivi ta’ produzzjoni. |
33 |
Għalhekk, il-ftehim BIDS huma intiżi sabiex jippermettu lil diversi impriżi jimplementaw politika komuni li għandha l-għan li tiffavorixxi l-ħruġ mis-suq ta’ wħud fosthom u li, konsegwentement, tnaqqas l-eċċessi ta’ kapaċità li jaffettwaw il-profittabbiltà tagħhom u li jostakolawhom milli jagħmlu ekonomija ta’ skala. |
34 |
Dawn it-tipi ta’ ftehim huma evidentement konfliġġenti mal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, li jipprovdi li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq. L-Artikolu 81(1) KE huwa effettivament intiż sabiex jipprojbixxi kull forma ta’ koordinazzjoni li intenzjonalment tissostitwixxi r-riskji tal-kompetizzjoni b’kooperazzjoni prattika bejn l-impriżi. |
35 |
Fil-kuntest tal-kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ dawn il-ftehim, sabiex itejbu l-profittabbiltà tagħhom l-impriżi li ffirmaw li ftehim BIDS ma kienx ikollhom triq oħra ħlief li jintensifikaw ir-rivalità kummerċjali tagħhom jew inkella jirrikorru għal operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni. Permezz ta’ dawn il-ftehim, ikun possibbli għalihom li jevitaw tali proċess u li jaqsmu parti importanti mill-ispejjeż neċessarji għat-tkabbir tal-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq permezz ta’, fost l-oħrajn, kontribuzzjoni ta’ EUR 2 għal kull unità pproċessata mill-membri li jibqgħu. |
36 |
Barra minn dan, il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq l-għan tal-ftehim BIDS ukoll jikkostitwixxu restrizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa ta’ natura antikompetittiva. |
37 |
L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni ta’ EUR 11 għal kull bhima maqtula lil hinn mill volum normali ta’ pproċessar ta’ kull membru li jibqa’ fis-suq, din tirrappreżenta, skont BIDS, il-prezz li dawn tal-aħħar għandhom iħallsu sabiex jiksbu l-klijentela tal-membri li ser joħorġu mis-suq. Madankollu għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tagħha, li miżura bħal din ukoll tikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp naturali tal-ishma tas-suq fir-rigward ta’ wħud mill-membri li jibqgħu li, minħabba l-karattru dissważiv ta’ din il-kontribuzzjoni, ikunu mħeġġa ma jaqbżux il-volum normali tagħhom ta’ pproċessar. Għalhekk din il-miżura tirriskja li twassal lil ċerti operaturi sabiex jiffriżaw il-produzzjoni tagħhom. |
38 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda r-restrizzjonijiet imposti fuq il-membri li ser joħorġu mis-suq fir-rigward tat-tneħħija u l-użu tal-impjanti ta’ pproċessar tagħhom, il-ftehim BIDS jinvolvu wkoll, mill-istess għan tagħhom, restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni safejn dawn huma intiżi li jevitaw li dawn l-impjanti jkunu jistgħu jintużaw minn operaturi ġodda li jidħlu fis-suq bl-għan li jikkompetu kontra l-membri li jibqgħu fis-suq. Kif osservat il-Competition Authority fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, peress li l-investimenti meħtieġa għall-bini ta’ impjant ġdid ta’ pproċessar kienu ħafna ogħla mill-ispejjeż meħtieġa għat-teħid ta’ impjant eżistenti, dawn ir-restrizzjonijiet huma manifestament intiżi sabiex jiddisswadu lil kompetituri l-ġodda milli jidħlu fis-suq tat-territorju kollu tal-gżira tal-Irlanda. |
39 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li l-imsemmija restrizzjonijiet, l-istess bħal klawżola ta’ nonkompetizzjoni imposta fuq il-membri li ser joħorġu, huma limitati fiż-żmien mhuwiex ta’ natura tali li jikkonfuta l-konstatazzjoni tan-natura antikompetittiva tal-għan tal-ftehim BIDS. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil punt 86 tal-konklużjonijiet tagħha, tali elementi jistgħu jkunu rilevanti, l-iktar l-iktar, għall-finijiet tal-eżami tal-erba’ kundizzjonijiet li l-osservanza tagħhom hija meħtieġa mill-Artikolu 81(3) KE sabiex ftehim jevita l-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1). |
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li ftehim li għandu karatteristiċi bħal dawk tal-ftehim standard konkluż bejn l-għaxar impriżi ewlenin fost l-impriżi li jipproċessaw il-laħam taċ-ċanga u tal-vitella fl-Irlanda, li huma membri tal-BIDS, u li b’mod partikolari jipprovdi għal tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ pproċessar b’madwar 25 %, għandu l-għan li jostakola, jirrestrinġi jew jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. |
Fuq l-ispejjeż
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Ftehim li għandu karatteristiċi bħal dawk tal-ftehim standard konkluż bejn l-għaxar impriżi ewlenin fost l-impriżi li jipproċessaw il-laħam taċ-ċanga u tal-vitella fl-Irlanda, li huma membri tal-Beef Industry Development Society Ltd, u li b’mod partikolari jipprovdi għal tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ pproċessar b’madwar 25 %, għandu l-għan li joħloq ostakolu, restrizzjoni jew distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.